7.4.14

Mistoqsijiet relatati mal-qlugħ tas-siġar fil-pjazza ta’ Kastilja.


Stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Charlo Bonnici

Fil-ġranet li ġejjin mill-pjazza ta’ Kastilja se jinqalgħu erbatax-il siġra tal-palm, tnax tat-tip Phoenix Canariensis u tnejn Wasingtonia Filfera. Dan sabiex ikun jista’ jitqiegħed u jingħata prominenza l-monument tal-eks Prim Ministru Duminku Mintoff. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari kemm mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi kif ukoll mill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat. 

Għalkemm il-MEPA ħarġet  il-permessi meħtieġa biex isir dan ix-xogħol, l-Oppożizzjoni tesprimi t-tħassib tagħha għal numru ta’ fatti marbuta miegħu:
  
1.       Skont it-tweġiba mogħtija fil-Parlament, ħamsa minn dawn is-siġar se jinqerdu minħabba li għandhom sintomi ta’ infezzjoni tal-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm. Il-mistoqsija tqum waħedha: min iddetermina li jeżistu dawn is-sintomi? Inħarġu ċertifikati biex juru dan? Jekk iva, għaliex iż-żewġ Ministri naqsu milli jpoġġu dawn iċ-ċertifikati fuq il-mejda tal-Kamra kif mitluba?

2.       Xi rwol kellu l-Kumitat Konsultattiv dwar is-Siġar li twaqqaf mill-Ministru Leo Brincat wara l-elezzjoni ġenerali f’dan il-proġett? Il-Kumitat Konsultattiv ġie konsultat?

3.       Huwa minnu li l-uffiċjali esperti f’dan il-qasam ġew maqbuża u li l-ordnijiet ingħataw minn kwartieri politiċi?

4.       Qabel ma jipproċedi bil-qlugħ tas-siġar, il-Gvern se jagħmel analiżi dwar ir-rata ta’ suċċess fit-trasferiment minn post għall-ieħor ta’ dawn it-tip ta’ siġar?

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar fil-wegħda 65 imniżżla fil-programm elettorali tal-Partit Laburista li twiegħed li:  “inħarsu kontinwament is-siġar eżistenti fil-bliet u fl-irħula Maltin u ninċentivaw it-tħawwil ta’ aktar siġar, partikolarment dawk indiġeni.” Din il-wegħda kif qed titwettaq f’dan il-każ?

--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...