3.4.14

Il-Personalitajiet Politiċi.



1.         Tul kull leġislatura tista’ ssegwi dak li jkunu għaddejjin minnu l-persuni li jsibu lilhom infushom magħżula mill-poplu biex jiddeċiedu għalihom fil-Parlament.  Il-kampanji elettorali, id-diskorsi, l-kitba, il-parteċipazzjoni sħiħa ssawwar u tbaskat lill-bnedmin.  Hemm min jiċċaqlaq f’direzzjoni u hemm min f’oħra.  Biss nosserva li llum għandna membri parlamentari li jridu jieħdu sehem attiv fi grad ferm ikbar minn dawk ta’ qabilhom.  Dan żgur li fih innifsu huwa tajjeb, però quddiem għajnejn il-poplu li mhux soltu jara dan hemm min jista’ jallarma jew jiskandalizza ruħu.

2.         Għamilt staġun membru parlamentari, ieħor Segretarju Parlamentari u nista’ nifhem xi jħoss min irid jagħti sehemu fid-dibattitu u l-formazzjoni ta’ l-għaġna politika u ma jarax kif.  Kont u għadni nieħu gost nikteb f’artikli bħal dawn.  Ħassejt u għadni nħoss li bihom nista’ nagħti l-opinjoni tiegħi.  Biss ma nistgħux nippretendu li kull persuna fil-politika jrid joqgħod f’dik il-Kamra meta hemm tant setturi ġodda fejn jista’ jieħu sehem.

3.         Anzi, ngħid li llum hemm neċessità dejjem akbar li d-deputati kollha jkollhom aċċess għall-elettorat.  Il-ħsieb li lill-politiċi l-poplu ma jridhomx, jew li ma jridx jismagħhom jew li ser idejquh ma naqbilx miegħu.  Hija opinjoni kummerċjali żbaljata dik li ssostni li mezzi tax-xandir, biex ikollhom is-segwaċi, jridu jaqtgħu barra dibattiti interessanti.  L-effett ta’ din il-mentalità hija dik li qed tagħti lill-poplu biċċiet ta’ informazzjoni bla kap u bla kuda.

4.         Il-pajjiż jinteressah jagħraf liema deċiżjonijiet ittieħdu u kif dawn wasalna għalihom.  Mhux biss, imma aktar u aktar hemm dejjem bżonn ta’ proċess ta’ diskussjoni u djalogu, jsir fuq liema livell isir.  Kif jista’ l-Gvern jagħraf x’għandu jagħti prijorità f’ħidmietu?  Bis-sempliċi opinjonijiet jew ittri li jidhru fil-gazzetti, jew li xi membru jirċievi?  Naħseb li dan il-kunċett ikun għal kollox żbaljat.  Flok nagħrfu l-istampa sħiħa li tagħmel ġid lil kulħadd nispiċċaw nindirizzaw problemi ta’ settur li jafu joħolqu ieħor lil settur ieħor.

5.         Il-personalitajiet politiċi tallum huma ferm iktar ħajjin minn qabel.  Iridu jipparteċipaw, jagħtu sehem u għandhom jingħataw dan l-ispazju.  Dan jagħmel ġid lis-sistema u anke lilhom infushom. Jekk dan ma jsirx, jekk ma nressqux iktar dibattiti bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra nkunu qed nitilfu opportunità tad-deheb.  Hemm bżonn ta’ iktar skambju ta’ ideat milli kellna qabel u fir-realta naħseb li dan huwa strument salutari għalina lkoll.

6.         Jekk f’dan il-proċess, persuna tesprimi opinjonijiet varjati, dawn jippermettu aktar għarfien ta’ x’linja għandha tittieħed.  Dejjem, ovvjament, mingħajr ma nitilfu mill-prinċipji li jsawruna u li jiġġustifikaw l-għaqda tagħna ġewwa partit politiku.  Biss irridu nassiguraw li dan isir, u jsir tajjeb.


 Artikolu li kien deher fit-23 ta Ottubru 2009.

No comments:

IL-FURJANA – TRIQ ĠNIEN DANTE ALIGHERI – SIĠAR TAĊ-ĊITRU

17508. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-m...