4.4.14

Umiltà u n-nuqqas tagħha.



1.         F’pajjiżna hemm varjetajiet ta’ karattri politiċi u pubbliċi.  Uħud mod u orħajn ieħor.  Is-sabiħ huwa li minnhom tagħraf l-imġieba t-tajba u dik li mhix.  Għalkemm mhux kulħadd japprezza, però valur essenzjali fil-politika Maltija u anke dik barranija huwa dak ta’ l-umiltà.  Li wieħed joqgħod lura, li kemm jista’ jkun attent għal dak li qiegħed jgħid u jagħmel, huwa essenzjali għal parti importanti mill-elettorat tagħna.  Żbaljatament nistgħu niġu miġbuda għal konklużjonijiet kuntrarji, imma l-esperjenza turi differentement.

2.         Għalkemm huwa minnu li hemm ċertu impatt meta persuna pubblika tidher jew tinstema’ fuq il-mezzi tax-xandir, is-sustanza ta’ dak li jingħad huwa mogħti ħafna piż. Il-poplu tagħna, għalkemm għal uħud jista’ jidher li ma josservax jew ma jitkellimx, fil-verità jagħmel dan, iqis u jqis sewwa.  Fuq dan, il-Partit Nazzjonalista reġa’ ġie elett fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali.  Il-votant, speċjalment dak moderat, kien determinanti sabiex jagħżel l-umiltà u ċ-ċertezza ta’ Lawrence Gonzi milli dak li kien qed joffri ħaddieħor.

3.         Ma ġejniex eletti mill-ġdid fuq kriterji oħra, salv dawk li rnexxielna nuru li għandna tmexxija differenti, kalma u li twassal għall-paċi u l-istabilità.  Minkejja l-kritika li qlajna u l-akkużi infondati ta’ korruzzjoni, il-pajjiż fehem li l-umiltà hija l-kriterju li fuqu l-Prim Ministru mexxa fil-leġislatura passata u din ta’ llum.  Il-maġġoranza tiddejjaq meta tmiss mal-ksuħat u aġir li jixbħuha.  Dan jitqies fil-fond u fid-dettall u għalkemm jista’ jkun hemm min jista’ jingosta temporanjament, fit-tul jifhem li huwa għal kollox żbaljat.

4.         Il-politiku għandu jżomm dan quddiem għajnejh, però daqshekk ieħor il-ġurnalist u l-artikolist.  Hemm min sfortunatament jaħseb li jista’ jġib attenzjoni fuqu jew fuq il-gazzetta li jikteb fiha billi jipprova jaqbeż il-limiti tar-raġuni.  Jaqbiżhom billi jesaġera fil-kritika tiegħu jew bi kliem żejjed, inkella billi jdaħħal fix-xenarju persuni li m’għandux.  Għalkemm jista’ jkun li dak li jinkiteb jinqara, però l-opinjoni fuq min kitibhom tinġabar minn dawk li għad għandhom l-użu tar-raġuni u tiġi kkunsidrata fid-dlam li ħaqqha.

5.         Hemm diversi metodi li permezz tagħhom wieħed iwassal messaġġ, ifiehem lill-pubbliku li qiegħed jaqra u ma hemmx bżonn dożi ta’ ksuħat.  L-esperjenza fil-medja turi dejjem iktar li l-intelliġenza tużaha billi tħaddem tajjeb ir-raġuni li qatt ma trid forza, la fiżika u lanqas morali.  Jekk ġurnalist mhuwiex kapaċi jaqbad din it-triq aħjar jieħu lezzjonijiet oħra jew idendel il-karti u l-pinen.  Ngħid dan għax nemmen li l-kritika hija indispensabbli għall-ħajja nazzjonali u demokratika tagħna u m’għandhiex tiġi abbużata.

6.         Biss il-kritika u l-awtokritika kif joħorġu barra mill-binarji ta’ l-umiltà, tal-bżonn li tressaq ‘il quddiem il-verità jispiċċaw jintilfu.  Ma jidhrux sewwa imma kompletament imċajprin.  Il-ħidma ta’ kull persuna jrid iwieġeb għaliha hu jew quddiem l-elettorat, jew quddiem il-qarrejja tiegħu, inkella quddiem il-Ħallieq.  Għalhekk huwa indispensabbli li min qiegħed fil-ħajja pubblika jagħraf li dak li qed jgħid, dak li qed jagħmel, dak li qed jikteb ser ikollu sehem fiż-żieda jew fit-tnaqqis ta’ l-istituzzjonijiet demokratiċi, mingħajr l-umiltà ma jimxix ‘il quddiem.

7.         Mhux kull persuna tapprezza dan, iktar u iktar meta jidher li wħud fis-settur tal-medja jaħsbu li m’għandu ikollhom ebda kontroll fuqhom, però dan irid isir sabiex id-demokrazija tiġi garantita.  Irridu ngħarfu li hemm is-sewwa u min isegwiha jirnexxilu jasal fejn dak li jixtieq meta jimxi f’din id-direzzjoni.  L-umiltà tista’ tidher għal uħud li hija xi sinjal ta’ dgħjufija, però mhix hekk: anzi hija ċ-ċavetta li tiftaħlek it-triq għall-verità.  Il-persuni li qegħdin fil-ħajja pubblika, ġejjin minn fejn ġejjin, jagħmlilhom dejjem ġid li jkunu umli f’għemilhom u f’kitbiethom.

8.         Nawgura minn qalbi s-sena t-tajba lill-qarrejja kollha ta’ din il-gazzetta u lill-edituri, li ġimgħa wara ġimgħa jkollhom il-paċenzja jirċievu l-artikoli tiegħi.




 Dan l-artikolu deher fl-Illum fis-27 ta Dicembru 2009.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...