7.4.14

Il-Partit Nazzjonalista se jressaq mozzjoni fil-Parlament biex jiġi revokat l-Avviż Legali li jagħti lill-Ministru għall-Edukazzjoni d-dritt li jkollu aċċess għad-data personali tal-istudenti



Din il-ġimgħa, mingħajr konsultazzjoni ta’ xejn, ġie ppubblikat Avviż Legali baxx baxx li permezz tiegħu il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo se jkun f’pożizzjoni li jitlob, jakkwista u juża informazzjoni personali dwar uliedna mill-mument li jidħlu fis-sistema edukattiva sal-mument li joħorġu minnha. B’liema jedd il-Ministru għall-Edukazzjoni daħħal Avviż Legali ta’ din in-natura minn wara dahar kulħadd? Għaliex irid din id-data daqstant sensittiva? Dan hu każ ieħor ta’ Gvern li qed jilagħbha ta’ Big Brother li jrid ikun jaf kollox fuqek u saħansitra jispija fuqek. 

L-Avviż Legali li għadda nkiss inkiss il-Ministru għall-Edukazzjoni hija oxxena u mhix sorprendenti li l-Kunsill tal-Istudenti Universitarji diġà kkundanna din id-deċiżjoni. Il-Partit Nazzjonalista mhux se jaċċetta li f’pajjiżna l-Gvern ta’ Muscat jaġixxi ta’ Big Brother. Għaldaqstant, għada l-Oppożizzjoni se tippreżenta mozzjoni fil-Parlament biex dan l-Avviż Legali jiġi revokat.

Dan stqarru l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt djalogu tal-Partit Nazzjonalista f’Raħal Ġdid illum.

Oppożizzjoni li wriet maturità bl-għażla tal-President il-ġdid 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem lill-President il-ġdid ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, u awgura li fil-ħames snin li ġejjin isseddaq l-għaqda fost il-poplu Malti u Għawdxi. Huwa irringrazzja wkoll lill-President-Emeritus George Abela tas-servizz eċċezzjonali tiegħu tul dawn l-aħħar ħames snin. 

Simon Busuttil fakkar kif il-Partit Nazzjonalista ħa deċiżjoni storika li jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lin-nomina ta’ Marie-Louise Coleiro Preca bħala President ta’ Malta. Qatt qabel fl-istorja ma kien hemm partit fl-Oppożizzjoni li ta l-appoġġ tiegħu lil persuna li ġiet nominata mill-kamp politiku tal-Gvern. Bil-vot tiegħu l-Partit Nazzjonalista wera l-maturità li tant hu nieqes minnha l-Prim Ministru Muscat, li anke fuq rwol daqstant importanti għażel li ma jikkonsultax jew jinforma ’l-Oppożizzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li l-vot favur il-President il-ġdid jingħaqad ma’ 20 minn 25 liġi differenti li ġew diskussi f’din l-ewwel sena tal-leġiżlatura u li sabu l-appoġġ tal-Oppożizzjoni. Din hija Oppożizzjoni kostruttiva bil-fatti, Oppożizzjoni li tista’ taħdem magħha anke jekk ma taqbilx magħha. 

Prim Ministru li jitfa’ t-tajn biex jgħatti n-nuqqasijiet kbar tiegħu

Minkejja li l-Oppożizzjoni qiegħda taġixxi b’maturità u responsabbiltà, il-Prim Ministru qed jaġixxi b’partiġjaniżmu sfrenat u jipprova jattakka u jumilja lill-Oppożizzjoni b’kull azzjoni li jagħmel. Dan mhuwiex aċċettabbli, għax huwa ċar li l-azzjonijiet tal-Prim Ministru huma intiżi biss biex ineħħu l-pressjoni minn fuq il-mistoqsijiet kbar li qed iqumu dwar l-istil ta’ tmexxija tiegħu, stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Simon Busuttil irrefera għall-attakki li saru fil-konfront tiegħu u tal-kumpanija li hu kien direttur tagħha fil-ħajja professjonali tiegħu. Hu tenna li l-ebda tajn, attakki u insulti mhuma se jwaqqfuh milli jaqdi dmiru bħala Kap tal-Oppożizzjoni. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-aġir tal-Prim Ministru hu intiż biss biex jipprova jgħatti l-oxxenitajiet kbar fit-tmexxija tiegħu, inkluż id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Muscat li jagħti lilu nnifsu allowance ta’ €7,000 fis-sena talli juża l-karozza personali tiegħu bħala vettura tal-Prim Ministru. L-istess jista’ jingħad għad-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jappunta lill-ħabiba tal-mara tiegħu bħala rappreżentant ta’ Malta fi New York b’paga ta’ €60,000 fis-sena, biex issa sirna nafu li fi New York il-ħabiba tal-mara tiegħu kompliet tagħmel ix-xogħol privat tagħha. U sal-lum, il-poplu Malti għadu qed jistenna rendikont mill-Prim Ministru dwar kemm attirat investiment lejn pajjiżna il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, li qed taqla’ paga ta’ €13,000 fix-xahar għalxejn. 

Il-Prim Ministru mhux iwettaq dak li wiegħdek

Hemm raġuni oħra għaliex il-Prim Ministru ma jridx jitkellem dwar il-mod kif qed imexxi, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista: il-Prim Ministru qed jiddejjaq jaffronta lin-nies li wegħdhom l-ilma jisfen qabel l-elezzjoni ġenerali, meta llum mhux qed iwettaq dak li wegħdhom. 

Simon Busuttil irrakkonta laqgħa li kellu mal-familja ta’ anzjana mill-Marsa li spjegat li qed tonfoq mas-€600 fix-xahar biex tixtri l-mediċini li llum jinsabu out-of-stock. Il-Prim Ministru Muscat lil din l-anzjana kien wegħdha li ser iwasslilha l-mediċini sad-dar privata tagħha. L-istess jista’ jingħad għall-eluf ta’ wegħdiet li għamel il-Prim Ministru dwar social housing u xogħol liż-żgħażagħ. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll fil-garanzija li l-Prim Ministru kien ta lill-ħaddiema tal-Enemalta li l-Enemalta ma kinitx ser tiġi pprivatizzata u li kien ser jipproteġi l-postijiet tax-xogħol tagħhom. Hu qara passaġġ minn stqarrija li nħarġet mill-Partit Laburista fid-9 ta’ Jannar 2013 li fiha Joseph Muscat “enfasizza li l-Enemalta mhix se tkun privatizzata. Dan sabiex jiġi ppriservat ix-xogħol tal-ħaddiema tal-Enemalta.” Iżda issa li ġie elett Prim Ministru, Joseph Muscat rema l-wegħdiet li għamel u qed joffri lill-ħaddiema li jew ibiddlilhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom mal-Enemalta u jneħħilhom l-allowances, jew li jmorru jaħdmu mal-kumpanija tal-Gvern Ċiniż. Dan hu l-wiċċ veru tal-Prim Ministru Muscat: Prim Ministru li jużak u jarmik bħalma għamel bil-Ministri tiegħu. 

Gvern li jwebbes rasu u ma jikkonsultax

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr ukoll li l-Prim Ministru u l-Ministri tiegħu kontinwament qed jieħdu deċiżjonijiet bl-addoċċ mingħajr ma jikkonsultaw u li fil-proċess qegħdin jagħmlu żbalji kbar. Dan ġara fil-każ tal-iskema dwar iċ-ċittadinanza u dwar id-deċiżjoni li l-gass għall-power station il-ġdida jinħażen fuq tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk. 

Issa din il-ġimgħa, qal Simon Busuttil, sirna nafu li l-Ministru għall-Edukazzjoni ħa deċiżjoni waħdu li jintroduċi forma ta’ streaming mill-ġdid fis-sistema edukattiva tagħhna. Hawn il-mistoqsija tqum waħedha: għaliex ħa deċiżjoni daqstant importanti mingħajr ma kkonsulta l-Ministru Bartolo? Tant hi deċiżjoni mgħaġġla u bla ħsieb li l-Fakultà tal-Edukazzjoni mal-ewwel ikkritikat bis-saħħa lill-Gvern tan-nuqqas ta’ konsultazzjoni. Dan hu Gvern li jisma’ lilu nnifsu biss. 

Aħbar oħra li ħadd ma kien qiegħed jistennieha din il-ġimgħa kienet id-deċiżjoni tal-MEPA li tagħti permess lill-Freeport biex tieħu l-funzjoni ta’ tarzna u tagħmel manutenzjoni fuq ir-riggijiet taż-żejt. Iżda l-istess Prim Ministru li ġimgħa ilu bgħat ittra sabiex jikkundizzjona lill-membri tal-Bord tal-MEPA dwar il-proġett tal-power station il-ġdida issa jridna nemmnu li ma kellu l-ebda ħjiel dwar din id-deċiżjoni qabel ma ttieħdet. Dan mhu xejn għajr Prim Ministru li jaħseb li jista’ jidħaq bin-nies il-ħin kollu, temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. 

Partit li jaspira għal politika serja u matura 

B’differenza għall-Gvern Laburista, il-Partit Nazzjonalista jaspira għal politika serja u matura. Anke mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista jaspira li jagħti eżempju tajjeb ta’ maturità, aġir serju u ta’ mġieba korretta. Aħna naspiraw li nagħmlu politika bi stil differenti u dinjituża, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. 

Simon Busuttil spjega li matul is-sena li għaddiet il-Partit Nazzjonalista għadda minn proċess kbir ta’ tiġdid. Hu semma t-tnedija tal-Forum Opportunitajiet Indaqs u l-Forum Professjonisti tal-Partit Nazzjonalista, li huma żewġ organi ġodda fi ħdan il-Partit li se jagħmlu mill-Partit Nazzjonalista d-dar naturali tan-nies. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li flimkien mat-tmexxija, id-deputati u l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, hu qiegħed jidħol għand in-nies u għadu qiegħed jiltaqa’ ma’ ħafna nies li għadhom imweġgħin bil-Partit Nazzjonalista għal raġuni jew oħra. Irridu nisimgħu lin-nies b’umiltà u nifhmu fejn żbaljajna. Hekk biss nistgħu nirbħu r-rispett tan-nies u nkunu d-dar naturali tagħhom. 

Simon Busuttil temm jgħid li fi ftit ġimgħat oħra n-nies se jkollhom l-opportunità li jsemmgħu il-vuċi tagħhom fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Din hi elezzjoni li se tkun diffiċli ferm għall-Partit Nazzjonalista wara telfa elettorali ta’ 36,000 vot. Jiżbalja min jaħseb li l-Partit Nazzjonalista jista’ jirbaħ din l-elezzjoni. Pero rridu niffaċċjawha b’serjetà, umiltà u onestà biex nuru li aħna Partit li qed nisimgħu lin-nies.  

Waqt id-djalogu tkellmu wkoll il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco, kif ukoll il-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Ray Bugeja u Jonathan Shaw, li analizzaw sena ta’ Gvern Laburista, fosthom in-nuqqas ta’ roadmap tal-Prim Ministru fil-qasam tax-xogħol u r-reshuffle bikri li hu sinjal tal-iżbalji kbar li qegħdin isiru mill-Gvern Laburista.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...