5.4.14

Viġilanza akbar.



1.         Ftit tas-snin ilu l-liġijiet tagħna għaddew minn tibdila verament importanti.  Ir-riforma li daħħalna fis-seħħ ġiebet protezzjoni aqwa għal persuni li jispiċċaw vittmi ta’ vjolenza domestika.  Għalkemm nistgħu naħsbu li l-artikoli legali jitkellmu fuq persuni li huma miżżewġa u jgħixu f’dar waħda, dan m’huwiex minnu.  Il-kategoriji li llum il-Kodiċi Kriminali jħares jinkludu kważi lil kull min b’xi mod jabbuża mill-kunfidenza li l-familjarità tar-relazzjonijiet inter-personali jagħtu.  Għalhekk membri fid-demm, bħal zijiet, neputijiet, aħwa u ulied, huma parti mill-vjolenza domestika bħal ma huma dawk li kienu jgħixu flimkien barra ż-żwieġ jew dawk li kienu għarajjes.

2.         Hemm mekkaniżmu legali ġdid li ma jillimitax il-bidu tal-proċess penali għal talba bil-miktub tal-vittma tar-reat.  Illum, anke l-ġirien jistgħu jinfurmaw lill-pulizija u jinbdew il-proċeduri.  Anzi, anki dan, ladarba wieħed isib ruħu l-qorti, l-mara jew ir-raġel, m’għandhomx dritt awtomatiku li jirtiraw il-każ kontra l-parti l-oħra – il-qorti kriminali trid tkun konvinta.  Anke fuq il-protezzjoni, daħħalna miżuri ġodda.  M’għadhiex biżżejjed il-famuża “garanzija” ta’ sena.  Issa għandek ordnijiet ta’ prevenzjoni u protezzjoni li bihom il-Qorti żżomm lil min wettaq id-delitt milli jersaq lejn il-vittma: la lejn id-dar, la lejn ix-xogħol u lanqas lejn l-iskejjel fejn wieħed jieħu l-ulied.  Mhux biss, imma hemm termini itwal ta’ tlett snin u mhux sena li, terġa’, jistgħu jiġu mġedda jekk min wettaq id-delitt ma jkunx ġieb ruħu sew.

3.         Dawn u diversi oħra, bħad-delitt ġdid magħruf bħala “li jipproteġi lin-nies minn fastidju”, huma llum għad-disposizzjoni tal-poplu f’dan il-pajjiż.  Għalkemm daħlu fis-seħħ ftit snin ilu għadhom mhux magħrufa biżżejjed.  Għax kull leġislatur irid jaċċetta li meta tgħaddi liġi fil-Parlament, u wara tieħu l-approvazzjoni tal-President, dan waħdu ma jfissirx li kulħadd isir jaf biha.  Allura hemm bżonn proċess kontinwu li permezz tiegħu tiġi divulgata iktar informazzjoni fuq il-kontenut legali tal-liġijiet tagħna.  Żgur mhux forsi, il-kultura legali mhux dejjem tinbidel malajr.  Anzi, huwa aċċettat li ħafna drabi, min jaħdem fix-xogħol kontinwu u impenjattiv tal-Qorti, ma tantx ikollu opportunitajiet li joqgħod jifli l-liġi.  Dan fih innifsu jiftħilna aktar għajnuna għall-bżonn li nassiguraw iktar informazzjoni fuq din il-liġi tant importanti għall-poplu.

4.         Il-proċess f’dawn l-aħħar żminijiet qiegħed juri li kawżi marbuta mal-vjolenza domestika qegħdin effettivament jiżdiedu.  Mhux biss, imma l-fatt li ġewwa l-Qrati tagħna ttieħdet id-deċiżjoni li jkun hemm sezzjoni fil-Qorti tal-Familja li tieħu ħsieb każi ta’ natura penali marbuta mal-familja qed issarraf frott utili.  Ngħid dan għax l-istatistika qegħda turi li hemm żieda fil-kawżi preżentati u deċiżi, kif jidher fit-tabella hawn taħt.  Id-direzzjonijiet li jridu jittieħdu m’humiex faċli, iżda jidher mill-iktar ċar u evidenti li hemm esperjenza li fuqha nistgħu nibnu iktar.

Sena
2004
2005
2006
2007
2008
Kawżi ġodda
216
770
1129
1303
1399
Kawżi deċiżi
100
771
1067
1289
1430
Kawżi pendenti
116
115
147
161
130
*Statistika miġbura mill-Qrati tal-Ġustizzja

5.         Biss dan m’huwiex biżżejjed.  Hemm iktar passi li jistgħu jittieħdu.  Hemm bżonn li jkun hemm għarfien ikbar fost l-operaturi legali, membri tal-Ġudikatura avukati, prokuraturi legali, membri tal-Korp tal-Pulizija u kull min b’xi mod huwa involut fil-ħidma ta’ dawn l-għodod legali li huma ndirizzati lejn min ħaqqu protezzjoni.  Sfortunatament għad għandna numru ta’ każijiet fejn hemm swat u mġieba żbaljata wara l-bibien tad-djar tagħna.  M’għandniex naċċettaw li dak li jseħħ hemm ġew, l-ordni pubbliku m’għandux isir jaf bih, u t-tieni li huwa fl-interess tal-pajjiż li nassiguraw li l-vjolenza domestika tiċċekken u tispiċċa.  Ħadd ma għandu jbati fid-djar b’aġir simili u rridu naġixxu kontra.  Anzi, l-ewwel, huwa dejjem aktar għaqli li, kif qiegħed jipprova jsir, l-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija jkunu jafu sewwa l-liġi.

6.         Għalkemm irridu nirreġistraw li l-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika għamlet progress kbir f’ħidmietha u ħaqqha tifħir, għandha bżonn ta’ iktar kollaborazzjoni u ħidma minn setturi oħra.  Ma nistgħux naċċettaw li l-fatt li billi twaqqfet din il-Kummissjoni u qegħda tistinka, b’daqshekk solvejna l-problema.  Il-pożizzjoni hija żgur iktar progressiva milli qatt kienet, però jonqos li jsir iktar, ferm iktar.  Kampanji ta’ informazzjoni huma salutari, però magħhom hemm tajjeb li jsir tibdil fil-kultura soċjali u legali tagħna.  Nittama li tul din is-sena jirnexxilna nirreġistraw din il-ħidma pożittiva.          


Artikolu li deher fl-Illum fil-15 ta Ottubru 2010.

No comments: