26.12.21

Wara mitt sena

 


1.      F’kull bidu ta’ seklu, qisu l-bniedem jissejjaħ sabiex iwieġeb għal sfidi akbar milli kien qiegħed jaffronta qabel.  Mhux dejjem jagħraf iħares ‘il quddiem.  Wisq inqas li jibdel l-ideat tiegħu biex jifhem iktar iż-żminijiet.  Biex f’dan ikun kapaċi jgħarbel u jkollu f’idejh il-polz tal-eventi umani.  Tal-kurrenti u l-bżonnijiet ta’ soċjetajiet f’kif jagħtu tweġibiet għall-faqar u l-inġustizzji.

 

Tibdil

 

2.      Fil-bidu tas-seklu li għadda kien hemm wisq minn dan.  Wieħed li mill-bidu tiegħu beda jħoss l-effetti ta’ soċjetà li tagħti saħħa lil min għandu l-kapital.  Tagħti saħħa lil min iħares lejn il-bniedem bħala għodda għas-servizz tiegħu, iktar milli l-kontra.  Kienu l-inġustizzji soċjali u l-mentalitajiet xejn progressivi li żammew lura, u tant kienu magħluqa l-imħuħ, li rajna reazzjonijiet varji li sallum għadna nħossu l-effetti negattivi tagħhom.  Dak li seta’ jsir bi bnedmin intelliġenti u għaqlin, baqa’ ma sarx.        

 

Reazzjonijiet

 

3.      Kull soċjetà rreaġixxiet bil-mod tagħha għal dan in-nuqqas.  Biss kien hemm, f’ħafna, żewġ livelli.  Dawk li kienu maqtugħa mill-bnedmin mill-ħajja.  Dawk li kienu, fil-ġid tagħhom, servuti u moqdija, u dawk li le.  Il-poplu ried, fil-bżonnijiet soċjo-ekonomiċi tiegħu, soluzzjonijiet varji li għalihom min kien minn fuq ma semgħax.  Waqt li kien hemm lok għal iktar tqassim ġust tal-ġid komuni.  Waqt li kien hemm neċessità ta’ miżuri li jiggarantixxu ħajja aħjar, kundizzjonijiet tax-xogħol aqwa, djar li jħarsu ‘l-bniedem, dawk li kienu l-mexxejja politiċi f’dak iż-żmien kienu iktar moħħhom fil-prijoritajiet militari tagħhom.

 

L-Ewwel Gwerra Dinjija

 

4.      F’dan kollu, proprju għandna niftakru, tul dawn il-ġimgħat, li l-11 ta’ Novembru huwa Jum li fih, fl-1918, intemmet waħda mill-iktar gwerer imdemmija fl-istorja.  L-istatistika tfakkarna li tilfu ħajjithom madwar tmien miljun u nofs suldat, u tlettx-il miljun pajżan.  Mhux biss, imma ma’ dan hemm elenku twil ta’ dannu materjali li ġie kaġunat.  Sija fil-ħsara li saret, kif ukoll fl-infiq qawwi li kien hemm fl-armamenti.  Dak li seta’ ġie mġemma’ fis-sekli ta’ qabel u użat aħjar sab ruħu mberbaq.  Il-bniedem, minflok mar ‘il quddiem, mar iktar lura.  F’kunflitt li, fl-aħħar tal-jum, ma ħalla ebda gwadan u li fih ħafna kienu t-telliefa, anke kif fehmu maż-żmien l-istess rebbieħa.

 

Rivoluzzjoni Russa

 

5.      L-Imperi varji, dak Tedesk, Awstro-Ungeriż u Russu, f’dan il-proċess spiċċaw għal kollox.  Ġiebu huma stess it-tmiem tal-eżistenza tagħhom proprju għax kienu mmexxija minn ideat antikwati fejn il-poplu ma kienx, l-ewwel, fil-kunsiderazzjoni tagħhom.  Mhux biss, imma iktar minn hekk, wara, it-tnejn welldu demokraziji f’ambjent soċjo-ekonomiku diżastruż.  L-ieħor fir-Russja, f’Ottubru 1917, ġieb fil-poter ir-rivoluzzjoni Soċjalista mmexxija minn Lenin (Vladimir Llyich Ulyanov).  Perjodu li kellu ferm u ferm iktar konsegwenzi fuq id-dinja Ewropea u internazzjonali li, kif qegħdin naraw, baqgħu magħna sal-ġurnata tal-lum.

 

Pajjiżna

 

6.      Quddiem dan kollu, il-politiċi Maltin kienu f’dan ferm iktar għaqlin f’kif wieġbu għall-problemi soċjo-ekonomiċi li t-tmiem ta’ dik il-gwerra ġieb miegħu.  L-irvell tas-Sette Giugno sarraf biex nibdlu b’passi li minnhom, f’dawn il-gżejjer, jerġa’ jitwieled il-proċess li bih il-Maltin jieħdu deċiżjonijiet politiċi għall-futur tagħhom.  Tul il-ġimgħat li għaddew, iċċelebrajna il-Mitt Sena minn meta kellna, għall-ewwel darba, il-Parlament tagħna.  Wieħed li ma kellux il-poter, u sħaħ, li jiddeċiedi kollox.  Però, kien il-punt li minnu tlaqna sabiex bdejna nilleġiżlaw għalina.  Bdew isiru liġijiet Maltin li daħħlu aġenda soċjali.  Politika li bdiet tħares lejn il-bnedmin, lejn il-bżonnijiet tal-poplu, dak li kien l-iktar ‘l isfel fis-soċjetà.  Ovvjament, dan ġieb kunflitti varji fl-interessi li l-Imperu Ingliż kellu.

 

Dawk li ħallew ħajjithom

 

7.      F’dan kollu, il-Maltin u l-Għawdxin kienu parti.  Diversi tilfu ħajjithom fil-kampijiet tal-battalja u fuq l-ibħra waqt li kienu qed iservu abbord il-bastimenti militari Ngliżi.  Diversi kienu qed isegwu sew dak li kien għaddej fir-Russja, kif ukoll f’dak li l-popli Ewropej kienu qed imissu miegħu.  Kien hemm attenzjoni u riflessjoni f’dan.  X’għandu jsir u x’inhuwa l-aħjar li jitwettaq.  Dak li sawwru missirijietna, aħna writna.  Dawk li kienu fil-Parlament f’isem il-Partit Nazzjonalista taw direzzjoni tajba li żammitna.

 

Poppy Day

 

8.      Tul dan ix-xahar mimli lezzjonijiet għandu, però, jibqa’ jirbaħ fina l-bżonn li naħdmu għall-paċi u l-ġustizzja.  Naħdmu sabiex ma nkunux fatturi jew promoturi ta’ mibgħeda, imma ta’ rikonċiljazzjoni u djalogu.  Nibqgħu bnedmin li jżommu quddiemhom l-iżbalji tal-passat, biex dawn ma jiġux ripetuti.  Proprju għalhekk li waqt li nilbsu l-kukkarda tal-Pepprina ħamranija, inżommu iktar id-determinazzjoni li naħdmu għas-sewwa u għat-tkattir tal-ġid komuni.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...