26.12.21

Il-Ġustizzja Soċjali, kif spjegata u prattikata mill-Ħbieb tal-Ħbieb

1.    Għad hawn min jaħseb li meta politiku jitkellem fuq il-ġustizzja soċjali, dan ifisser li huwa fuq ix-xellug.  Aħjar, Soċjalista, fit-termini ġenerali tal-kelma.  Dak li jrid jieħu lil dawk li għandhom biex jagħtih lil dawk li m’għandhomx.  Dak li jrid jieħu dak li ħaddieħor ħadem għalih biex jagħtih lil min tgħażżen.  Ideat li l-prattika kostanti mill-Istat Soċjali, tul dawn is-snin, tipprova proprju l-kontra.  Il-ġustizzja soċjali hija għodda essenzjali, ġebla tax-xewka li aħna, bħala Demokratiċi Nsara, inħaddnu.  Għax hija x’inhija l-pożizzjoni ekonomika fost il-bnedmin f’pajjiż, hemm dejjem sitwazzjonijiet li jitolbu l-intervent tal-Istat biex jgħin bnedmin li qegħdin f’diffikultajiet.  Proprju għax kull persuna umana ħaqqha l-protezzjoni biex tgħix fid-dinjità.

 

Rilevanti

 

2.    Għax għad hemm, u għad jibqa’ l-bżonn tal-għajnuna.  Dik l-għajnuna li għandha tingħata u tkun maqtugħa skont il-bżonnijiet differenti ta’ kull persuna li teħtiġilha.  Dan b’mod li ma toħnoqx dawk il-kwalitajiet u kapaċitajiet li jagħżlu bniedem minn ieħor.  Ma żżommux lura milli jibqa’ jagħti sehem attiv fil-ħajja tal-pajjiż.  Jibqa’ parteċipi, attiv f’dak li s-soċjetà tgħaddi minnu, għax kull persuna hija importanti.  Kull persuna hija maħluqa għal skop preċiż, u dmirna huwa li nassiguraw li dan ikun jista’ jwettqu.  Għax ilkoll nafu li l-eventi, f’ħajjet il-bniedem, jinbidlu.  Daqqa jkunu ‘l fuq, u daqqa jsibu ruħhom iktar ‘l isfel.  Is-sitwazzjoni u l-kundizzjoni ta’ kull persuna tgħaddi mill-prova tan-nar tal-ħajja.

 

Post-Pandemija

 

3.    Dan huwa iktar importanti li jingħad mill-ġdid, aħna u nippruvaw nibdew it-triq lura wara l-pandemija.  Ikun żball jekk ikun hemm min jaħseb li m’għandniex diġà, u m’aħniex ser ikollna iktar feruti fil-kamp tal-ħajja.  Iktar li ser imissu mal-faqar, iktar li ser jaraw il-livell tal-għixien tagħhom jinżel ‘l isfel.  Iktar li ser ibatu biex iħallsu għall-bżonnijiet tagħhom u tal-familja.  Iktar li ser tonqsilhom il-paga, tiżdidilhom il-kera, togħlilhom il-ħajja.  Diġà bdejna naraw dan.  Diġà qed immissu ma’ dawk li spiċċaw barra.  Ma’ dawk li tul il-pandemija sabu rifuġju żbaljat fid-droga, u issa qed imissu mal-effetti tagħha.  Ma’ dawk li huma mogħtija għad-disperazzjoni, għax sfortunatament mhux qed jaraw, żbaljatament, futur għalihom.  Is-soċjetà, li jista’ jkun li ma kenitx qegħda tara dan, kellha nkwiet ieħor quddiemha.  Imma issa ġej kollox iktar għad-dawl.

 

Bil-miljuni

 

4.    U l-Gvern iwieġeb bil-miljuni li jrid jixħet biex isolvi dawn il-problemi.  Meta nafu li l-flus ma jsolvux ħafna minnhom.  L-ewwel: għax mhumiex minfuqa tajjeb.  It-tieni: għax il-miżuri mhumiex diretti fejn hemm verament bżonn.  It-tielet: għax hawn ħela li ġejja mill-mewġa ta’ tixħim, korruzzjoni, riċiklaġġ ta’ flus maħmuġa.  Ir-raba’: għax hawn bżonn ta’ bidla ta’ kif naħdmu u naġixxu.  Dinamika ġdida li mhix qegħda titkabbar.  Il-kreattività tal-Istat li jmiss f’għajnuna soċjali personalizzata spiċċat proprju għax il-Gvern inqata’ mir-realtà.  Il-miżuri mhumiex indirizzati biex jibnu qafas soċjali għal dak li ġej, imma biex isolvuhom ta’ darba.  Ġejt u tlabtni llum u tajtek, imma għada mhux ser ikollok.  Għalaqtlek ħalqek, u issa vvutali.

 

Ix-xogħol

 

5.    Fid-dinja tax-xogħol, dan huwa iktar evidenti.  Ma nilludux ruħna.  L-ekonomija ser tmiss il-but tal-Maltin u l-Għawdxin.  Id-dħul naqas u ser idum biex jiżdied.  Nafuh dan.  Proprju għalhekk li jridu jinbnew miżuri biex, fir-realtà ta’ issa u ta’ dik li ġejja, il-bniedem isisb il-ġustizzja soċjali mħaddma u mwettqa sewwa.  Li l-bnedmin jista’ jitqassmilhom b’iktar ġustizzja għall-bżonnijiet tagħhom.  Li s-solidarjetà, l-altruwiżmu jikbru, u mhux jispiċċaw.  Li nifhmu iktar dan jekk irridu nonfqu sewwa l-programm ta’ rkupru Ewropew.  Li jkun hemm proġetti favur is-soċjetà, favur il-bniedem, u mhux biex inkomplu naraw dak li m’għandniex.  Ma nkomplux naraw kif tant miljuni daħlu fil-bwiet li ma kellhomx.

 

Gvern li jixirqilna?

 

6.    Għax il-poplu ħaqqu ferm aħjar milli qiegħed jingħata.  Kibret wisq il-mentalità żbaljata li timxi fuq il-passi li huwa ‘aċċettabbli’ li ‘jistgħu’ l-kbarat, il-ħbieb tal-ħbieb jieħdu l-miljuni ladarba jħallulna xi ħaġa fil-but.  F’dawn l-aħħar snin, mill-2013 qlibna ta’ taħt fuq il-kunċett ta’ ġustizzja soċjali.  Flok huwa l-Istat, immexxi sewwa, li jassigura li dawk ‘l-iktar l-isfel jitilgħu ‘l fuq, issa għandna l-kontra.  Issa, dawk li huma fuq jibqgħu jitilgħu iktar u iktar u iktar, u dawk li huma isfel jibqgħi fejn huma.  Jum wara jum nisimgħu bi skandli ta’ miljuni.  Jum wara jum nisimgħu kemm daħlu miljuni fi bwiet nies li ma ħaqqhomx.  Bi proċeduri li marru kontra l-liġi apposta biex jintnefaq dak li m’għandux jintnefaq.

 

L-Istituzzjonijiet

 

7.    Forsi dak li qed joħroġ minn rapporti varji tal-istituzzjonijiet demokratiċi mhumiex jaslu għand il-poplu.  Forsi għax miktub b’lingwa li mhix mifhuma fit-teknika tagħha.  Forsi għax hija wkoll mhux fil-lingwa li jitkellmu n-nies fit-triq kull ġurnata.  Forsi wkoll għax ix-xandir nazzjonali għandu d-direzzjoni politika li jaħbihom u jidfinhom malajr kemm jista’ jkun, mingħajr diskussjoni.  Forsi wkoll għax hemm ħafna irregolaritajiet, illegalitajiet, korruzzjoni u ħasil ta’ flus li ħadd ma jista’ jlaħħaq ma’ mewġa daqshekk qawwija.  Trid tagħmel is-sigħat biex tifhem kif ġejna maħkuma.  Forsi wkoll għax il-ħbieb tal-ħbieb tal-ħbieb għadhom jiġru sewwa mas-saqajn.  Inbidel il-Prim Ministru, imma l-bidla vera għadha trid issir.  Dik il-bidla, li mhix imwielda mill-konfort li ħaddieħor, f’pajjiżi oħra għandu bħalna, imma li aħna m’għandux ikollna minn dan.

 

Il-bidla

 

8.    Minn dak li jinkiteb, minn dak li jingħad, jidher ċar li l-ħbieb tal-ħbieb huma sodi ħafna, u għandhom l-għeruq fil-partit fil-Gvern.  Nifhem dan għax nisma’, jum wara jum, apoloġiji varji li jwasslu biex imexxuna fuq it-triq li għax il-korruzzjoni sseħħ fi stati demokratiċi oħra, allura hija prattika politika aċċettabbli.  Dik li m’għandniex inkunu qaddisin iktar mill-qaddisin, u ninxteħtu lura storduti u passivi.  F’pajjiżi oħra dan jista’ jseħħ, imma l-passi legali jittieħdu.  Min ħa, irid jagħti lura.  Min żbalja, irid jagħti kont.  U fuq kollox, mhux omertà.  Anqas silenzju, imma diskussjoni, dibattitu, aġir attiv sabiex dan ma jirrepetix ruħu.

 

Sodi huma

 

9.    L-iżbalji mhumiex bażati fuq l-innoċenza jew l-inesperjenza, imma fuq linja ċara ‘intenzjonata’ ta’ kontinwità, ta’ ripetizzjoni.  Dak li sar, baqa’ jsir.  Dak li għamlu, anki jekk kienu qed jaraw li m’għandhomx, xorta għamluh.  Għax ilkoll nafu li f’pajjiżna, il-ħbieb tal-ħbieb bnew ‘solidarjetà’ qawwija bejniethom.  Bnew forma ġdida ta’ ‘ġustizzja soċjali’ lejn il-bqija tas-soċjetà.  Sitwazzjoni li hija iktar gravi, għax dan seħħ proprju taħt it-tmexxija ta’ partit li jiddikjara ruħu ‘Soċjalista’.  Fejn, wieħed jistaqsi, ħadd f’dak il-partit għadu ma tkellem biex jibda jgħodd il-biljuni li ħarġu minn ħalqna lkoll biex għaddew għand il-ħbieb tal-ħbieb?

 

Trattati

 

10.  Proprju għalhekk li wieħed jittama li, mid-dinja akkademika, xi ħadd ser jikteb ktieb dettaljat li fih jgħidilna aktar kif il-Ġustizzja Soċjali tiġi Spjegata u Prattikata mill-Ħbieb tal-Ħbieb.

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...