26.12.21

Lejn it-8 ta’ Diċembru

 

 

1.      M’aħniex wisq il-bgħid.  Anzi, kif nafu, f’dan il-Ħadd dedikat lil Kristu Re, nibdew it-triq.  Nifhmu li sejrin lejn numru ta’ Festi uniċi li, sena wara l-oħra, huma speċjali.  Li għalkemm jgħaddu x-xhur minn fuqna, xorta għandna stedina miftuħa.  Waħda li tiġborna nkunu parti minn proċess lejn it-toroq għas-salvazzjoni tagħna.  F’dak li aħna naqbdu, pass wara pass, sejrin biex nippruvaw nifhmu aħjar.  Nagħmlu ħilitna biex inkunu parti iktar sħiħa minn dak li nixtiequ nifhmu.  Jew aħjar, dak li ma nifhmux kemm irridu, imma dak li mingħajr ma nafu, in-natura umana titlob u tixtieq.

 

Il-Qari

 

2.      Ħafna drabi, f’din il-mixja interna tagħna nagħmlu sew jekk induru u nistrieħu fuq kitbiet tajba.  Fuq dawk li jmexxuna mingħajr ma nafu.  Daqqa bi proċess qawwi, veloċi, u daqqa b’pass iktar attent.  Iktar ikkalkulat fl-għarfien li dak li qegħdin naqraw huwa mimli għerf.  Huwa, anzi, soluzzjoni għal diversi domandi li għandna ġewwa fina.  Għal varjetà ta’ punti li naċċettaw, u mhux dejjem nifhmu fid-dimensjoni sħiħa tagħhom.  Ċerti drabi, anzi lili jiġrili iktar, inħarsu lura u naraw li dak li rajna u smajna, issa qed jeħodna f’pożizzjonijiet differenti.  Naqraw, u fl-istess ħin, nakkumulaw.  Niġbru ġewwa fina biex nersqu iktar viċin li niftħu moħħna.

 

Daqt magħna

 

3.      Ċertament, mhux qiegħed nikxef xi sigriet.  Kull sena nħares, bħal diversi oħrajn bħali, lejn il-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni.  Hemm l-aspett estern li huwa importanti u jseħħbak dak li jseħħ fl-intern.  Hemm l-attivitajiet umani li jsiru fit-toroq bil-ferħ u bil-briju li, dejjem jekk it-temp jippermetti, iseħħu.  Hemm, però, dawk interni.  Il-funzjonijiet varji.  In-novena li tibqa’ tiġbed ‘il-poplu.  Hemm ġabra, ferħ u għarfien li din il-festa hija partikolarment importanti.  Fiha ferm iktar milli wieħed jaħseb, u anzi, tieħdok ‘il quddiem.  Waħda li tgħaddi mill-vini tiegħek biex tagħtik ħajja ġdida, iktar qawwija.

 

Il-Ktieb

 

4.      Nipprova, kull sena però, tul Novembru nsib ktieb biex nirrifletti mill-ġdid u nipprepara ruħi.  Għal numru, quddiem il-Glorji ta’ Marija ta’ San Alfons Maria de Liguori, kont immur lura għalih.  Qrajtu minn qoxra sa qoxra, u kien u jibqa’ pedament għalija.  Però, wara bqajt nirreferi għalih biex nerġa’ naqra, ngħin il-memorja u nerġa’ nipprova nifhem.  Biss, dawn l-aħħar xhur tal-pandemija, sibt il-ħin indur kotba oħra u nixtrihom.  Wieħed li laqatni, u nirrakkomanda verament, huwa tal-Kardinal Gianfranco Ravasi, Maria.  Stampat fl-2015, ftit snin ilu, fih numru mill-isbaħ ta’ ideat u riflessjonijiet.  Ċertament gwida  tajba, sija għal min ser jibda, kif ukoll għal min ser ikompli f’din it-triq tal-għerf.

 

Introduzzjoni?

 

5.      Il-Kardinal m’għandux, forsi, bżonn ħafna kliem ta’ introduzzjoni magġna.  Narawh numru ta’ drabi fuq ix-xandir.  Nisimgħu kliemu.  Ilu fil-Kulleġġ Kardinalizju sa mill-20 ta’ Novembru 2010, dan is-Sibt jagħlaq ħdax-il sena.  Imwieled fl-1942, ħajtu ddedikaha għall-proxxmu.  Iddedikaha wkoll għall-istudju.  Okkupa l-kariga ta’ President tal-Pontificio Consiglio della Cultura e delle Pontificie Commissioni per i Beni Culturali della Chiesa e di Archeologia Sacra.  Waħda li seta’ okkupa għax huwa għalliem u għaref f’din il-linja.  Aspett li jirrifletti ruħu f’dan il-ktieb sabiħ u mhux twil xejn biex jinqara.

 

Kif maqsum

 

6.      Il-kapitoli huma erbgħa.  Ilkoll ftit ħoxnin, imma fortunatament maqsuma f’sezzjonijiet.  Fejn l-ewwel huwa definit ġenerikament Alcune immagini bibliche.  Fih hemm ġabra twila ta’ riflessjonijiet li jqabblu t-Testment l-Antik mal-Ġdid.  Anzi, li l-kittieb kontinwament ifittex siltiet varji, il-maġġor parti tagħhom mhux daqshekk magħrufa.  Anki dawk li smajna jew qrajna bihom, jagħtihom dimensjonijiet ġodda.  Iżid, kontinwament mingħajr ma jnaqqas.  Fejn il-profeti jissemmew wieħed wara l-ieħor.

 

Santi Padri

 

7.      B’kitbiethom jingħaqdu mar-riflessjonijiet ta’ diversi Santi Padri bħal San Girgor il-Kbir.  Fejn jislet l-isbaħ u l-aħjar ta’ dan il-qaddis, li jgħid: “Inoltre non sarebbe diventata tempio del Signore, se la divinità del Verbo non si fosse calata nel suo seno per assumere la natura umana.  Maria giustamente è chiamata monte ricco di frutti, perché da lei è nato un ottimo frutto, cioè un uomo nuovo.  Il-bniedem il-ġdid li rridu nkunu aħna jitwieled mertu tagħha.

 

Il-Faqar

 

8.      Il-kitba hija kollha mimlija b’għerf u osservazzjonijiet.  Biss, it-tieni kapitlu, Vergine e Madre Feconda, laqatni aktar.  Ravasi jġibna iktar mar-realtà li għexet u ġarrbet Sidtna Marija.  L-ewwel, fil-mument tal-konċepiment; it-tieni, fil-preżentazzjoni fit-tempju, u t-tielet, quddiem is-Salib.  Ifakkarna f’dan kollu, li għexet u saret omm fil-faqar.  Tgħix fl-umiltà ta’ tfajla għaqlija u mgħarrfa f’kitbiet l-Iskrittura, mhux fil-flus, u anqas fl-ogħla parti tas-soċjetà.  Anzi, fit-tarf tas-soċjetà ta’ dawk iż-żminijiet.  Fid-diffikultajiet varji li dak l-ambjent kien jagħti.  Ta’ mara li għażlet li tibqa’ sservi u tkum l-omm tal-fqar.

 

Fit-Tempju

 

9.      Ifakkarna l-kittieb li meta hija u San Ġużepp marru fit-tempju jippreżentaw lil binhom ma kinux milqugħa b’ħafna attenzjoni mill-qassisin.  Ma kellhomx flus.  Kienu fost l-ifqar.  Imma f’dak il-mument, żewġ persuni qaddisin ifakkru u jipproklamaw dak li ġej.  Dawk li s-soċjetà qegħdu fil-ġenb kienu fil-fatt dawk fiċ-ċentru tagħha.  Il-faqar estern tagħhom ħeba s-sinjurija interna.

 

Taħt is-Salib

 

10.    Imiss ukoll mal-argument li ħabbat lil diversi meta fil-Vanġelu nsibu li jissemmew “ħut” Sidna Ġesù Kristu.  Huwa jqiegħed ċar il-ħsieb.  Kieku Sidna kellu verament aħwa oħra, allura ma kienx, minn fuq is-Salib, jafda lil Ommu Marija f’idejn San Ġwann.  Kien ikollu moħħu mistrieħ li hemm membri oħra fil-familja li ser jieħdu kura tagħha.  Imma billi ma kienx hemm, allura ħalliha f’idejn id-dixxiplu maħbub tiegħu.

 

Mill-isbaħ

 

11.    Il-ktieb fih ferm iktar minn hekk.  Huwa mimli b’għerf varju li jħajrek taqrah.  Iħajrek tgħarblu u terġa’ taqra mill-ġdid partijiet minnu.  Wieħed li huwa wkoll jista’ jservi ta’ fonti għal dawk li jippreparaw il-priedki u riflessjonijiet varji f’dawn il-jiem.  Fih hemm mit-Testmenti l-Antik u l-Ġdid, imma anki dak li huwa jispjega bħala “ma anche con elementi desunti e purificati dalla massa di memorie e di creazioni devozionali apocrife”.  Illum li ninsabu ftit jiem il-bogħod, huwa għodda tajba sabiex nippreparaw lejn dak li ser niċċelebraw fit-8 ta’ Diċembru.

 

 

 

 

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...