26.12.21

Stabilità, kostanza u kredibilità politika

 

1.      Kienet ġimgħa differenti fil-ħajja politika ta’ pajjiżna.  Mill-Ħadd li għadda, il-poplu ntilef jiddiskti jekk hix ser tissejjaħ elezzjoni ġenerali issa, f’Novembru.  Tmur fejn tmur, dan kien l-argument.  Wieħed li qasamna f’jekk huwiex, jew le, il-mument tajjeb.  Imma l-karti għadhom u baqgħu ma’ ħobb il-Prim Ministru.#

 

Inħassru l-Festi?

 

2.      L-elezzjoni, tiġi meta tiġi, ser ikollha numru ta’ effetti li, isir xi jsir, jitwieldu mill-ġdid.  Il-poplu, anzi l-familji, jinqasmu fl-opinjonijiet.  Diversi jippruvaw ma jiltaqgħux jew ma jitkellmux, proprju biex ma jiksruhiex.  Ġlied fi żmien il-festi jagħti mrar għas-snin, li jdum biex ifiq.

 

Il-Familja

 

3.      L-aħħar tas-sena hija, f’ħafna, il-festa tal-familja Maltija u Għawdxija.  Dik tal-ġabra, tal-ikliet u taċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi tagħna.  Dik tar-rikonċiljazzjoni, ukoll.  Ħafna li diġà bdew jaħsbu fir-rigali u kif iżejnu darhom ser jitilfu, f’dan, mill-ispirtu sħiħ.  Iktar u iktar din is-sena li ser inkunu forsi nistgħu niltaqgħu mingħajr id-dell qawwi tal-pandemija.

 

Ekonomija

 

4.      Mhux l-aħjar żmien għall-elezzjoni ġenerali, imma l-Prim Ministru jaf iktar minna l-problemi u l-intoppi politiċi li nġabrulu f’ħoġru.  Jaf iktar dak li għaddej minn taħt, li l-pajjiż ser isir jaf għada pitgħada.  Jaf iktar id-diffikultajiet fl-istat tal-ekonomija u l-finanzi.  Ċertament, flok kif nafu li l-magna ekonomika tiċċaqlaq ‘il quddiem, f’dan iż-żmien ser tieħu daqqa oħra lura.

 

Tiġi meta tiġi

 

5.      Biss, bħala Partit politiku, tiġi meta tiġi l-elezzjoni ġenerali, għandna dmir nieħdu sehem.  Mhux biss, imma li ma nippermettux lil min irid jipprova jċekken ħidmietna.  Ma naħsbux li diġà hija deċiża, kif hemm “orkestra-maqbula” li trid tibgħat il-messaġġ.

 

Preparati

 

6.      M’għandniex, u m’jinix ser naqta’ qalbi, huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi li qed nidħlu għaliha.  Hija x’inhija r-retorika politika, hemm id-dinja tar-realtà li twieġeb differentement. 

 

Ħames snin

 

7.      Il-pajjiż għandu bżonn leġislatura sħiħa ta’ ħames snin ta’ paċi u stabilità.  Iseħħ xi jseħħ, jibqa’ l-fatt li l-Partit Laburista fil-Gvern ma kienx proprju xempju ta’ permanenza u sudizza.

 

 

 

Maġġoranzi

 

8.      Minkejja n-numri elettorali u parlamentari, jibqa’ jġorr miegħu diversi kumplikazzjonijiet.  Kuljum, kif nafu, insiru nafu iktar dwar dan.  Il-poplu jaf jibda jifhem iktar li hemm bżonn bidliet f’dan, u li huwa l-Partit Nazzjonalista li jista’ jwettaqhom.

 

Dożi ta’ arroganzi

 

9.      In-numri elettorali jgħinu partit u gvern li jrid jibdel.  Isaħħuh biex iwettaq riformi bażati fuq il-ġustizzja soċjali.  Jagħtuh l-opportunità jibdel dak li gvernijiet oħra ma setgħux minħabba l-maġġoranzi iżgħar tagħhom.  Imma meta dan ma jiġix użat għal dan il-għan, l-effetti jkunu oħra.  Ikollok, kif qegħdin naraw, minflok, iktar kapitaliżmu liberali stramb, fejn il-ħbieb tal-ħbieb ikollhom ferm iktar u l-oħrajn jibqgħu fejn huma, niżlin ‘l isfel.

 

Messaġġi

 

10.    Ma hemmx dubju li din l-elezzjoni ġenerali ser ikollha diversi messaġġi mill-elettorat taż-żewġ partiti l-kbar.  Hemm, għad-differenza ta’ appuntamenti oħra, min huwa diġà deċiż kif ser jivvota.

 

Indeċiżi

 

11.    Jibqgħu, però, bħal dejjem, dawk li għadhom indeċiżi.  Dawk li mhux qed isegwu fid-dettall, li però jridu jibdlu billi jibgħatu messaġġ lill-Gvern.  Dawk li ser ikunu fost dawk li jaffermaw li l-umiltà hija għalihom dik il-kwalità essenzjali li jippretendu mill-politiċi tagħhom.

 

Awtentiċità

 

12.    L-elettorat tista’ tipprova timmanipulah, imma ser ikun aktar attent sabiex ifittex fil-klassi politika l-awtentiċità.  Ifittex lil dawk li jifhmuh u kapaċi jibnulu l-qafas ta’ futur aħjar.  Wieħed li jagħti lura l-istima u l-ġieħ li ħaqqna.  Wieħed li, f’dan, jassigura li jkollna ekonomija stabbli, kostanti u ‘l bgħid mid-dellijiet li għandna.

 

Kuraġġ

 

13.    Ikun, f’dan, żball politiku min jaħseb li f’dak li ġej kollox huwa diġà miktub.  Mhuwiex.  Dmirna sempliċement huwa li rridu naħdmu u nistinkaw sabiex naffermaw dak li aħna verament.

 

Rilevanza

 

14.    Il-Partit li jibqa’ rilevanti fil-partijiet sħaħ tiegħu.  Fil-valuri Demokratiċi-Nsara tiegħu, li huma garanzija tal-ħajja, tal-libertà u l-ġustizzja.

 

Mhuwiex

 

15.    Mhix miktuba għax kull kampanja elettorali hija leġiżlatura żgħira fiha nnifisha.  Tista’ titlaq bil-vantaġġi u tispiċċa bil-kontra.  L-istorja f’pajjiżna turi proprju dejjem iktar dan.  Proprju għalhekk wieħed irid jgħaddi li aħna, bl-intelliġenza kollha li għandna, nimmiraw lejn iktar għaqda.

 

Il-ħila t-tajba

 

16.    Mhuwiex il-Partit tal-protagoniżmu individwalista, imma huwa hu li hu waħdu l-protagonista.  Huwa l-Partit fl-għaqda tiegħu li jagħti sens u saħħa ‘l-ħidma politika tagħna.  F’dan, opinjonijiet jew pożizzjonijiet individwali jibqgħu li huma: waħedhom u injorati.  Fis-soċjetà ċivili, dik hija l-linja biss fl-organizzazzjoni ta’ partit: wieħed li jkun rilevanti.  Din mhix.

 

Ġenwinità

 

17.    Għandna iktar f’dan, id-dmir li nsostnu l-linja ġenwina tal-Partit.  Dik li minnha ngħarfu dak li ġej mill-passat u nutilizzaw il-wirt tagħna lejn futur li fih il-ġid komuni jikber.  M’għandniex passat maħmuġ.  Wisq inqas wieħed nieqes mill-progress u l-ġustizzja soċjali.

 

Gwardjani tas-sewwa

 

18.    Il-Partit jibqa’ gwardjan tas-sewwa jekk iħares dak li huwa verament.  Dak li jbiddel u jġib il-progress soċjo-ekonomiku.  Biss, dan jista’ jwettqu fl-opinjonijiet maqbula, mhux imposti.  Hemm nibqgħu partit li kapaċi jifhenm l-esiġenzi u l-bżonnijiet veri, mhux apparenti, tas-soċjetà.

 

Linja soċjali

 

19.    Nibqgħu, f’dan, il-Partit li jagħraf li hemm wirt fil-valuri soċjali tiegħu: dawk imnebbħa, mhux dominati mid-duttrina soċjali.  Nibqgħu, f’dan, il-Partit rilevanti fil-messaġġ u fil-punti politiċi li nirrappreżentaw.  Nibqgħu dak il-Partit li kapaċi jwettaq il-bidliet, biex il-poplu jkun stmat u jgħix aħjar.

 

Inħarsu ‘l quddiem

 

20.    Proprju fuq dan kollu li aħna.  Proprju għax m’aħniex partit li twieled ilbieraħ.  Proprju għax ingawdu minn esperjenza politika soda u tajba.  Proprju għax nifhmu iktar li aħna rilevanti skont kemm inkunu f’daqqa.  Proprju għax l-ideat it-tajba ma jonqsulniex.  Proprju għax kapaċi nifhmu dak li jagħmel il-pid minn dak li jġib il-ħsara.  Għalhekk nibqgħu forza politika stabbli, kostanti u kredibbli.    

 

   

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...