26.12.21

Ma taħrabx dak li jilħqek

 1.    Jista’ jkun li aktar ‘il quddiem ser ikun hemm min jifhem.  Jifhem forsi li tlifna appuntament determinanti.  Tlifnih għax qegħdin ngħixu f’din id-dinja li tinsisti li tkun dejjem iktar ikkumplikata.  Waħda li trid tħares in-naħa l-oħra.  Li ma tridx tifhem li hemm effetti negattivi li qed inbatu, l-ewwel, bil-klima li tiġi traskurata; it-tieni, bil-pandemija li titqiegħed fil-ġenb; u t-tielet, li tibqa’ ssostni ekonomija li trid tibqa’ titħaddem billi tisfrutta lil min huwa minn taħt.  Waħda li trid tiċħad dak li huwa minnu.  Taħseb li r-realtà, il-fatti, tista’ taħrabhom billi tiċħad l-eżistenza ċara tagħhom.

 

Sens ta’ unità

 

2.    Fuq xenarju Ewropew u internazzjonali, l-għaqda u l-mument ta’ konverġenżi nifhmu li mhumiex faċli.  Iridu sforzi kbar u komuni.  Imma fuq din il-gżira, is-sitwazzjoni għandha tkun iktar differenti.  Ma naqbilx ma’ dawk li jgħidu li l-għaqda nazzjonali ma tistax isseħħ.  Tista’, imma hemm min għandu aġenda oħra.  Hemm min jaħseb li ser jibqa’ jżomm il-kunsens popolari billi jaġixxi f’kuntrasti diviżivi.  Proprju iktar f’dan il-mument fl-istorja tagħna huwa ċar li l-politika qed titlob li nkunu iktar f’pożizzjonijiet ta’ unjoni interna.  Għandna għad-dispożizzjoni tagħna ħafna punti li nsibu dan, imma ħaddieħor jibqa’ jimmaġina li biex tirrenja trid tibqa’ tkun strument ta’ firda.

 

Kontra-pożizzjoni

 

3.    Li wieħed ikollu ideat differenti minn tal-oħrajn mhuwiex żball.  Huwa, anzi, parti mill-valur li s-soċjetà demokratika għandha.  Li wieħed ikollu pożizzjonijiet politiċi fuq varjetà ta’ ideat huwa, għalija, essenzjali.  Jekk m’aħniex kapaċi nifhmu li din mhix xi ċaħda tal-ideat tal-oħrajn, imma parti mill-proċess sabiex wieħed jasal għal deċiżjoni, u anzi hija parti minn medjokrità u aġir li jmur il-kontra tar-realtà, qed infallu.  F’dan il-mument partikolari, il-Gvern mhuwiex jirrealizza li huwa fl-interess tiegħu li jfassal programm fejn iż-żewġ partiti jiġu f’daqqa.  Mhuwiex jifhem li ż-żminijiet jinbidlu, u dak li jaħseb li jista’ jikkontrolla, għada jsib li ħareġ minn idejh.

 

Kollox miexi

 

4.    Qisu m’aħniex nifhmu li d-dinja hija dejjem miexja.  Li l-ħajja, in-natura m’għandhiex, u ma kellhiex punti li fihom hemm waqfien.  Drabi nifhmu dan.  Nifhmu l-proċessi tal-bidla u naġixxu.  Drabi oħra le.  Anzi, ninsistu ngħidu li ma hemmx bidliet li ser iseħħu, u naġixxu biex ma naġixxux.  Mentri l-baħar huwa mqalleb u l-Gvern għandu forsi jibda jifhem li x-xenarju qiegħed jiċċaqlaq b’rapidità ferm akbar milli jista’, b’xi mod, iżomm.  Irid jibgħat barra l-messaġġ ta’ kontinwità, ta’ stabbiltà, imma r-realtà ma tistax taħrab minnha.  Trid taffrontaha, u biex issir sewwa, f’dan il-mument jitlob pjattaforma politika li tiġi f’daqqa, u mhux tibqa’ separata.

 

Kontijiet

 

5.    Fil-politika, dak li jseħħ ma jkollux, u ma jwassalx dejjem f’effett kuntrarju u immedjat.  Jieħu l-ħin u l-proċess tiegħu.  Dak li kull partit politiku stabbilit jgħaddi minnu, f’ħafna jkun ġej mill-passat tiegħu.  Kif il-bnedmin jirreaġixxu, jaħsbu u jaħdmu, in parti kbira ġej minn lezzjonijiet u esperjenzi ta’ paġni oħra.  Paġni f’kapitoli li jidhru esternament magħluqa, imma fil-fatt jibqgħu joħorġu sakemm forsi jistrieħu.  Kull partit għandu l-esperjenza partikolari tiegu.  Għal uħud, din il-linja fin-negattiv; oħrajn, bħali, jarawha li hija fonti ta’ direzzjoni.  Indikazzjoni ċara ta’ dak li seħħ, u iktar minn hekk, dak li hemm bżonn li jsir sabiex jiġu iktar bnedmin fuq linja waħda ta’ unità u konverġenza.

 

Possibbli ma jindunax?

 

6.    F’dak li seħħ, u dak li għadu jseħħ, l-eżami li għandu jsir huwa fuq ħidmet il-Partit Laburista fil-Gvern.  Għalkemm, b’abbiltà makkjavellika u b’kumplikazzjonijiet ta’ aġeni strambi u varji l-eżami sar fuq il-Partit Nazzjonalista, illum, u aktar għada, ser isir fuq dak fil-poter.  Bħalissa, iktar minn qabel, hemm mument li wieħed irid jieħu.  Dak li seħħ fl-aħħar snin jista’ jindifen temporanjament, jew jinħeba wara velu.  Imma fit-tul tiċċaqlaq l-art u jqum ir-riħ.  L-aġir żbaljat li ġie kommess tul dawn iż-żewġ leġislaturi ser ikun lura għal eżami iktar iebes, bil-partit fuq il-bank tal-Oppożizzjoni u mhux bil-‘benefiċċji’ u l-‘privileġġi’ tal-poter.  U hawn, min wettaq, u min baqa’ lura milli jaġixxi ser jiġu identifikati f’daqqa.

 

Kellna problemi u għad għandhom problemi

 

7.    Il-Partit Nazzjonalista, bħal kull partit ieħor iffurmat mill-bnedmin, kellu l-problemi tiegħu.  Biss, ma kellux dan li għandu l-Partit Laburista.  Diġà kien perikoluż li kien hemm, u għad hemm min irid ineħħi l-melħ, il-boxxla ideoloġika tal-partiti rispettivi għal dak li mhumiex, imma l-korruzzjoni, il-klijenteliżmu, l-approfittar u l-isfruttar li seħħ huma iktar ta’ piż.  Iktar u iktar f’dan iż-żmien meta qed immissu l-effetti negattivi tal-ħidma passata kif ir-rapport tal-Financial Action Task Force (FATF) jindika.  Dawn, terġa’, qed jiġu ulterjorment kumplikati għax, flok, qed jiġu konfrontati f’dak li aħna qed noħolqu: ‘skużi’, li qed ikomplu jżommuna milli nħarsu lejn il-verità u l-fatti.

 

Raġuni mingħajr forza

 

8.    Flok f’dan kollu hemm konverġenza u għarfien tal-benefiċċju tal-kontra-pożizzjonijiet, il-Gvern irid jibqa’ jinsisti fil-konfronti.  Flok jaqbel u jaċċetta li hemm bżonn li ż-żewġ partiti jiġu flimkien biex jaffrontaw, bl-ideat tagħhom is-sitwazzjoni, jibqa’ jkun hemm min jagħlaq kollox.  Jagħlaq dak li huwa ta’ ġid għalih innifsu, imma iktar minn hekk, għall-pajjiż.  Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Bernard Grech, għamel din il-proposta.  Waħda li hija bażata fuq ir-raġuni, u mill-iktar loġika, fil-mument politiku partikolari.  Dan għax il-Partit Nazzjonalista jifhem li hemm bżonn ta’ maturità politika.  Naġixxu, anki jekk irridu mmissu mal-iżbalji ta’ ħaddieħor.  Biss, għax f’dan nagħrfu li llum jew għada ser inkunu aħna li rridu niddrittaw dak li huwa mgħawweġ.

 

Il-ħajja

 

9.    Il-ħajja fiha diversi lezzjonijiet.  Il-verità, għalhekk, għandha l-proċess tagħha.  Tista’ tinjoraha, imma hemm tibqa’.  Għax, tagħmel x’tagħmel, ma taħrabx minn dak li jilħqek.

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...