26.12.21

Forsi noħorġu ndoqqu

 1.     Dawn il-ġimgħat kienu meħuda bil-logħob tal-ballun.  Bix-xieraq li din is-sena, forsi ftit iktar minn ta’ qabel, ingħataw attenzjoni.  Il-Euro 2021 ġiet segwita fid-diversi partiti li rajna b’logħob li wera li, minkejja l-pandemija, għad hemm min hu kapaċi.  Rajna bħas-soltu, anzi ftit iktar mis-soltu, sorpriżi.  Dawk li kont taħseb li ser ikunu l-finalisti, ma kinux.  Inqalgħu ‘l barra.  Daqqa għax kien hemm avversarji aħjar, u daqqa għal raġunijiet partikolari.  Il-fatt jibqa’ li l-ispettaklu kien hemm.  Il-livell għoli kien, u anki jekk tmur lura biex tara dak li għadda, tagħraf li ttieħdet bis-serjetà u l-organizzazzjoni kienet qawwija.

 

Passi attenti

 

2.     Biss, il-pandemija laqtet l-umuri tagħna lkoll.  Rajt bnadar barra fit-twieqi, fil-gallariji, mal-karozzi, imma damu xi ftit biex joħorġu.  Rajt min inġabar biex jara partita ma’ sħabu.  Biss, wieħed irid jgħid li ma kellniex, sallum, ix-xeni li konna mdorrijin bihom.  Inqas ferħ barra fit-toroq.  Inqas daqq ta’ ħornijiet tal-karozzi wara l-partiti.  Forsi ħemda.  Forsi prudenza għaqlija.  Imma l-fatt huwa wkoll li ħadd ma stenna li fil-final ser jispiċċaw dawn li, f’dawn il-gżejjer, huma kkunsidrati bħala ż-żewġ ‘rivali ta’ dejjem’.  Ftit ħasbu.  Oħrajn inkwetaw.  Uħud, terġa’, ittamaw li fl-aħħar ta’ kollox ser ikollna din il-partita.

 

Drittijiet soċjali

 

3.     Nitkellmu ħafna fuq drittijiet fundamentali, dawk imsejħa ‘ċivili’, imma nħallu fil-ġenb dawk soċjali.  Ħafna drabi nħarsu lejn is-soċjetà kkundizzjonati minn ideat neo-liberali, fejn jgħodd il-bniedem-ekonomiku, u mhux dak normali.  Forsi ftit jirrealizzaw x’inhuwa l-effett finali u kontinwu ta’ soċjetà mibnija f’dawn l-aħħar sekli fuq dawn il-kunċetti materjalisti.  Għandna forom ġodda ta’ skjavitù fil-gaġġa ta’ dak li l-ekonomija ġiebet lill-bniedem bħala kontinwament individwu.  Fis-soċjetà, forsi ftit nifhmu kemm sirna parti mill-ħsieb li l-bniedem ma baqax persuna fid-dinjità tiegħu, imma sar iktar numru.  Mhux biss, imma ‘l hekk imsejjaħ ‘spirtu kompetittiv’ ġieb iktar bnedmin kontra xulxin.  Fejn l-esklużjoni ta’ dawk li għandhom minn dawk li m’għanhomx, il-faqar jibqa’ fattur kostanti.  Mhux biss, imma l-kunċett li l-ekonomija hija kollox wasslitna għal dan il-periklu ekoloġiku.

 

Post-pandemija

 

4.     Anki jekk għaddejna minn dan iż-żmien.  Anki jekk kellu jkun mument ta’ riflessjoni, ta’ għarfien aħjar ta’ dak li aħna, ta’ dak li jwettaq il-ġid u mhux il-ħsara, moħħna biex immorru lura.  Moħħna biex nimmaġinaw li s-soċjetà trid taqbeż din il-fażi jew billi tmur lejn ideat ta’ management teknokratiku, inkella li tafda l-poter f’idejn il-profeti foloz tal-populiżmu.  Moħħna biex nerġgħu nagħtu prijorità lill-istess mekkaniżmi u ngranaġġi ekonomiċi preċedenti li kienu qegħdin isaħħnu żżejjed is-soċjetà tagħna.  Mingħajr kontroll, mingħajr regoli, fil-ħsieb li, għax għandek, tista’.  Għax għandek il-flus ma hemm xejn li għandu jżommok milli tagħmel dak li trid.  Kunċett li fetaħ il-bieb għal dak li aħna fih illum.

 

L-aspett soċjali

 

5.     Il-bniedem, f’dawn l-aħħar snin, f’pajjiżna wkoll, ħalla lura dan l-aspett soċjali.  Flok imxejna ‘l quddiem billi għarafna l-passat storiku tagħna, tlaqnih fix-xejn warajna.  Abbandunajna dak li serviena biex morna għal dak li għamel il-ħsara lil soċjetajiet oħra.  Sfortunatament, hawn bnedmin fis-soċjetà tagħna li flok iżommu t-tajjeb tagħhom jaħsbu li l-borma tal-oħrajn tfuħ iktar minn tagħhom.  Saru numru ta’ żbalji, u minn dak li qiegħed nara m’aħniex sejrin nikkoreġu, anzi ser inkomplu nippersistu fihom.  Ħallejna warajna l-għerf u t-tagħlim li d-duttrina soċjali baqgħet tagħti.  Iddeklassajna għodda essenzjali u li serviet.  Għodda li billi baqgħet kontinwament tiġi aġġornata, għadha rilevanti għal min irid jagħmel il-politika t-tajba.

 

Għas-servizz soċjali

 

6.     Il-politika tagħmel sens meta hija għas-servizz tal-bniedem, mhux meta tisserva għall-interessi tagħha mill-bniedem.  Meta l-politika ssir ekonomija titlef lilha nfisha u l-poplu jħares lejha fil-morr tagħha.  Jagħraf li m’għadhiex aktar awtentika.  M’għadhiex iktar indirizzata biex tgħinu, is-saħħa tal-pajjiż.  M’għadhiex iktar dik li għandha l-prijorità li tħares b’għaqal id-dinja tax-xogħol fid-dinjità tal-kundizzjonijiet tiegħu.  M’għadhiex iktar dik li tara li kull persuna għandu saqaf fuq rasu.  M’għadhiex iktar dik li timmira li jkun hemm proċess ta’ edukazzjoni għall-ġenerazzjonijiet kollha.  Issir, kif qegħdin naraw, artifiċjali.  Fejn tgħid ħaġa u twettaq oħra.  Fejn tippriedka liġijiet li hija stess ma tosservax.

 

Persuna popolari

 

7.     Tul din il-ġimgħa, dan kollu seta’ kien iktar evidenti fil-kuntrasti.  Is-sejħa għal dinja aħjar ta’ Raffaella Carrà (1943-2021) messet iktar.  Mid-diversi programmi u intervisti li kienu sarulha tidher, bħal ma kienet dehret, dak li hija.  Titkellem mhux f’dak li trid tidher li hija, imma f’dak li hija verament.  Il-ħajja tagħha, anzi, kienet għad-dawl fit-trasparenza li hija kienet trid.  F’mument partikolari kienet ikkunsidrata mill-poplu aktar popolari mill-President tar-Repubblika Sandro Pertini.  Eżempju għal min irid iservi fil-ħajja pubblika.

 

Il-ħajja tagħna

 

8.     F’dan, ċertament illum iktar minn qatt qabel, hemm sejħa, tama, li ngħixu l-ħajja tagħna.  Li nkunu dak li aħna.  Li jkollna inqas biżgħat.  Li jkollna ikta fiduċja f’dak li qiegħed isir.  Hawn, proprju fin-numri tal-pandemija li jidhru li jridu jerġgħu jgħollu rashom, li ħafna qed jerġgħu jistaqsu.  Il-poplu għandu dritt li jgħix il-ħajja soċjali tiegħu.  Għandu dritt li jkollu iktar kunfidenza, u jħares b’iktar paċi lejn il-futur.  Għaddejna diġà minn ħafna, u lkoll naqblu li riskji żejda m’għandhom bżonn li nieħdu.  Għandna nkunu iktar komdi forsi llejla, jirbaħ min jirbaħ, noħorġu ndoqqu.

 

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...