26.12.21

Is-sewwa ħadd ma jħassru

 1.    Bnedmin, fil-ħajja jiġu, jgħixu, jaħdmu u fit-triq għas-salvazzjoni tagħhom jissejħu lura għand il-Ħallieq tagħna.  Dak li jgħidu, dak li jwettqu fis-sewwa, ħadd ma jista’ jneħħih.  Hemm jibqa’.  Iservi u jsarraf f’passi ‘l quddiem fl-eżistenza tagħna.  Dak li joħroġ mill-ħalq ma jidħolx lura.  Dak li jitwettaq hemm jibqa’.

 

Storja unika

 

2.    Jista’ jkun hemm min, għar-raġunijiet tiegħu, huma x’inhuma, jipprova jneħħi lil dawn il-bnedmin il-ġieħ li ħaqqhom.  Jista’ jkun hemm min jistrieħ fil-ħsieb żbaljat tiegħu li jekk iċekken, jew jiġbed ‘l isfel lil min jara aħjar minnu, ser jibdel il-verità.  Imma, għall-kuntrarju, l-istorja turi l-kontra.  Dak li sar fis-sewwa hemm jibqa’: sod, jisfida ż-żminijiet.

 

Il-memorja

 

3.    Pajjiż, poplu li jinjora l-passat tiegħu u ‘l-bnedmin li servewh isir bħal dawk li jitilfu l-memorja.  Missejt proprju aktar dan tul l-aħħar jiem meta rċevejt, mingħand il-ħabib Mario Ellul, kopja tad-diskors li kien għamel nannuwi, Carmelo Mifsud Bonnici, fis-27 ta’ Settembru 1936.  Taqrah u tifhem il-moħħ ċar li huwa kellu.  Tifhem l-imħabba naturali li kellu għall-bnedmin, speċjalment dawk li kienu żvantaġġjati.

 

Żamm il-prinċipju

 

4.    Tara li kien kapaċi jirreżisti għal dak li ma kienx jaqbel miegħu.  Żamm il-prinċipji tiegħu u m’għamilx kompromessi ma’ dak li kien jara, u li ż-żmien tah iktar raġun, li kien żbaljat.  Kellu formazzjoni edukattiva u kulturali unika, però ma ppretendiex li huwa f’xi klassi superjuri.

 

F’dan il-jum

 

5.    F’dan il-jum fl-1948, proprju fil-jum tal-Ħadd, bħallum, u meta fil-Knisja tal-Lunzjata tal-Birgu tiġi ċelebrata l-Festa ta’ San Duminku, huwa ġie nieqes.  F’dawn it-tlieta u sebgħin sena, ħidmietu ġiet iktar apprezzata.  Kien il-politiku li kellu linja soċjali ċara ħafna.  Il-bniedem li bħala l-ewwel Segretarju Ġenerali tal-Partit magħqud, ra li d-duttrina soċjali tkun il-ġebla tax-xewka ta’ ħidmietu.

 

L-ewwel leġislazzjoni soċjali

 

6.    Kien hu, li bħala deputat u ministru, ressaq l-ewwel leġislazzjoni soċjali f’pajjiżna.  Kien hu li ġieb fis-seħħ il-Widows and Orphans Pension, f’Mejju tal-1927.  Kien hu wkoll li ħa ħsieb il-Workers’ Dwellings Act sabiex jinbnew djar (li għadhom hemm sallum) moderni u iġjeniċi, li kienu tajbin għall-ħaddiema.  Kien hu li mexxa lejn iktar protezzjoni tal-mara u t-tfal, li semma u nsista li jkun hemm kummissjoni li tistudja l-Minimum Wage.

 

Diskorsi.  Ħidmiet

 

7.    Meta wieħed imur lura u jaqra dak li qal fil-kuntest u ż-żminijiet li għex fihom, tifhem iktar il-linja politika tiegħu.  Biss, ħafna minn dak li nsibu f’dik il-ħidma hija applikabbli anke għal-lum.  Kollox jiddependi minn lezzjoni unika: dik li torbot ma’ kemm gvern għandu verament ruħ u boxxla soċjali.  Meta din tonqos, għax niġu li nitmexxew minn mekkaniżmi li s-suq jiddetta, isiru l-iżbalji.  Iktar u iktar għax hemm sfidi li jiġu u ma jistennewx.  Hemm mumenti meta jekk amministrazzjoni ma tiħux il-passi neċessarji, titkaxkar lura.

 

L-għoli tal-ħajja

 

8.    Tul din il-ġimgħa, l-aspett soċjali fl-ekonomija kien lura fl-istess importanza.  L-ewwel, fil-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja, li huwa minnu.  Ħadd ma vvintaha.  Din hija r-realtà.  Waħda li għandha spjegazzjoni ċara għal żewġ raġunijiet determinanti.  Imma mhux biss.  Pożizzjoni serja li l-istess Ministru tal-Finanzi rrikonoxxa dan.  Identifikah li ġej minħabba l-effetti ekonomiċi negattivi, l-ewwel bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, Brexit; u t-tieni, minħabba l-istaġnar fl-ekonomija li l-pandemija ġiebet.  Però, hemm fatturi oħra li ma ssemmex, u tqegħdu fil-ġenb.  Fosthom, il-fatt determinanti li pajjiżna nieżel ‘l isfel fl-istima minħabba l-korruzzjoni qawwija, u magħha iktar il-greylisting tal-FATF.

 

X’rimedji

 

9.    F’dan, hija x’inhija l-analiżi tar-raġuni jew tal-kaġun, jibqa’ l-fatt li hemm bżonn tweġiba.  Il-ħajja qegħda togħla, u għalhekk din titlob li jkun hemm rimedji.  Titlob li l-Istat jifhem li ma jistax iħalli fil-ġenb dak li ser, maż-żmien, jaggrava ruħu.  Jesiġi li l-Istat jifhem li għandu dmirijiet soċjali lejn dawk li huma fil-bżonn fis-soċjetà tagħna.

 

Passi neċessarji

 

10.  Jippretendi li l-passi jittieħdu sabiex wieħed inaqqas kemm jista’, minn issa, l-impatt negattiv fuq il-ħajja soċjo-ekonomika tas-soċjetà.  Kull klassi fis-soċjetà hija għalina importanti.  Kull min jgħix fuq dawn il-gżejjer, edukat jew le, sinjur jew le, ġej minn liema parti tal-pajjiż ġej, ħaqqu l-attenzjoni u l-għajnuna neċessarja.

 

Hemm tiranni varji

 

11.  Tul il-ġimgħa rajt li l-Kamra tal-Kummerċ ippubblikat dokument verament interessanti: National Workforce Strategy.  Wieħed li nittama li jittieħed bis-serjetà li ħaqqu, u jqabbad diskussjoni iktar fit-tul u fil-fond.  Hemm diversi punti li tqajmu minn min qiegħed imiss direttament mar-realtà tan-negozju.  Mhux neċessarjament wieħed jaqbel ma’ kollox.

 

Sfida soċjali

 

12.  Imma fih apprezzajt li qed jimbuttaw sabiex induru lura mill-ġdid lejn is-sistema edukattiva tagħna.  Naqbel li għandna nimxu sabiex ulied il-pajjiż jibqgħu l-iskola sal-età ta’ tmintax-il sena.  Għad għandna wisq persuni li mhumiex jiġu preparati u mħarrġa mill-ġdid għall-futur.  Dan għax għandna dmir li nassiguraw li kull persuna jkollu soċjetà li tqis u tirrispetta d-dinjità tiegħu.  Waħda li taħdem biex tara li t-tiranniji varji li jitwieldu minn ideat tas-suq jiġu bilanċjati.

 

Il-kwistjoni morali

 

13.  Semmejt dan għax huwa iktar u iktar ċar li l-ġustizzja soċjali li nsostnu, u li huwa ċar li sostnietna, titlob aktar attenzjoni.  Titlob dan għax huwa bżonn indispensabbli għas-soċjetà li nibqgħu naraw li dak li għandna f’għajnuna soċjali jkun rilevanti.

 

Għodda

 

14.  Tibqa’ għodda biex jgħin fl-irekejjen kollha lil dawk li m’għandhomx, jew li kellhom u tilfuh fiż-żmien attwali tallum.  Jekk irridu iktar bnedmin jistudjaw jew ikomplu, irridu nifhmu li l-mezzi ekonomiċi tagħhom huma determinanti biex jippermettulhom dan. L-edukazzjoni hija, u tibqa’ essenzjali dejjem, għax mingħajrha mmorru lura lkoll kemm aħna.  Essenzjali fiha nfisha, kif ukoll fid-dinja tax-xogħol.

 

Proprju għalhekk

 

15.  Proprju għalhekk li s-settur edukattiv irid iktar attenzjoni, preparazzjoni u programmi ġodda.  Proprju għalhekk li għandna napprezzaw dak li wettqu ta’ qabilna biex aħna fejn aħna.  Dak li bnew huma għadu jservina.  M’hemmx bżonn jiżżarma, imma li jiġġedded.  Għax filwaqt li llum insellem il-memorja ta’ nannuwi, infakkar li dak li missirijietna wettqu għat-tajjeb hemm jibqa’, għax kif nafu, is-sewwa ħadd ma jħassru.

 

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...