26.12.21

Għażliet mhux liġijiet

 1.      F’dawn ix-xhur, mal-inċertezzi li hawn, żdiedet dik tas-sejħa ta’ elezzjoni ġenerali qabel żmienha.  Mal-pandemija u mal-problemi li ż-żidiet fil-prezzijiet taż-żejt ġiebu, kellna din ukoll.  Fil-mument, però, għandna ċ-ċertezza li mhux ser tħarbat il-festi tal-Milied.  Biss, f’dan, tibqa’ xorta pendenti.

 

Meta ser issir

 

2.      Tibqa’ hekk, għax ovvjament, f’xi ħin trid issir ukoll.  Il-Gvern għandu aktar xhur għad-dispożizzjoni tiegħu.  Biss, fid-diskors xejn ċar li qiegħed isir minnu, dak li mhuwiex ċert ser jibqa’ magħna.  Fin-nuqqas ta’ diskors dirett u indikattiv, nibqgħu nittrattjenu.  Nistennew x’inhuwa ġej, fix-xejn.

 

Deċiżjonijiet

 

3.      Filwaqt li l-verżjonijiet huma varji, però hemm diversi ċertezzi.  L-ewwel: li trid issir.  Wara, dak li l-poplu qiegħed, jum wara jum, jiddeċiedi li jagħmel.  Iħares u jagħraf li hemm persuni fil-politika li tista’ tafda, u oħrajn li le.  Dawk li jitkellmu mod, u jagħmlu ieħor.  Dawk li l-poplu jaħseb li huma f’forma, u jsibhom f’oħra.

 

Iktar ċertezza

 

4.      Huwa proċess li ġej fiż-żmien.  Mill-kaos u l-konfużjoni, il-bniedem ifittex dak li fl-ordni jsib.  Ordni morali, soċjali, u li jwieġeb għas-sejħa għall-paċi u għall-ġustizzja.  F’dan it-taħwid ġenerali li qed naraw, huwa evidenti li wieħed ma jistax jibni jew jimxi.  Qegħdin neħlu, jum wara jum, fuq ix-xejn.  Fid-deżert, u ninsistu li nidħlu f’iktar partijiet kbar ta’ deżerti oħra.

 

Attenzjoni nazzjonali

 

5.      Fl-attenzjoni nazzjonali, qed jirbaħ iktar is-sens li dak li kien fil-passat storiku ta’ pajjiżna, issa m’għadux.  Qed jikber iktar il-ħsieb li l-mezzi tal-aħbarijiet jagħtu importanza lil kwistjonijiet bla sens.  Qed jitwieled iktar il-ħsieb li l-klassi politika tilfet politiċi denji tal-isem li jġibu.  Qed jikber iktar il-ħsieb li l-valuri tagħna m’għadhomx iktar mogħtija ġieħ.

 

Diskussjoni

 

6.      Fir-realtà, meta titkellem u tiddiskuti, tifhem iktar li l-appuntament elettorali li ġej ser jorbot ma’ dan.  Il-bnedmin f’din is-soċjetà jinsabu fil-punt bejn żewġ pożizzjonijiet.  L-ewwel: fl-għarfien li l-Gvern Laburista Muscat sab appoġġ kbir proprju meta ppreżenta lilu nnifsu bħala dak li ser iġib lura s-sewwa, l-ordni, il-ħniena u l-ġustizzja, li suppost, taħt Gvern Nazzjonalista, kienu spiċċaw.  It-tieni: l-impatt tal-fatt li dan kollu, taħtu ma seħħx.  Anzi, li twettaq proprju l-kontra.

 

L-ingann

 

7.      F’dan, hemm riflessjoni ulterjuri fil-proċess ta’ ingann li l-politiku jidħol għalih.  Dak li jippreżenta ruħu f’dawl, mentri meta huwa jkun il-kontra, fid-dlam, dak waħdu għandu l-effetti tiegħu.  Ċertament fuq nnifsu, imma aktar fuq it-tessut demokratiku.  Proprju għalhekk f’dan, iktar minn qabel, li wieħed jagħraf li hemm sejħa popolari lura għas-sewwa.  Proprju iktar għalhekk li l-għażla elettorali tal-poplu mhix ser issir fil-għama.

 

Skrutinju

 

8.      Ser jikber iktar l-iskrutinju elettorali.  L-ewwel, qabel: jekk wieħed għandux jieħu sehem jew jastjeni u ma jivvutax.  It-tieni: jekk din il-linja tinqabeż, allura ssir l-għażla partikolari tal-kandidat jew kandidata, kif is-sistema elettorali tippermetti.  It-tielet: li f’dan il-proċess, iktar domandi, ċertezza fil-valuri u fl-ideat politiċi li verament, u mhux apparentement, dak li jkun iħaddan.  Proċess ta’ għażla, dixxerniment li qed isir iktar u iktar vitali jekk wieħed irid iħares ‘il quddiem.

 

Persważjoni

 

9.      Dan, għal min qiegħed imiss mal-poplu u jipprova jifhem is-sinjali taż-żminijiet, huwa iktar minn qatt qabel proċess ta’ persważjoni.  Sija fl-għażla li wieħed jivvota, u t-tieni, għal min.  F’dan, wieħed jifhem iktar li fil-mument huwa kontro-produċenti li wieħed imur għal sistema ċentralizzata.  Fejn il-bnedmin ma jibqgħux ikollhom iktar l-għażla, imma l-lista tiġi magħżula mill-forzi politiċi li jikkontrollaw il-partiti rispettivi.

 

Mhux lista waħda

 

10.    Partit huwa magħmul minn bnedmin varji, imma għandu jitlaq mill-prinċipju li jgħaqqad.  F’bilanċ essenzjali bejn il-partit u l-bnedmin fil-politika li jiggarantixxu dawk il-valuri u ideat.  Iktar u iktar illum, dan huwa importanti li jiġi riaffermat meta ninsabu fl-għarfien li l-valuri tas-soċjetà ma ġewx rispettati minn numru ta’ politiċi, mentri l-poplu jrid li dawn jiġu hekk fil-futur.  Il-ħsieb li wieħed jivvota u jipprova, għall-pjaċir, li jieħu sogru, illum qiegħed inaqqas mill-effetti tiegħu.

 

Diskors u azzjoni

 

11.    Fil-politika, dejjem jekk wieħed irid jaqbad it-triq it-tajba, id-dibattitu politiku huwa neċessarju.  Qabel wieħed jitlaq jiġri f’azzjoni, il-pajjiż jippretendi mill-politiċi tiegħu li jaħsbu.  U jaħsbu fit-tul u ma jidħlux fejn ma jistgħux jibqgħu għaddejjin, u mbagħad ikun diffiċli li joħorġu mill-isqaqien.  Minn dak li mmiss, huwa evidenti iktar li s-sens u s-sustanza politika hija iktar apprezzata, u f’dan, imfittxija.

 

Il-liġijiet

 

12.    Proprju fuq din il-lina li wieħed jifhem iktar li s-sejħa għal liġijiet aħjar milli għandna mhijiex proprju l-istaġun tagħha.  Jista’ jkun li jsiru xi wħud biex, kif naraw, joħroġ iktar duħħan.  Imma r-realtà hija li s-soċjetà nċens bnin għandha bżonn.  Dan fi proċess iktar strutturat, b’iktar paċi u stabilità politika.  F’linja li tassigura li dak li qed jiġi mfassal ma jkunx hemm bżonn li jinbidel wara ftit għax ġieb effetti l-kontra.

 

Ideat

 

13.    Ċertament, ideat ta’ x’wieħed jista’ jwettaq jibqgħu parti integrali mit-tessut soċjali.  L-iktar fil-paċenzja, li mhux ħafna għandhom, li dak li jsir f’liġijiet ikollu l-kunsens soċjali u naturali tal-bnedmin li fuqhom japplikaw.  Mhux biss, imma dawk marbuta mal-qafas kostituzzjonali, dawk li jmissu ma’ kif Stat modern jiġi organizzat iridu ferm iktar ħsieb, awto-kritika u riflessjoni milli qegħdin jingħataw.

 

Xogħol tal-għaġġla

 

14.    Meta dan il-proċess isir bil-għaġġla jkollu, l-ewwel, effett li ma jaħdimx kif għandu, u t-tieni, id-diffikultà sussegwenti biex tibdlu sewwa.  Jingħad x’jingħad, il-poplu jibqa’ jrid politika tajba.  Jibqa’ jrid waħda bażata fuq valuri u mhux opportuniżmi żbaljati.

 

Fit-triq

 

15.    Proprju iktar f’dan li wieħed għandu jifhem li dak li għaddejjin minnu huwa parti minn proċess politiku.  Jista’ jidher li huwa sqaq f’dak kollu li qegħdin naraw, imma fl-aħħar tal-ġurnata huwa parti minn bidla.  Proċess li ser imexxina sabiex ikun hemm trasformazzjoni.  Wieħed li ser jagħtina l-opportunità li fuq dak li seħħ, nimxu ‘l quddiem.

 

Wara li ġej

 

16.    Wara l-elezzjoni ġenerali li ġejja, ser jittieħdu lezzjonijiet varji.  Jinġabru responsabbiltajiet sabiex nimmarkaw passi ‘l quddiem.  Pajjiżna dan jixraqlu.  Il-poplu f’dan iktar, waqt li jimxi biex jagħmel għażliet differenti.  Dawk li jwasslu għal soċjetà aħjar.  Fejn il-liġijiet jiggarantixxu iktar il-ħajja demokratika tagħna.  Għalhekk, f’dan il-mument, l-għażliet u mhux il-liġijiet huma prijorità.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...