26.12.21

Mhux ser ninsew.

 1.      Mhux ser ninsew lil dawk il-bnedmin ħutna li sofrew, batew, tilfu ħajjithom u kienu, b’xi mod, vittmi tar-reġimi dittatorjali li rajna fl-aħħar seklu.  Anzi, aqwa, m’għandniex ninsew u għandna nassiguraw li niftakru aħna u nfakkru lil oħrajn bħalna.  In-Nażi-Faxxiżmu u l-Komuniżmu servew biex ħolqu tmexxijiet politiċi li ma rrispettawx ‘il-bniedem.  Ħolqu magni ta’ sterminju.  Ibbażaw ruħhom fuq il-materjaliżmu u rrendew lill-bniedem bħala oġġett.

 

Niftakru

 

2.      Niftakru fid-diversi bnedmin li nqatlu minn dawn ir-reġimi għar-raġunijiet varji ta’ ġenn li Hitler u Stalin kellhom f’moħħhom.  Razez u nazzjonalitajiet differenti sabu ruħhom akkużati, attakkati u sterminati.  Ir-reat tagħhom kien li ma jaqblux mad-dittatorjati jew li dawn l-awtoritajiet iddeċidew li huma l-għedewwa tagħhom.  Din ir-realtà, din il-verità hawn min jipprova jaħrabha, jipprova jiċħadha, jipprova jnessi lid-dinja li seħħet.

 

Inġustizzja ikbar

 

3.      Diġà minnu nnifsu huwa gravi dak li seħħ.  Kif bnedmin, taħt skużi politiċi varji, eliminaw oħrajn.  Kif setgħu ħasbu, fit-toroq tal-banalità tal-ħażen tagħhom, li għax teqred persuni umani oħra ser tibni xi forma ta’ paġna ġdida fil-futur.  Il-ħsara li saret kienet u tibqa’ waħda irreparabbli.  Waħda li twassal, kontinwament, sallum.  Imma f’dan hija inġustizzja kontinwa u ripetuta f’dan is-seklu li niġu ttantati nonqsu minn dmirna u ninsew u li ma nfakkrux.

 

Fid-dinjità

 

4.      Nonqsu lil dawn ħutna li mietu nġustament mid-dinjità sħiħa li ħaqqhom. Nonqsu wkoll lid-dixxendenti tagħhom li għadhom immarkati mill-ħruxija ta’ dak li ġarrbu u sofrew.  Nonqsu li ma nsemmux leħinna favur tagħhom sabiex dak li nistgħu nagħtuhom lura, iseħħ.  Nonqsu li nippermettu li nħallu għaddej li mhux biss sofrew it-telfien tal-membri tal-familja, imma wkoll tal-proprjetà tagħhom.

 

Ċaħdiet inaċċettabbli

 

5.      Hemm banek varji li għandhom kontijiet jgħajtu lil diversi familji Lhud li nqatlu li jinsabu pendenti, miċħuda lid-dixxendenti.  Hemm proprjetajiet varji li ttieħdu, sija taħt in-Nażiżmu kif ukoll taħt il-Komuniżmu li ma jridux jingħataw lura.  Anzi, kif qed naraw, hemm min irid jgħaddi liġijiet biex jiċħduhom minnhom u għalhekk qed jassiguraw li l-inġustizzja tkompli f’ġenerazzjoni oħra.

 

Jum importanti

 

6.      Illum huwa jum importanti biex nieqfu u niftakru.  F’diversi pajjiżi, f’tagħna għadna le, it-23 ta’ Awissu huwa magħruf bħala il-European Day of Rememberance for Victims of Stalinism and Nazism.  Fil-jum li Molotov Vyacheslav għall-Komuniżmu, u Joachim Von Ribentrop għan-Nażiżmu iffirmaw ftehim ta’ tradiment fl-1939.  Wieħed li kellu jkun ta’ newtralità u non-aggressjoni, li minflok serva sabiex issir l-invażjoni tal-Polonja.

 

Mill-ġdid

 

7.      Dak li seħħ m’għandux jintesa, ukoll u aktar għax il-bniedem jibqa’ suġġett għat-tentazzjonijiet.  Nibqa’ nara politiċi li jaħsbu, żbaljatament, li l-‘vera’ politika hija dik tal-mibgħeda u tad-disprezz lejn l-oħrajn.  Li trid tafferma ruħek b’awtorità dittatorjali biex tiġi rispettat, jew biex tħalli l-marka tiegħek fl-istorja.  Għandna nifhmu, f’dan il-jum, li din hija ideoloġija politika li ġiebet, u kif qed naraw, qed tkompli ġġib, lill-bnedmin fil-għawġ.

 

Politika tajba

 

8.      Il-politika hija tajba jekk hija verament demokratika għax bażata fuq it-tolleranza u r-rispett lejn id-dinjità sħiħa tal-bniedem, ċertament mhux fil-mibgħeda.  Hija din li twassal għal dak li għaddiet minnu l-Ewropa fis-seklu li għadda taħt dawn iż-żewġ reġimi.  Proprju jekk irridu nipproteġu verament it-tessut demokratiku tagħna.  U li nipproteġu d-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna umana.  Għandna dmir li nfakkru.

 

Infakkru

 

9.      Pajjiżna għandu dan l-obbligu morali, dejjem jekk irid il-ġid lilu nnifsu.  Għandna nassiguraw li aħna wkoll ningħaqdu biex infakkru dan il-jum.  Għandna, ċertament, niddibattu fil-Parlament, b’liġi apposta, sabiex kull sena dan isir uffiċjalment.  Mhux biss, imma għandna wkoll naraw li jidħlu iktar liġijiet u prinċipji li jistabbilixxu li d-demokrazija trid tiġi protetta bl-għeruq u x-xniexel.

 

Sostnuta

 

10.    Dak li għaddejna minnu u li niġu viċin tiegħu għandu jfakkarna li d-demokrazija trid tkun sostnuta kontinwament.  F’dan, ċertament, il-linja t-tajba għandha tkun li aħna wkoll ma ninsewx.

 

 

 

 

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...