26.12.21

Niksbu lura r-rispett

 


1.    Tul din il-ġimgha rajna ‘l-Papa Franġisku joħroġ lura mill-isptar fejn ittieħed għall-kura.  Fil-linja li ttieħdet tul dawn is-snin, kull spjegazzjoni tal-interventi mediċi jingħataw.  L-operazzjoni rnexxiet u reġa’ daħal lura fir-residenza li qiegħed jgħix fiha fil-Vatikan.  Ħafna kienu dawk li ngħaqdu jsegwuh.  Bnedmin minn kull rokna tad-dinja, Kattoliċi jew le, xorta jarawh bħala wieħed li qiegħed jagħmel differenza fid-dinja.  Kliemu u ħidmietu, jum wara jum, ġiebu rispett u għarfien aktar li l-umanità għandha toroq ġodda li għandha tieħu.  Huwa vuċi mimlija sens u sustanza f’soċjetà li għadha ma tistax issib ordni f’din l-esperjenza li l-pandemija ħaditna fiha.

 

Kitba unika

 

2.    Fiż-żmien li issa għandu fuqu l-kariga, u magħha r-responsabbiltà ta’ mexxej reliġjuż, ġiebu ċaqliqiet bil-ħsibijiet u l-fidi tiegħu.  Kull sena nsibu numru ta’ pubblikazzjonijiet f’diskussjonijiet, intervisti u konverżazzjonijiet.  Fil-bidu tal-2013 ftit kienu jafuh.  Illum, għal min għandu l-għaqal, hemm ferm iktar għad-dispożizzjoni.  Iktar kotba, verament sbieħ, fuq is-suġġetti varji l-iktar marbuta mal-isfidi attwali tas-soċjetà tagħna.  Fid-dinja li għadha ma fehmitx li dak li kienet qed tħaddem ma wassalx sabiex tkun aħjar.  Anzi, kull darba nifhmu li għandna nibdew mill-ġdid.  Nifhmu li rridu nbiddlu l-kunċetti bażiċi li fuqhom din is-soċjetà mxiet.  Il-bgħid mill-materjaliżmu, fid-direzzjoni tal-bżonn ta’ protezzjoni vera tad-dinjità umana.

 

Ritorniamo a sognare

 

3.    Hemm kotba oħra ta’ sustanza, imma f’dawn il-jiem lestejt wieħed li ġie għad-dawl lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet.  Il-ktieb bit-titolu Ritorniamo a Sognare huwa wieħed li jolqot direttament lil dawk li jridu jagħmlu l-ġid lis-soċjetà li jgħixu fiha.  Huwa ktieb ta’ riflessjoni fuq kif huma mibnija l-istati moderni.  Wieħed li huwa għad-dispożizzjoni ta’ ħafna, għax huwa tradott f’diversi lingwi u ġie pubblikat fl-istess ħin, f’diversi pajjiżi.  Il-ktieb iħares lejn dak li għandna, dak li għandna nagħżlu u dak li għandna naħdmu fih fil-futur.  Fir-realtà huwa dokument ‘politiku’ li jipprova jġid sens u ordni fil-konfużjoni li ngħixu fiha.  Fuq kollox, spjegazzjoni razzjonali u diretta ta’ dak li aħna u dak li għandna nkunu.

 

Ispirazzjoni

 

4.    Dan il-bniedem, fil-fatt, huwa riformatur kbir.  Il-ktieb bl-Ingliż għandu t-titolu Let us Dream.  The Path to a better future.  U huwa hekk, però, jitlob li aktar bnedmin, senjatament dawk li huma għas-servizz tal-proxxmu, jaqrawh.  Huwa ktieb mimli b’għerf, sinjali u direzzjonijiet.  Mimli riflessjonijiet, u fl-istess ħin aġġornament, speċjalment għal dawk li jikkunsidraw ruħhom Demokratiċi-Nsara.  Hemm dikjarazzjonijiet varji li jimmeritaw attenzjoni.  Biss, laqatni ftit iktar l-aħħar paragrafu tiegħu.  Fih imiss mal-fatt li d-demokrazija għandha saħħa skont l-esperjenza u d-determinazzjoni tal-poplu.  Mhux biss, imma jagħti importanza “di ridare dignità ai nostri popoli” (li tagħti lura dinjità lill-popli tagħna).

 

Esperjenzi

 

5.    Tul din il-ġimgħa kelli min kellimni dwar l-esperjenzi li bnedmin, ċittadini tagħna, qed imissu magħhom f’pajjiżi oħra.  Il-fama tagħna, sfortunatament, marret lura.  Filwaqt li qabel konna aċċettati mingħajr domandi jew verifiki, issa bdejna nitqegħdu għall-eżami.  Isirulna rimarki li qabel ma kellniex.  Jistaqsuna iktar milli għandhom.  Daħħluna f’kategoriji li qabel ma kellniex.  Iħarsu lejna b’suspett.  Għal dak li sar minn min kellu l-poter f’idejh, illum qegħdin inbatu l-konsegwenzi.  Qegħdin nieħdu l-effetti negattivi ta’ dak li twettaq żbaljatament.  Għax kollox għandu l-konsegwenza tiegħu.  L-aġir żbaljat tant akkumula, tant għamel ħsara, tant tħalla u ġie permess li issa dħalna fi sqaq li għandna bżonn noħorġu minnu llum qabel għada.

 

Ir-realtà

 

6.    Biex nieħdu lura d-dinjità li ħaqqna hemm bżonn ħafna xogħol.  Hemm bżonn diversi passi li verament jassiguraw bidliet li jsarrfu fil-kredtu li ħaqqna.  Biss, il-pożizzjoni hija iktar kumplikata.  Jum wara jum hemm min qiegħed jifhem iktar li biex pajjiżna jiġi lura għad-dawl hemm bżonn mhux biss bidliet fil-liġijiet, imma fil-bnedmin li jamministraw il-pajjiż.  Hemm iktar għarfien li dak li sar jitlob, dan dejjem biex nitwemmnu, li dak li qiegħed isir huwa verament mill-qalb u mill-ispirtu tas-sewwa.  F’soċjetà li ilha, għal dawn l-aħħar snin, tiġi attakkata b’bumbardament li l-valuri li kellha mhumiex importanti.  F’soċjetà fejn kien hemm il-linja li l-prinċipji etiċi Nsara huma sorpassati, issa qed nifhmu li mhuwiex hekk.  Li, anzi, huma rilevanti u jitolbu li jitqegħdu lura fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna.

 

Parteċipazzjoni

 

7.    Il-valuri u l-ideat li jiffurmawna bħala partit Demokratiku-Kristjan jitolbu li nassiguraw iktar parteċipazzjoni attiva.  Jitolbu li nifhmu li soċjetà ma timxix ‘il quddiem billi tipprova telimina biċċiet minnha.  Titlob li, anzi, inġibu lil kull persuna f’daqqa biex naħdmu għall-bidliet tas-sewwa.  L-intolleranza, l-attakki bażati fuq id-disprezz lejn ħaddieħor, fuq l-istrateġija li tiskredita u toqtol il-karattru huma żbaljati.  Il-Partit irid jagħraf iġib iktar komponenti fis-soċjetà tiegħu mingħajr ma jitlef is-sustanza tiegħu.  Il-Partit twaqqaf fuq pedamenti ċari.  Kienu, u għadhom dawn li jsarrfuh bħala wieħed rilevanti.  Wieħed li ġieb il-kunsens popolari fuqu għal numru ta’ snin.  Fejn inżammet il-linja ċara li altru l-Partit, u altru l-kunsens elettorali.

 

Rispett

 

8.    Għandna nifhmu iktar li l-melħ u s-sustanza li jiffurmaw partit politiku bħal tagħna mhuwiex wieħed ta’ interessi partikolari, imma popolari.  Ma nibdlux dak li aħna skont ma jidhirlu kull votant jew parteċipant.  Imma aħna kostanti fl-ideat tagħna.  Dan għandna nagħrfu aktar li huwa determinanti f’dawn ix-xhur li ġejjin għalina.  Il-Partit m’għandux bżonn aġir li mhuwiex awtentiku, jew li jmiss mal-artifiċjali.  Kull ma hemm bżonn huwa li jitħalla jkun dak li huwa.  Jitħalla jimxi fit-triq normali tiegħu.  Jitħalla jimraħ fl-ideat it-tajba li għandu.  Jitħalla fil-komponenti umani tiegħu li jaħdmu biex iġibu lura r-rispett, id-dinjità li l-poplu tagħna ħaqqu.

 

L-isfida

 

9.    Fil-jiem li ġejjin għandna nagħrfu iktar kemm dan huwa importanti.  Nagħrfu li, kif jgħid tant tajjeb il-Papa Franġisku, li din hija “la strada verso un futuro migliore” (it-triq lejn futur aqwa).  Nagħrfu li jekk irridu nkunu dak li konna, għandna nimxu biex nieħdu l-lezzjonijiet it-tajba.  Nagħrfu li m’għandniex bżonn inkunu differenti milli aħna.  Li aħna poplu sod u tajjeb.  Wieħed li għandu l-valuri tiegħu f’posthom.  Wieħed li għandu jitħalla jimxi fid-direzzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipji, l-għeruq li sawruh.  Meta nifhmu dan, inkunu nistgħu nħarsu aħjar sabiex pajjiżna jieħu lura, fil-proċess normali tiegħu, ir-rispett u d-dinjità li ħaqqu.

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...