26.12.21

Quddiem il-ħitan tas-sejjeħ

 


1.       Huma ħafna l-mumenti li fihom ma nagħrfux dak li għandna.  F’dak li huwa t-tajjeb li writna minn missirijietna jew li aħna stess bnejna.  Ngħaddu minn quddiem dawn dawn it-teżori u ma napprezzawhomx kif ħaqqhom.  Ma nagħrfux dik it-tbatija li sarrfithom.  Ma nagħrfux kemm sigħat, paċenzja, attenzjoni, sabar, sagrifiċċji u għerf uman riedu biex twettqu.  Minflok, l-attenzjoni tagħna tkun diretta lejn dak li jidher ileqq u dak li jgħaddi malajr.

 

Fiduċja

 

2.       Dak li jiġi mpinġi bħala sod u permanenti mentri mhuwiex.  Dak li jiġi ‘l quddiem u mbuttat bħallikieku huwa dak li mhuwiex.  Jinbena paraventu minnu li jgħatti dak li verament għandu warajh.  Maż-żmien, il-pożizzjoni tinbidel.  Ir-riħ tal-ħajja jikxef dak li huwa pedament fuq il-blat minn dak li huwa fuq ir-ramel.

 

Lil min ġie mbuttat

 

3.       F’dan, min jidħol għal dan il-proċess li jidħaq bih innifsu ma jistax, wara, jilmenta.  Jekk kien huwa stess li mbotta lil dawk li ma kellux, kif jista’, wara, jmaqdar lil min effettivament daħak bih?  Kont inti stess li tajthom saħħa li ma kellux ikollhom.  Tajthom fiduċja li llum tagħraf li ma ħaqqhomx, imma li staqt qabel tagħraf ukoll.

 

Esperjenza

 

4.       Meta timxi barra, speċjalment lejn il-bidu jew lejn l-aħħar tal-jum, u jkollok miegħek il-kumpannija ta’ dawk ir-raġġi tax-xemx, tad-dawl sabiħ u veritier tifhem ftit iktar.  Tifhem li għandna ħafna ħitan differenti f’pajjiżna, imma xejn ma jegħleb dak li l-ħitan tas-sejjieħ jirnexxilhom.  Dawk li nbnew minn ta’ qabilna.  Dawk il-ħitan li kien hemm, li tant issawwru bi preċiżjoni li sena wara sena jibqgħu sodi.

 

Jitbasktu

 

5.       Jibqgħu jitbasktu fix-xems u jservu sewwa.  Fil-preċiżjoni li taqbad ġebel b’qies varju u li jingħaqad f’daqqa.  Jingħaqad fi proċess naturali, mhux marbut b’materjal ieħor.  Dak li, għax jirreżisti, jibqa’ sħiħ, u meta jiġi żarmet ma jistax jiġi armat lura bħal ma kien.

 

Kontra kollox

 

6.       Fi żminijiet oħra, il-ħitan tas-sejjieħ kienu assoċjali ma’ dawk li m’għandekx isserraħ dahrek magħhom.  Imma maż-żmien urew il-kontra.  Għandna madwar pajjiżna ġabra soda tagħhom.  Baqgħu jisfidaw ‘l-elementi; il-bnedmin jirreżistu għas-sewwa fil-ħajja.  Drabi jifirdu, drabi jagħtu lqugħ lis-siġar, dwieli mimlija.  Hemm, biex jiggarantixxu l-passat, il-preżent u l-futur.  Kontra kollox, il-ħajja uriet li dak li seta’ ġie skart mill-bnedmin baqa’ jagħti l-ġid u jservi.  Hekk hija l-ħajja f’ħafna u diversi mumenti.

 

Bħall-Partit

 

7.       Partit politiku f’dawn il-gżejjer, fejn anki l-bnedmin, bħall-ġebel, jitbasktu għax-xemx, għandu ħafna x’jifhem u x’jitgħallem mill-ħitan tas-sejjieħ.  Kull bniedem mhuwiex perfett.  M’għandux, u ma jistax ikun mibni f’forom li jridu jiddaħħlu f’kexxun.  Huma proprju differenti: bit-talenti, abbiltajiet u umuri varji tagħhom

 

Marbuta f’daqqa

 

8.       Jistgħu jibqgħu barra fl-art bħal dawk il-ġebel li l-bennej tas-sengħa ma jagħżilx u jistgħu jservu f’posthom.  Fost oħrajn, bi bnedmin fuqhom, madwarhom u taħthom.  Ilkoll, bħal dawk il-ġebel tas-sejjieħ, li marbuta f’daqqa jkunu sodi, mentri għal rashom, mitlufa.  Liberi, fejn kull wieħed huwa distint u indispensabbli.

 

L-għażla tal-bennejja

 

9.       Il-bennejja, fis-soċjetà demokratika tagħna, huma dawk li jagħżlu li jipparteċipaw.  Dawk li jfittxu l-pariri u jsegwu dak li jaraw huma stess.  Dawk li jħarsu lejn kemm il-ħitan politiċi huma sodi, fil-prinċipji u fil-bnedmin li jiffurmawhom.

 

Proċess uniku

 

10.     Huwa proċess uniku, neċessarju, għax id-demokrazija hija fil-fatt valur uniku.  Hija iktar hekk għax tiddependi mill-ħajt tas-sejjieħ li l-Partit Nazzjonalista huwa, fl-ilqugħ sod tiegħu, jagħtiha.  Direzzjoni ċara, kif kien idderiġa editorjal ta’ The Economist: “Democracy is precious, and those who are lucky enough to have inherited one must strive to protect it.”

 

Qegħdin nipproteġuha

 

11.     F’dan kollu hemm min jibni, min iżarma u min jipproteġi l-ħitan tas-sejjieħ politiċi.  Fis-soċjetà, fil-libertà tagħha tara minn kollox.  Biss, kull persuna tieħu l-piż tar-responsabbiltà ta’ fejn trid tieħu sehem fiha.  Għax illum, wieħed jista’ jilmenta li l-Bennejja Demokratiċi għażlu ġebla u mhux oħra fil-ħajt tas-sejjieħ politiku.  Tista’ turi l-għadab tiegħek kemm trid.  Imma tista’ wkoll tagħraf li parti mir-responsabbiltà hija tiegħek ukoll.  Għax diversi ex-politiċi li qed jiġu kkritikati sew, jum wara jum fl-editorjali varji, kienu jiftaħru qabel fl-istess fuq dak li ma kinux.

 

Kif tidħak bil-Bennejja

 

12.     Proprju għax ħallejna wara l-awtentiċità, il-verità, is-sustanza politika soda li ġejna naċċettaw il-paraventi ta’ dak li mhumiex.  Hemm vulnerabilità proprju f’dan.  F’kif, żmien wara żmien, jibqa’ jkollna lil dawk li l-iktar jinfluwenzaw, li jagħtu importanza lil dak li fil-fatt jiddikjaraw ideat mingħajr ma jemmnu fihom.  Dawk li jiddikjaraw dan għax jafu li dak huwa li jridu jisimgħu dawk li jinfluwenzaw.

 

Jippreferu

 

13.     Jippreferu lil min ikompli, sena wara sena, jidħak bihom.  Jiddikjara dak li mhuwiex, imma jiddikjarah biex jogħġobhom, u huma jkomplu jidħlu għalih.  Kellna ħafna esperjenzi passati fuq dan.  Milli jidher, ser jibqa’ jkollna.  Faċli fid-demokrazija tidħak bil-bennejja, però dan huwa iktar prattikat meta l-lezzjonijiet ta’ qabel, flok neħduhom, ninjorawhom.

 

Imġieba skorretta

 

14.     Il-bnedmin, fil-varjetà u forom tagħhom, isibu ruħhom ittantati.  Uħud jistgħu jirreżistu; oħrajn iċedu.  Tat-tieni kategorija jaħsbu li fil-poter li jitla’ għal rashom, xejn ma jista’ għalihom.  Li tant huma bravi, “smart”, li ħaddieħor mhux ser jinduna.  Li dak li qed iwettqu, ħadd m’huwa ser jagħti każu, proprju għax ħlief tifħir madwarhom, m’għandhomx.  Li, għax iġibu ħafna voti u maġġoranzi, xejn ma ser imisshom.  L-imġieba korretta, ħafna drabi tiġi minħabba l-fatt li l-umiltà politika tiġi kkultivata.  Bħal dik il-ġebla fil-ħajt tas-sejjieħ li, fl-umiltà tagħha, tibqa’ sservi fil-pożizzjoni tagħha, sena wara sena, fil-passat u fil-preżent tagħha.

 

Għandna ħafna tajjeb

 

15.     Għandna ħafna ħitan tas-sejjieħ li huma sodi, tajba, għad-dispożizzjoni tagħna.  Mhux dejjem, ċertament, apprezzati fis-soċjetà li titlef ħafna direzzjonijiet.  Però, is-soluzzjoni mhix li tkissirhom u tipprova tibni differenti, għax m’intix ser ikollok l-istess sudizza.  Dak li serva u għadu jservi tajjeb, xi raġuni warajh għandu.

 

Nifhmu sew

 

16.     Il-ġebel li ffurmaw il-ħajt tas-sejjieħ tal-Partit Nazzjonalista kellhom, u għandhom, iktar valur f’dan proprju għax is-sustanza tagħhom hija ċara.  Is-sustanza politika tagħhom serviet proprju għax il-prinċipji, il-valuri tagħhom huma Demokratiċi Nsara.  Dik hija l-verità politika u elettorali li l-fatti jagħtu.  Ċertament, dan dejjem jekk irridu nifhmu sewwa.

 

Proprju għalhekk

 

17.     Fl-użu sħiħ tal-għodda tar-raġuni, dawn huma punti politiċi evidenti.  Mhux punti di vista, opinjoniiet, imma prova xjentifika.  Nistgħu ninsewhom, ninjorawhom, imma hemm jibqgħu.  Bħal dak kollu li għandna madwarna.  Bħal dak kollu li writna.  Bħal dak kollu li naraw quddiem l-isbuħija tal-Ħitan tas-Sejjieħ.

 

 

 

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...