26.12.21

Viċin il-poplu

 

1.     Ħafna jfittxu toroq fil-politika t-tajba.  Uħud jaħsbu li huma għandhom direzzjonijiet li oħrajn m’għandhomx.  Uħud jaħsbu li huma iktar “smart” minn oħrajn, jew li jistgħu jaħdmu waħedhom, għal rashom.  Jaġixxu billi jikkundizzjonaw lill-oħrajn u ma jkunux iridu jaħdmu f’daqqa.

 

Karattri

 

2.     Fil-kamp politiku organizzat, f’partit demokratiku li jirrappreżenta ‘l-elettorat hemm persuni bil-karattru partikolari tagħhom.  Uħud tondi, uħud kwadri, oħrajn trijangli, ilkoll bil-forma personali tagħhom.  Mhux dejjem jaqblu ma’ xulxin.  Mhux dejjem jaqblu ma’ kulħadd.  Imma biex partit jimxi, irid ikun hemm min jaċċetta lil ħaddieħor mingħajr preġudizzji.  Kif jgħidu: bit-tajjeb u dak inqas tiegħu.

 

Kartabun

 

3.     L-għodda tal-imgħallem hija dik li jifhem kemm skontri u kunflitti interni għandhom ikunu mill-inqas.  Iktar u iktar fix-xenarju politiku preżenti, kif ukoll fil-qafas tal-elementi.  Iktar minn dan, komprensjoni, għaqal fis-smigħ, u wara, l-ispazju.  L-ambjent sħiħ li jrid jiġi provdut biex wieħed jinteraġixxi b’intelliġenza.

 

Għażliet

 

4.     Ħadd ma jista’ “jagħżel” il-kollegi parlamentari jew fil-partit.  Anqas, ma jista’, l-elettorat tiegħu.  Irid jagħraf li jrid jirrappreżenta iktar lill-votant milli lilu nnifsu.  Ma jafx, għalhekk, iktar minn dawk li jivvutawlu.  Irid jagħraf kif jifhem, kif jimplimenta, dak li għandhom bżonn u jridu.  Biss, biex dan isir, irid jifhem li jrid ikun magħhom, mhux ‘il bgħid minnhom.

 

Mezzi

 

5.     Diversi għaddewlhom oħrajn il-ħsieb li l-politika tfisser li tidher l-iktar fuq il-mezzi tax-xandir.  Tidher fiżikament, u wara li tidher, li qiegħed tifhem dak li qiegħed tgħid.  Dan għandu ċertu effett, ma hemmx dubju, però hemm lezzjoni, li jgħaddi kemm jgħaddi żmien, teħodna lura għal dak li hija verament il-politika demokratika.

 

Jum wara jum

 

6.     Dan għax il-linja tal-ġid issir b’mod ieħor.  Issir b’attività politika fejn, jum wara jum, wieħed jiltaqa’ u jmiss mal-elettorat.  Dak li ssib meta tinġabar fil-pjazez, fit-toroq, fil-ħwienet.  Dak li tiltaqa’ miegħu fid-djar.  Fejn trid tifhem fejn, f’liema kundizzjonijiet l-elettorat jgħix.  L-ambjent fiżiku u soċjo-ekonomiku tiegħu.  Ma hemmx regoli nazzjonali f’dan, imma mill-iktar lokali.

 

Umiltà

 

7.     Partit bħal tagħna jibqa’ rilevanti għax baqa jmiss mas-soċjetà f’dawn il-metodi forsi “tradizzjonali”, imma li fir-realtà huma l-essenzjal.  Fejn ir-rispett u l-umiltà jakkumpanjaw u jikbru fuq il-ġilda ta’ min iservi lill-oħrajn.  Fejn il-qżież m’għandux ħafna spazju, salv biex jimbotta ‘l bgħid mill-ħidma t-tajba.  Fit-toroq tal-attività inutli li ma sservi għal xejn salv li, fil-fatt, twettaq il-ħsara.

 

Inħarsu ‘l quddiem

 

8.     F’dan kollu għandna quddiemna xenarju li fih irridu naħdmu.  Fejn inwarrbu fil-ġenb u narmu kompletament il-ħsieb li jitwieled fil-bnedmin meta jkunu ilhom fil-poter.  M’aħniex fil-gvern, imma fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni.  Għandna, f’dan, l-opportunità unika li nifhmu aktar ‘l-elettorat f’dak li għaddej, mhux f’dak li nimmaġinaw li huwa għaddej.

 

Kuntatt

 

9.     Iktar ħin fid-diskussjoni, fid-djalogu, fl-interazzjoni u awto-kritika.  Għax issa huwa l-mument li fih neġgħu nibnu programmi ta’ ħidma li jservuna fil-futur.  Għodda ta’ fejn il-poplu jagħraf li għandu jqegħedna għas-servizz tiegħu.  Ħafna drabi qed nitilfu diversi appuntamenti, proprju għax m’aħniex biżżejjed esposti għal dan.

 

Inqas

 

10.   Proċess li jifred lejn is-sempliċità.  Jissepara aħjar mill-arja qawwija ta’ elementi ta’ paranojja.  B’fissazzjonijiet marbuta ma’ ideat ta’ persekuzzjoni jew aġir moħbi.  Imħallta ma’ fobiji ġenerali li qed iwelldu, f’uħud, dożi ta’ pessimiżmu.  Inqas ideat marbuta ma’ xi kunċett ta’ destin li ma nistgħux ninħallu minnu jew inbiddlu.

 

Il-Futur

 

11.   Il-futur jibqa’ dak li huwa, jiddependi kemm aħna nagħġnuh billi nibnu fuq il-pedamenti tas-sewwa.  M’hemmx stampi skuri diġà mpenġija li huma irriversibbli.  Hemm, anzi, l-ispazju liberu li wieħed jaħdem ‘il quddiem biex ibiddel.  Imnebbaħ mill-valuri tiegħu, imma iktar minn hekk, immexxi fi spirtu ta’ ottimiżmu.

 

X’ġej għalina

 

12.   Insib profeti ta’ forom varji fit-triq tal-jum.  Imma lkoll nafu li dak li għadna rridu nġarrbu u ngħaddu minnu, ftit jistgħu jiċċumbaw.  Irridu biss naħdmu biex javvanza ‘l q uddiem il-Partit.  Billi nippreservawlu l-integrità tiegħu.  Billi niġbdu iktar persuni biex, bl-ideat varji tagħhom, jagħtuna l-kunsens.

 

Maġġoranzi

 

13.   F’dan kollu rridu nżidu l-vot tal-Partit.  Naħdmu mingħajr ma, b’xi mod, naqtgħu qalbna.  Nafdaw fis-sewwa u li nqegħdu ruħna għas-servizz tal-oħrajn.  Naħdmu lejn il-bidla, li tibqa’ prijorità tagħna, għax hekk għandu bżonn pajjiżna.  U f’dan, naslu fejn naslu, xorta rridu nżommu quddiemna l-għarfien li għandu jkollna aktar piż, li fl-istess ħin, innaqqsu mill-arroganza li qed immissu magħha.

 

Wara għaxar snin

 

14.   Kull Gvern, wara għaxar snin, jibda jkollu iktar minn dawn l-elementi, kif qegħdin naraw.  Kontroll ta’ ħafna fis-soċjetà.  Fejn jibda jipprova jqiegħed lilu nnifsu bħala l-bidu u t-tmiem tal-pajjiż.  Fejn huwa biss jaf, u hu biss jiddeċiedi.  Fejn min jeħodha kontra, jintbagħtlu l-messaġġ li aħjar jekk jaħsibha mill-ġdid, għax ikun qiegħed jissogra.

 

Bidliet ġejjin

 

15.   F’dak li qegħdin nidħlu għalih fix-xhur li ġejjin għandna nżommu dan kollu quddiemna.  Għandna nagħrfu li ġejjin għalina lkoll bidliet varji.  Ix-xenarju politiku ser jinbidel, u l-politiċi mhumiex ser ikollhom il-konfort, jew il-ħsieb, li jistgħu jikkontrollaw.  Għax dak li qiegħed jidher illum ma jfissirx li ser ikun hekk għada.

 

Inħarsu ‘l quddiem

 

16.   Għandna x’għandna żvantaġġi politiċi fl-appuntament li ġej, xorta għandna naħdmu b’ottimiżmu.  Xorta għandna nfittxu li nwettqu l-ġustizzja soċjali.  Xorta għandna nħarsu li nagħmlu l-ġid u s-sewwa.  Xorta għandna nkunu strumenti li jservu lill-elettorat tagħna.  Xorta, fuq kollox, għandna nassiguraw li nibqgħu viċin il-poplu tagħna.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...