26.12.21

Proġett politiku

 

1.    Għal raġunijiet varji, hemm min qiegħed jara li l-politika t-tajba ħadet daqqiet ta’ ħarta.  Ġiet umiljata, traskurata u mkasbra.  Dan huwa l-istat tal-affarijiet li l-elettorat tagħna jara.

 

Biċċa biċċa

 

2.    Ġejna, f’dawn l-aħħar snin hekk, biċċa biċċa għal raġunijiet differenti.  Biss, dan m’għandux jaqta’ l-qalb.  Anqas iżomm lura mill-pass li huwa neċessarju għalina, bnedmin li ngħixu u naħdmu f’demokrazija.

 

Il-pass

 

3.    Il-politika trid terġa’ titqiegħed lura fil-pożizzjoni li kienet.  Mhux li telqet minnha, imma li ssudat fiha.  Titlaq fuq numru ta’ livelli u miżuri sabiex terġa’ tkun vuċi u żiffa friska li tibdel għas-sewwa.  Għax nafu li mhux kull bidla twassal għal dak li jwettaq il-frott.

 

ll-kontra

 

4.    Hemm passi żbaljati li ttieħdu f’isem il-ġid komuni, li wasslu biss għall-kontra.  Fil-preżent ġie, u sar irrelevanti għala, u min, għandu responsabbiltà.  Sar iktar importanti kif wieħed jagħti rimedji.  Kif joħroġ mill-pożizzjoni.

 

Lura fid-demokrazija

 

5.    Id-demokrazija għandha bżonn, għall-eżistenza attiva tagħha, partiti politiċi.  L-iktar meta jkollha partiti politiċi li huma organizzati u li jirrappreżentaw lill-poplu.  Partiti li jkollhom mhux biss votanti, imma l-ewwel, dawk li huma membri attivi fihom.

 

Tesserat

 

6.    It-tesserat, sejjaħlu li trid, huwa vitali u mhux parti minn passat superat.  Mingħajr ma jkun hemm bnedmin li jipparteċipaw sabiex jibnu l-politika interna ta’ partit għax huma membri, mingħajr persuni li jiddedikaw parti mill-ħin tagħhom ukoll għal proċess ta’ ideat u azzjoni, id-demokrazija tkun inqas milli hija llum.

 

Pedament

 

7.    Il-politika f’demokrazija titlob li jkollha partiti politiċi li, indipendentement mill-ideat li jħaddnu, iġibu bnedmin fid-dinja tas-servizz pubbliku.  Anke meta partiti ma jaqblux.  Anki meta jkun hemm konfronti ta’ ideat jew personalitajiet, dawn huma neċessarji.

 

Politika interna

 

8.    Huma hekk għax jibnu l-politika interna tagħhom ukoll b’dak li ma jaqblux mal-oħrajn.  B’dak li jiġu influwenzati minnu u li jinfluwenzaw bih lill-oħrajn.  U minn dan tiġi stabbilita l-bażi komuni ta’ ideat nazzjonali li m’huwiex żbaljat fih innfisu, imma tajjeb.

 

Il-kontra

 

9.    F’dawn l-aħħar snin rajna l-kontra, fis-sens li għaddejna minn proċess li naqqas l-attività politika tal-bnedmin.  L-attività, mhux neċessarjament l-attenzjoni.  Għad hemm min jaħseb li għax tkun attiv, qiegħed tiċċappas.  Qiegħed tieħu l-pesta fil-ħajja soċjali u ekonomika tiegħek.

 

Ma jaqbilx

 

10.  Nies li jaħsbu li ma jaqbilx lilhom fl-interessi personali.  Din il-ġabra ta’ ideat, ta’ kultura politika non-parteċipattiva li trid tiġi kumbattuta għall-ġid tad-demokrazija.  Għax huwa kontro-indikat li wieħed jiddikjara li ma jridx ikollu x’jaqsam magħha meta għandu.

 

Spazju politiku

 

11.  Meta ma tiħux sehem tkun qiegħed tħalli l-ispazju vojt tiegħek biex jiġi okkupat minn ħaddieħor.  Min m’għandux l-ideat tiegħek jew min għandu ideat żbaljati kif jaġixxi fil-politika.  Hemm prezz fis-silenzju, fl-omertà politika, li jitwieled mill-fatt li wieħed ma jkunx irid ikollu x’jaqsam magħha.

 

Gazzetti

 

11.  Fis-silenzju li jsibu ruħhom fih dawk li ma jixtrux il-gazzetti jew li ma jarawx il-mezzi tax-xandir.  Ta’ dawk li biex juru kemm huma ‘l fuq, maqtugħa mitt mil, jixtru u jaraw biss dawk li suppost huma newtrali.

 

Impenn

 

12.  L-impenn soċjali u politiku tal-bniedem fil-ħajja tiegħu hija għodda.  Hija hekk, l-iktar, għalih.  Jieħu sehem mal-oħrajn f’dak li l-pajjiż jista’ jimxi fih.  Però, huwa iktar garanzija ta’ dak li huwa ta’ ġid sħiħ, lill-komunità sħiħa.

 

Mhux rinunzja

 

13.  Li wieħed jirrinunzja għal dan id-dritt, iġib biss l-opportunità lil ħaddieħor li ma jikkunsidrax la l-opinjoni, u wisq inqas dak li wieħed għandu bżonn.  Li wieħed ma jivvutax, jew joqgħod il-bogħod, ma jġibx riżultati tajbin.  Iġib u jagħti saħħa lil ma għandu diġà żżejjed minnha.

 

Nibnu

 

14.  Biex tibni l-politika t-tajba mill-ġdid, wieħed irid jinżel jew imur u jagħti sehemu. Jagħtih, huwa x’inhuwa l-istat soċjali jew ekonomiku tiegħu, għax għandu jieħu sehem.  L-ispazju qiegħed jiġi meħud minn oħrajn li jidhru, l-interessi tagħhom, bħala ideat li jirrappreżentaw il-verità politika li mhumiex.

 

Kull bniedem

 

15.  Irridu nifhmu iktar li l-politika hija ta’ kull persuna, u tiġi rikostruwita jekk niġu lkoll fiha.  L-esperjenza politika ta’ dawn l-aħħar snin hija in parti r-riżultat ta’ bnedmin li rrinunzjaw u fdaw f’idejn ħaddieħor.  Ta’ dawk li lludew ruħhom li jistgħu jħallu l-affarijiet ta’ pajjiżhom f’idejn oħra li ġiebu konsegwenzi koroh għalina.

 

Kontro-tendenza

 

16.  Hemm, f’dan ukoll, l-effett ta’ żmien ta’ politika Maltija, Ewropea, li ġiebet effetti varji.  Ma kienx hemm, però, l-istess effett sekulari, ta’ lajċiżmu soċjali.  Dak li jaqta’, mhux li jbiddel l-għeruq tagħna.  Kien hemm iktar żvilupp ta’ soċjetà li tikkonsma, milli dik li tiċħad il-passat tagħha.  Bħal ma rajna wkoll fil-fatt li anqas ir-rivoluzzjoni industrijali ma wettqet hawn dak li seħħ f’postijiet oħra.

 

Boxxla politika

 

17.  Dan huwa importanti għalina fi ħdan partit politiku li ninsabu attivi fi ħdanu.  Għandu jservina ta’ boxxla politika sabiex nagħrfu lura dak li aħna.  L-azzjoni, il-proposti huma indikazzjonijiet tal-ideat li jsawruhom.  Biss, ikunu aqwa jekk ikunu motivati verament hekk, għax hemm it-twettiq mhux ta’ prammatika, imma ta’ linja ċara u ideoloġikament f’postha.

 

Linja ċara

 

18.  Huwa l-proġett politiku tagħna ta’ linja ta’ ideat bażati fuq kunċett ta’ soċjetà iktar ġusta u libera li jmexxina.  Kif nitilfu l-bżonn tagħha u ta’ kultura ġewwa formazzjoni politika nkunu biss geġwiġija ta’ proposti li ma jinġabrux.

 

Parteċipazzjoni

 

19.  Jistemgħu biss, u jkun hemm min jista’ jagħtihom attenzjoni.  Biss, anki jekk dan huwa eżerċizzju uman li fih xi merti fl-aljenazzjoni, però jkun iktar sod jekk ikun iffurmat wara organizzazzjoni li ġġib iktar parteċipazzjoni għax hemm linja ideoloġika ċara.

 

Fil-35 sena

 

20.  Proprju llum, fil-ħamsa u tletin anniversarju mill-qtil ta’ Raymond Caruana, dan għandu jservina biex nirriflettu iktar.  Bin il-ħaddiem, persuna mill-iktar umli tinqatel mill-magna politika li kellha tipproteġi l-klassi tiegħu.  Inxtered demm ta’ martri żagħżugħ.  Wieħed li biddel il-fehma ta’ ħafna sabiex il-pajjiż seta’ jibda paġna ġdida.

 

Il-Proġett

 

21.  Ir-realtà storika turi li dan seta’ jsir u jingħata ġieħ għax il-Partit Nazzjonalista kien l-ewwel: organizzat sew; it-tieni: ħaddan ideat politiċi ċari; u t-tielet: kellu programm daqshekk ċar.  Fi triqtu sab ħafna ntoppi u kumplikazzjonijiet li ma kellux fil-manifest elettorali.  Imma kellu f’qalbu ideat demokratiċi-Nsara li servewh bħala gwida u għodda biex ikkonfronta b’attenzjoni, moderazzjoni, deċiżjoni, imma b’ġustizzja mhux ċertament ġustizzjaliżmu.

 

Il-Proġett Politiku

 

22.  Il-lezzjonijiet passati huma għalina l-linja lejn il-futur.  Id-direzzjoni li permezz tagħha għandna naqbdu u dan, huwa x’inhuwa l-mument biex dak li nistgħu nwettqu għada pitgħada jsir kif għandu.  Dan huwa l-proġett politiku li permezz tiegħu nistgħu nkunu verament ta’ servizz għall-poplu ta’ dawn il-gżejjer.


No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...