26.12.21

Responsabbiltà ma tqanqalx

 1.      Ġejna lura għall-kalma wara jiem ta’ aġitazzjoni elettorali.  Ġiet lura forma ta’ responsabbiltà politika, dik li tant għandna bżonn u li f’dawn l-aħħar snin sabet ruħha traskurata u abbandunata.  Għax għal uħud mhix “eċċitanti” li titkellem u taġixxi f’din il-linja ta’ maturità fit-tmexxija tad-dmirijiet.

 

Poter

 

2.      Proprju minħabba n-nuqqas ta’ għarfien ta’ dan il-piż u obbligu morali u legali li l-pajjiż wasal fejn wasal.  M’hemmx kwistjonijiet kumplikati f’dan.  L-abbandun tas-sewwa u l-aġir li mistenni, anzi, stabbilit minn ta’ qabel, ġiebna hawn.  Lura fil-proċess biex nitilgħu lura dak li ta’ qabilna telgħu għalina bit-tbatija, fis-sofferenza u li l-Gvern Laburista rema.

 

Biex jiddistingwi

 

3.      Biex juri li huwa, u kien differenti minn Gvernijiet Nazzjonalisti, stabbilixxa dan.  Ħaseb li ma hemmx bżonn li wieħed jobdi r-regoli tas-sewwa.  Ħaseb li l-pajjiż jibqa’ għaddej, anki fl-illegalità, fl-immoralità u fit-toroq xejn dritti.  Fil-frattemp, togħġob parti mill-elettorat li “jinqeda”, u allura, jivvutalek.

 

Il-Messaġġ

 

4.      Il-Messaġġ politiku tal-Partiti hawn jinfired.  Dak tal-Gvernijiet Laburisti għadu direttament, jew indirettament, iħares u jitwieled minn din il-linja ta’ ħsieb.  Dak tal-Oppożizzjoni għadu marbut ma’ kif partit fil-poter għandu jġib ruħu.  Dan id-diskors u aġir jinfirex fuq kważi kollox.

 

Anki jekk

 

5.      Dan ifisser li anke jekk jitlaq minn proċess ta’ aljenazzjoni li l-Gvern Laburista preżenti għandu kontinwament il-bżonn tiegħu, xorta dik hija l-linja t-tajba.  Il-kwistjoni tal-elezzjoni ġenerali f’din l-aħħar parti tas-sena kienet hemm.  Titħalla pendenti, anke jekk hija nieqsa minn responsabbiltà politika.

 

Dawk li ġejjin warajna

 

6.      F’dan ukoll hemm dak li qed insawru u nbasktu lill-membri tas-soċjetà.  Diversi proposti oħra mmirati lejn il-ġenerazzjonijiet li telgħin ukoll jintrabtu ma’ dan.  Flok hemm l-għarfien neċessarju u essenzjali li fil-ħajja l-bniedem irid jaħdem, jistinka u jieħu fuqu r-responsabbiltà ta’ azzjonitu, isir il-kontra.

 

Għas-soċjetà li hija sinjura

 

7.      Il-messaġġ forsi iktar sofistikat f’dan jitwieled mill-ħsieb li, għax għandek il-flus f’idejk, tista’ tagħmel li trid. Is-saħħa ekonomika tiegħek tiftaħlek, bi dritt, il-bieb għal-“libertajiet”.  Għax għandi, nista’, u ħadd ma jista’ jżommni, anqas il-liġi tas-sewwa.  Fejn ma ngħidux li għax għandi l-ġid materjali, għandi dmir lejn l-oħrajn kif nutilizzah għall-ġid komuni.

 

Materjaliżmu

 

8.      Dan qiegħed jidħol iktar fid-dibattiti varji nazzjonali, dawk mal-ambjent, mal-protezzjoni tal-ħajja, mal-użu tad-droga.  Fejn il-materjaliżmu ekonomiku jrid jirbaħ fihom fuq id-dinjità tal-bniedem.  Fejn il-messaġġ ġenerazzjonali huwa li m’għandekx bżonn tbati u li ser nibnulek soċjetà fejn inqegħduk fit-tajjar.

 

Xewqat

 

9.      Kull ġenerazzjoni tibni f’moħħha l-linja li għandha tippreżenta u tipprospetta dinja aħjar għal li ġej warajha.  Dan huwa leġittimu, però, isir xi jsir, ma nistgħux naħarbu minn dak li huwa inevitabbli fil-ħajja.  Kull persuna trid tgħaddi mil-livelli u kumplikazzjonijiet ta’ triqatha.  U għalhekk huwa żbaljat li ngħaddu l-ħsieb li mhux ser ikollna l-problemi, jew agħar, li l-flus isolvu kollox.

 

Il-futur

 

10.    Il-jiem li ġejjin jiddependu proprju iktar mill-għarfien li għandna nwasslu.  Dak li fis-soċjetà, it-teħid tar-responsabbiltà f’kull parti tagħha hija essenzjali biex nimxu.  Li l-bnedmin, f’kull pożizzjoni, iktar ukoll fil-ħajja politika, iwettqu dmirhom.  Il-liġijiet għandhom jiġu rispettati mhux għax dan huwa aġir antikwat, imma għax huwa dak li l-irġulija titlob.

 

Individwaliżmu

 

11.    Il-kurrent futur biex jiggarantixxi soċjetà aħjar milli għandna jrid jimxi fuq il-prinċipju tas-solidarjetà.  Meta minflok, kif aħna, qed nissudaw u niġġustifikaw dak tal-individwaliżmu, immorru lura.  Mhux nieqfu fil-progress, imma nitilfu li għandna.  Iktar u iktar meta konfrontati bil-pożizzjoni demografika li tiġi kontinwament injorata.

 

Qed inbatu llum

 

12.    Ir-retorika politika tal-Gvern Laburista preċedenti kienet marbuta mal-punt li għandna bżonn iktar ħaddiema barranin.  Dan, għad-dinja tax-xogħol u għall-pensjonijiet futuri.  F’kunċetti bażati fuq l-ideat ta’ Ruma Imperjali, inġiebu barranin li mhux jiġu lkoll trattati b’dinjità.  Anzi, hemm il-kunċett li dawn qegħdin hawn biex iservu fejn ma rridux naħdmu aħna.

 

Il-pożizzjoni demografika

 

13.    Il-punti marbuta fl-istatistika ta’ kemm hija, u fejn sejra l-popolazzjoni f’dawn il-gżejjer mhix kunsidrata biżżejjed.  Flok għandna politika li tħares lejn kif tinvolvi aktar il-parteċipazzjoni tal-ħajja, flok għandna iktar għarfien ta’ dak li aħna u dak li m’għandniex insiru, flok għandna linja bażata fuq dak li huwa naturalment ta’ ġid għalina, għandna preċiżament il-kontra.

 

Hemm il-mument

 

14.    Fil-politika tar-responsabbiltà vera u tajba għal pajjiżna hemm ukoll il-mument meta wieħed irid jgħid li ħaġa ma tistax issir.  Irid imur, b’intelliġenza ċertament u mhux b’arroganza, sabiex jifhem għala proposta hija żbaljata u ma tistax issir.  Mhux biss, iżda iktar minn hekk, li ma tħallix tikber l-impressjoni u l-illużjoni li dak prospettat jista’ jsir meta mill-bidunett huwa ċar li ma jistax.

 

Mhux kollox ileqq

 

15.    Proprju għax mhux kollox ileqq, u anqas kull ma jidher li qiegħed huwa deheb li hemm bżonn bidla.  Hemm bżonn bidla fl-għarfien li l-pajjiż jitmexxa mill-prinċipju tar-responsabbiltà.  Jitmexxa mill-għarfien li kull persuna għandha mhux biss drittijiet, imma dmirijiet.  Jitmexxa mill-bżonn tal-verità f’dak li jsir u fil-konsegwenzi ta’ dawk il-passi.   

 

Pajjiżna jixraqlu

 

16.    F’soċjetà li qegħda titlef iktar mill-piż u l-kredibilità tagħha u dak li tagħti lill-oħrajn, dan huwa iktar kardinali.  Jekk irridu nbiddlu verament, irridu nifhmu li għandna nkunu iktar ġenwini u awtentiċi.  Hemm il-politika li tgħid il-fatti u dik li taħbihom.  Hemm dik li taffrontahom, u dik li taħrab minnhom.

 

Politika soda

 

17.    Fix-xhur li ġejjin, issa li tqabbdet iktar il-magna politika tal-partiti, dan kollu ser jiġi aktar għad-dawl.  Sija fid-diskors, kif ukoll fil-proposti, il-kejl ser ikun hemm.  Dan sija fl-imġieba, kif ukoll f’dak mistenni mir-rappreżentant politiku.  L-eżami li ġej ser jitlob li jkun hemm iktar responsabbiltà.

 

Dak li ġej

 

18.    Jista’ jkun li r-responsabbiltà mhix “eċċitanti” għal xi wħud.  Biss, dik hija l-linja li l-elettorat ser ifittex ferm iktar minn qabel, minħabba l-aġir żbaljat tal-Gvern.  Ser, f’dan, ikun hemm iktar attenzjoni u lenti fuq il-mexxejja politiċi.  Għax ir-responsabbiltà tista’ ma tqanqalx, imma hawn għatx ikbar għaliha.

 

 

 

 

 

 

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...