26.12.21

Aħseb il-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx

 

1. Pajjizna jrid jerġa’ jibda jħares ‘il quddiem.  Għandu bżonn ideat differenti, bnedmin b’viżjoni ċara fejn għandna nħarsu li nkunu.  Bnedmin ġejjin minn toroq u esperjenzi varji tagħhom.  Dawk li fiż-żmien li ġej għalina kapaċi jagħtu lill-poplu serħan il-moħħ.  Li jikseb lura l-kapaċità li jaħdem biex id-diffikultajiet tiegħu ma jiżdidux, imma jonqsu.  Issa, iktar minn qabel, għandna naħsbu sew f’dak li jixraq lil dan il-poplu twajjeb u ħawtiel.  Issa, aktar minn qabel, irridu nutilizzaw aħjar l-għodda li għandna għad-dispożizzjoni tagħna.  Nipparteċipaw attivament fejn illum għandna l-ispazju politiku li fis-sekli li għaddew ma kellniex.  Fl-istess ħin nirrealizzaw li ħafna mill-proġetti qed isiru mertu tal-fondi mill-Ewropa, li dħalna fiha mertu tal-Partit Nazzjonalista.


2. Tul dawn il-jiem infakkru s-sbatax-il anniversarju minn meta pajjiżna sar membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.  Dik id-deċiżjoni kienet kontestata.  Illum, fortunatament, hawn qbil li kienet waħda tajba għalina.  Waħda li mexxiet ‘il quddiem lill-poplu sabiex ngħollu ‘l fuq il-ġid komuni tagħna.  Sabiex ikollna ambjent soċjali, ambjentali, kulturali, politiku u ekonomiku aħjar.  Il-politiċi mexxew, u magħhom diversi bnedmin f’setturi varji ħadu f’idejhom u assiguraw li l-aġendi importanti għalina jitmexxew.  L-esperjenza fiha x-xogħfi tagħha, imma fuq kollox hija pożittiva.  Imxejna, imma hemm ferm aktar fejn nistgħu nimxu.  


Viżjoni


3. Għandna bżonn inkun iktar membri attivi u pro-pożittivi f’dak li jgħodd għalina, iż-żona tal-Mediterran u l-kollaborazzjoni attiva ma’ membri tal-parti t’isfel tal-Ewropa.  Preżentement pajjiżna, bil-Gvern li għandu mimli b’dellijiet u aġir żbaljat, ma jistax iwettaq dan.  Tilef il-kapaċità u l-abbiltà li jkun vuċi kredibbli, li għandu l-piż morali li jċaqlaq fejn irid.  Inżilna verament ‘l isfel fl-iskala tar-rispett li l-kelma tagħna tingħata.  Dik hija r-realtà, u min jargumenta l-kontra jkun qiegħed jidħak bih innifsu.  Biex nistgħu nerġgħu naraw il-futur irridu bidliet maturi, maħsuba u li huma bażati fuq kontenut kredibbli.  Kif żviluppaw l-affarijiet, biex nirbħu lura l-fiduċja hemm bżonn bidla mhux fin-nies fi ħdan il-Partit Laburista, imma fil-partit li jmexxi ‘l-pajjiż.


Ġid rajna


4. Rajna ħafna ġid, ċertament, mill-Unjoni Ewropea.  Ma nistgħux naqblu fuq kollox.  Mhux kull ma jingħad huwa fih innifsu tajjeb, jew kapaċi jservina ta’ ġid.  Imma meta hekk ikun, x’saħħa għandna biex ngħidu ‘le’, u x’saħħa iktar għandna jekk irridu li jinqabdu direzzjonijiet oħra?  Kemm aħna llum f’pożizzjoni li nassiguraw li l-aġenda tagħna tinstema’?  Kemm hemm il-paċi u s-serenità fil-Gvern preżenti biex iħares ‘il quddiem f’dak li jrid, u mhux jibqa’ jkun reazzjonarju għal dak li l-aġenda oħra jridu?  Kemm hemm dik l-imġieba morali tajba u korretta fl-affarijiet tal-Istat, kif kienu jgħidu: “la questione morale”?


Fruntieri ġodda


5. Għandna f’dan nagħrfu li l-Unjoni Ewropea tħares dejjem iktar lejn fruntieri ġodda.  Tistabbilixxi hija stess aġenda mondjali.  Ibda mill-kwistjonijiet kumplikati dejjem iktar marbuta mal-intelliġenza artifiċjali (AI).  Żona dejjem importanti għalina, speċjalment fil-valuri etiċi tagħna, li ma jibqgħux biss prinċipji, imma jsiru realtà.  Fil-viżjoni tagħna tal-bniedem u dak li m’għandux jiġi f’iskjavitù u kontroll.  Fil-vantaġġ li nieħdu sehem attiv, u jkollna vuċi loġika u attenta fil-kapitolu.  Kif intqal tajjeb minn The Economist: “When the European Union comes up with some new tech regulation, it can quickly spread around the world.  Global companies adopt its typically strict rules for all their products and markets in order to avoid having to comply with multiple regimes.”


L-Ambjent tagħna


6. Iktar determinanti f’dan kienet il-laqgħa li nżammet tul din il-ġimgħa, Leaders’ Summit on Climate, immexxija mill-President tal-Istati Uniti tal-Amerika, Joe Biden.  Ġew mistiedna 40 mexxej mid-dinja.  Dan għal numru ta’ prijoritajiet.  Anzi, iktar ċar, fit-triq lejn il-laqgħa li ser issir fi Glasgow f’Novembru, magħrufa bħala COP26.  Hemm id-dikjarazzjoni indikat hekk: “The Summit will underscore the urgency and the economic benefits of stronger climate action.”  Ma stennejtx li niġu mistiedna bħala pajjiż, però nittama li kien hemm min segwa d-diskorsi u d-dikjarazzjonijiet ta’ diversi għall-ġid futur tagħna.


Turiżmu


7. Tul din il-ġimgħa, il-Partit ħabbar lista ta’ inizjattivi fis-settur tat-turiżmu.  Pass għaqli għal diversi raġunijiet, immexxija ‘l quddiem mill-Kap tal-Partit Bernard Grech.  Kif?  Għax għandna fi ħdanna bniedem bħall-Viċi Kap Robert Arrigo li jaf sew is-suġġett.  Għandu l-entużjażmu li għadna nżommu lkoll, u l-esperjenza politika.  Dak li nġieb ressaq lura għad-dibattitu kif nistgħu nerġgħu nġibu t-turiżmu lura fuq saqajh.  Pajjiżna ddependa sew fuqu għal snin.  Tlifna żewġ biljun ewro fi dħul tul il-pandemija, u rridu nagħrfu bil-għaqal kif nidħlu lura.  Ċertament, imma, dak li ngħad għandu warajh l-isfond kontinwu tal-fatt li aħna fl-Unjoni Ewropea.  Mingħajr il-mobilità u l-vantaġġi tas-sistema Schengen, ħafna ma setax iseħħ.


Saħħa politika tagħnaf


8. Pajjiżna jrid jifhem iktar li hemm ferm vantaġġi mill-Unjoni Ewropea, li nibqgħu niċċelebraw id-dħul u nirringrazzjaw il-viżjoni ta’ diversi mexxejja demokristjani.  Ma hemmx dubju li l-Partit Nazzjonalista kien determinanti biex għamilna dan il-pass.  Irid isarraf iktar fis-sod dak li kapaċi tagħmel minna u aħna wkoll lejha f’dak li hi llum.  Il-valuri u l-ideat li nħaddnu jridu jissarrfu aħjar.  Biss, biex dan isisr f’dan il-mument hemm bżonn Gvern li kapaċi jagħraf iħares ‘il quddiem u ma jkunx mifni u ppersegwitat mill-passat reċenti tiegħu.  Hemm bżonn li min ikun fil-kalma interna jieħu d-deċiżjonijiet it-tajba.  Li jkun hemm min jagħraf iktar li għandu jħaddan iktar miegħu nnifsu l-għerf ta’ missirijietna, li għandek taħseb il-ħażin, u mhux issir hekk, sabiex it-tajjeb ma jonqosx.


No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...