26.12.21

Parti mill-proċess

 


1.      Huwa parti mill-proċess demokratiku intern li partit jiddiskuti u jiddibatti.  Drabi, isir kompletament internament.  Daqqa esternament.  U daqqiet oħra barra u ġewwa.  Hu x’inhu l-metodu, hu x’inhu s-suġġett, il-fatt jibqa’ li dan huwa neċessarju.  Biex naslu fuq punt jew biex inkunu mxejna, anke jekk ma wasalniex kompletament.

 

Kemm aħna li aħna

 

2.      Id-djalogu huwa li jmexxina ‘l quddiem.  Huwa parti integrali minn dak li aħna bħala partit.  Fil-post fejn il-bnedmin li jiffurmawh iridu li jiġi użat fil-proċess biex wieħed jiddeċiedi.

 

Kor

 

3.      Is-segwaċi tiegħu ma jippretendux solisti, imma koristi li jistgħu jistunaw f’daqqa, imma għax flimkien, jitgħallmu jkantaw aħjar.  Jippretendu ħafna vuċijiet, li mhux dejjem f’armonija, imma mingħajr dawk solitarji.

 

Radar politiku

 

4.      Ma tantx jaħarbulna punti minn dak li għaddej.  Ir-radar politiku tagħna għadu sensittiv, għadu kapaċi jaqbad minn qiegħed isir, u min dieħel.  Nagħrfu dak li sar minna, dak li wettaq dan il-Gvern u dak li jrid isir.

 

Naġixxu fis-sewwa

 

5.      Nagħrfu iktar dak li l-poplu jrid u dak li dawk li huma fi ħdan il-Partit jippretendu li naġixxu fih.  Ċertament, fil-moderazzjoni, u mhux f’aġir reazzjonarju tal-lemin jew tax-xellug.  Mhux b’impożizzjoni ta’ parti, imma fi qbil.

 

“Destin-Magħqud”

 

6.      F’dan, iktar l-għarfien li jikber dejjem fi ħdan partit organizzat li hemm unità fil-futur tagħna.  Kull persuna hija importanti f’dan kollu.  Imma trid ukoll tagħraf li trid taħdem mal-oħrajn.  Taġixxi fi ħdan, u ma’ bnedmin, u mhux taħseb li għandha “raġun” għax ħasbitha waħedha jew ma’ dawk li jaqblu magħha.  Fil-politika ta’ partit, mhux moviment f’sens tajjeb, kull persuna hija fil-bżonn tal-oħrajn biex tasal għal deċiżjonijiet li jmexxuna ‘l quddiem.

 

Ma tgħaddix tagħna

 

7.      Le, kif nafu, ma tgħaddix dejjem tagħna.  Anzi, m’għandhiex, proprju għax irridu nkunu iktar f’daqqa.  Anki, jekk jista’ jkun, li ġejjin minn “pożizzjonijiet” differenti fuq suġġetti varji, xorta huwa pożittiv, mhux negattiv, li niddiskutu u naslu.

 

Valur uniku

 

8.      Fin-nuqqas ta’ dibattitu jew diskussjoni mill-Partit Laburista fil-Gvern, dan, għalina, huwa mertu.  Dak li mhux deni jagħmel, imma ġid, għax huwa miftuħ, kif hija s-soċjetà.  Għandna, għalhekk, ninkwetaw li kieku dan l-ipproċessar ma jseħħx.  Jekk, fil-baħħ tal-Gvern, fil-Partit Nazzjonalista ma jkunx hemm dan kollu.

 

Nifhmu aħjar

 

9.      Kull min irid jaħdem fil-politika organizzata jrid jaċċetta u jorbot iktar lilu nnifsu ma’ din il-lezzjoni, li l-esperjenza turi li hija loġika u naturali.  Ma hemmx radikaliżmu bla sens, imma trasformazzjoni kontinwa.

 

Irġulija tagħna

 

10.    Min huwa fil-politika, min isegwiha, min jieħu sehem fiha jrid jagħraf kemm l-elettorat, fl-irġulija tiegħu, dan irid.  Jagħraf iktar, fil-konoxxenza, li l-bnedmin jgħaddulek x’jippretendu, fil-maġġoranza elettorali, mill-Partit Nazzjonalista.

 

Bl-għerf kollu

 

10.    Irridu, f’dan, nifhmu iktar fl-għerf kollu li għandna, dak li jinsab fid-dinja politika Maltija.  Forsi l-fatt li tkun ilek tqum u torqod man-nies li tista’ tifhem ftit iktar.

 

Tifhem

 

11.    Tifhem għala hemm numru ta’ persuni li baqgħu jivvutawlna.  Għala oħrajn waqfu.  Dawk li jridu jerġgħu jivvutawlna, imma li jibqgħu pass lura.  Dawk li, f’kelma oħra, jafdaw, jagħtuna fiduċja, u dawk li għadhom ikejluna.  Kif ukoll dawk li, fil-mument, għadhom deċiżi li jibqgħu ‘l bgħid minna.

 

X’jikkonvinċi

 

12.    F’dan, huwa iktar faċli li fid-djalogu wieħed jifhem għala dan kollu.  Hi x’inhi l-opinjoni tagħna, il-pajjiż iħares li jkollu iktar stabilità u paċi interna.  Li jkollu anqas kunflitti interni li jersqu lejn l-estremiżmi.  Iktar u iktar preżentement, meta l-Gvern, minkejja d-demeriti evidenti tiegħu, qiegħed jirnexxilu jikkonvinċi.

 

Jipperswadi

 

13.    Jipperswadi, l-ewwel, li minkejja kollox għamel operazzjoni medika tajba fil-pandemija li għaddejjin minnha, u li f’din żamm ukoll diversi setturi ekonomiċi għaddejjin sew.  Il-poplu għandu r-raġunijiet tiegħu jivvutalniex jew le, li jridu jiġu mhux biss rispettati, imma aċċettati.

 

Il-pajjiż progressiv

 

14.    F’dan kollu, il-pajjiż, il-poplu tiegħu huwa wieħed li jibqa’ jħares lejn il-progress veru b’approvazzjoni.  Iħares lejn il-futur fit-tama li ser inkunu aħjar milli aħna fil-preżent.  Però mhuwiex lest li jippermetti lilu nnifsu jittieħed f’direzzjonijiet li ma jaqbilx magħhom.

 

 

 

Il-kunsens

 

15.    Dawk li huwa ma japprovax.  Dawk li jsiru b’ingann.  Dawn li juruh mod u jkunu mod ieħor.  Dawk li, fir-realtà, ifallu u jibqgħu hemm, anki jekk għandhom jitneħħew.

 

Fl-Unjoni Ewropea

 

16.    Anki hawn, il-preżenza tagħna titlob aktar attenzjoni u diskussjoni.  Hemm bżonn nagħrfu li din hija għodda importanti għas-soċjetà tagħna.  Biex inwettqu aktar ġid soċjali u ekonomiku li għandna dejjem iktar il-bżonn tiegħu.

 

Attivi mhux passivi

 

17.    Biss, m’għandniex inkunu, kif qed naraw, suġġetti passivi.  Imma aktar minn hekk, proprju fil-proċess ta’ passi lejn il-futur, li nkunu attivi fil-ħsieb.  Li nidħlu iktar biex insemmgħu leħinna fuq il-valuri li nemmnu fhom bħala poplu, mhux dawk li oħrajn iridu mhux biss jimponu, imma jippretendu li ma nikkontestawx.

 

L-attenzjoni

 

18.    Is-sabiħ tal-politika ħajja f’pajjiżna f’dan kollu jibqa’ li l-elettorat jista’ jkun iktar viċin ta’ min jirrappreżentah.  Id-deputat li jkun iktar mal-eletturi tiegħu, bl-opinjonijiet varji tagħhom, jista’ jifhem kif isemmgħa leħinhom aħjar.

 

Mertu ċertament

 

19.    Għal min jipprova jċekken dan.  Għal min jipprova jdallmu bħala wieħed sempliċement klijentelari, qiegħed jiżbalja.  Għal dawk li jippretendu li jafu, jew huma fi klassi għalihom, li ma jridux jitħalltu mal-baxxi.  Dan ma jagħrfux: li f’pajjiżna, u f’kull demokrazija, dan huwa verament mertu li l-politiċi huma mal-poplu.

 

Huma hekk

 

20.    Min huwa attiv jaf li, ħafna drabi, l-attenzjoni ta’ persuna waħda għal problema partikolari jew sitwazzjoni tagħmel differenza.  Jum wara jum, hemm il-prova ta’ dan fil-ħidma li nidħlu għaliha fid-distretti li nirrappreżentaw.  Dak li jingħadlek tqisu, tagħġnu, tħallih isawrek, imma taf li ġe minn dawk li qegħdin iġarrbu direttament.

 

Esperjenzi

 

21.    Ħadd ma jitwieled diġà lest bl-esperjenza li l-ħajja, fil-proċess tagħha, tagħti.  Wieħed jista’ jkollu forom varji ta’ intelliġenza, imma l-esperjenza politika mal-poplu ġġibek tifhem aħjar.

 

Il-Partit Nazzjonalista

 

22.    Dan huwa wkoll mertu ieħor li l-Partit Nazzjonalista għandu.  Jifhem u jagħraf ir-realtà.  Kapaċi jgħarbel fid-djalogu u d-diskussjoni.  Kapaċi jwassal aħjar għax hemm proċess li trid tgħaddi minnu.  Dan huwa li jservi lejn rappreżentanza aqwa, aktar attiva, li ġġib il-kunsens elettorali.  Għalhekk, jingħad x’jingħad fuqna, ninsabu aktar minn qabel parti minn dan il-proċess.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...