26.12.21

Il-futur demokratiku

 

 

1.    Jgħaddu s-snin u nsibu li fi kważi kull soċjetà demokratika, id-dibattitu jdur madwar punt importanti: x’inhuwa l-aħjar: Gvern tal-Bnedmin jew Gvern tal-Liġijiet?  Liema sistema timxi l-aqwa.  Dik li jkollha bnedmin perfetti fil-politika jew dik li jkollha liġijiet daqshekk ieħor perfetti.  Bnedmin tal-liġi, dawk li jkunu pprattikaw fit-tul, amministraw, ħaddmu, jafu jagħtu ħafna fiduċja lil-liġi.  Jafu jaħsbu li bl-aqwa liġijiet tkun qiegħed tiggarantixxi li soċjetà timxi sewwa.  Lejn l-assigurazzjoni tal-ġid komuni, fejn kull persuna tobdi u toqgħod għall-ordni.  Imma sekli sħaħ ta’ esperjenzi umani għandhom lezzjonijiet varji x’jagħtu.

 

Il-Politiċi

 

2.    Ngħid dan għax fiż-żmien ġew politiċi tajba u oħrajn le.  Ġew dawk mimlija esperjenza, preparazzjoni, li ħadmu b’attenzjoni u fir-rispett tad-demokrazija.  Dawk li sofrew personalment sabiex servew.  Ma kinux dejjem popolari, imma maż-żmien wettqu passi soċjali u ekonomiċi li baqgħu jservu u jrendu l-ġid.  Però, ġew politiċi oħra li daħqu bil-poplu biex ħadu l-kunsens tiegħu.  Persuni li l-preparazzjoni u l-ħsieb tagħhom kien marbut mal-interessi personali.  Diversi minnhom marru lejn forom awtoritarji tal-poter, lejn l-anti-demokrazija.  Ħakmu u ġiebu għawġ, mistħija u umiljazzjoni.  Il-Ġermanja, l-Italja u l-Ġappun għaddew minn dan wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

 

Liġijiet

 

3.    Saru diversi liġijiet fis-sekli tal-eżistenza tal-bniedem.  Uħud ġenerali, oħrajn dettaljati.  Uħud mibnija fuq prinċipji etiċi korretti, umani, mentri oħrajn fuq il-materjaliżmu.  Uħud biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem; oħrajn biex jikkontrollawhom.  Mhux kull liġi rnexxiet.  Anzi, diversi fallew, kienu x’kienu l-intenzjonijiet warajhom, u dan proprju għax il-pedamenti, il-prinċipji etiċi tagħhom kienu żbaljati.  Anzi, iktar minn hekk, il-liġi ġiet użata biex toħnoq u biex tiġġustifika reġimi dittatorjali.  Dawk favur id-demokrazija ġew ikkundannati mil-liġijiet li saru mir-reġimi tal-lemin u tax-xellug estrem.  Dawk li kienu Lhud ġew arrestati u maqtula fil-kampijiet tal-konċentrament proprju bis-saħħa tal-liġijiet razzjali li l-ġenn ta’ Hitler u Mussolini għamlu.

 

Il-bnedmin jibqgħu bnedmin

 

4.    Dawk fil-ħajja, li jaqraw, li ġarrbu, li jħarsu lejn l-istorja, jifhmu iktar li hemm dejjem bilanċ bejn dawn iż-żewġ kurrenti.  Proprju għax hemm dawn il-lezzjonijiet li nibqa’ nemmen fil-bniedem.  Nibqa’ nemmen li politiċi tajba jinsabu.  Nibqa’ nara li l-liġijiet it-tajba li jirrispettaw il-bniedem, is-soċjetà u l-ambjent sħiħ tagħna jiddependu minn li jkun hemm politiċi tajba biex iwettquhom.  Jista’ jkollhom pariri ta’ teknokrati u ta’ akkademiċi, imma l-polz tal-politiċi mal-poplu u fi ħdanu jittempera u jirregola sewwa dak li jkun qiegħed jiġi promulgat.  Hemm linja li ħadu dawk li servew u li għadna ngawdu llum proprju fl-Unjoni Ewropea.

 

Dawk li tbasktu

 

5.    Ngħid, ċertament, fuq dan, liġijiet aħjar, aqwa, imma fuq kollox mexxejja aħjar u iktar preparati.  Il-ġid jibqa’ hekk, imma m’għandux għeruq fit-tessut soċjali u uman li min tbaskat għandu.  Dan huwa iktar ċar għalina meta naraw it-tlett mexxejja li, nagħmlu x’nagħmlu, induru lura lejhom biex ninfhmu u naċċettaw li s-suċċess Ewropew fil-paċi, stabilità u avvanz soċjo-ekonomiku ġej mill-fidi tagħhom.  Hemm fidi u hemm viżjoni.  Tajjeb li tat-tieni torbot ruħha ma’ tal-ewwel.  Imma meta tħares lejn ħajjet Konrad Adenauer, Robert Schuman u Alcide de Gasperi li ġiebu dan l-ispirtu ġdid fis-seħħ, tifhem iktar. 

 

Żmien fil-politika

 

6.    Meta tqis dak li għaddew minnu qabel ġew ivvutati biex imexxu tlett popli li sofrew sew tul l-esperjenza kiefra tat-Tieni Gwerra Dinjija, tapprezza.  Meta taqra ħajjet dawn il-politiċi Demokristjani tifhem kemm kellhom parti sħiħa mid-DNA tagħhom id-demokrazija.  Tifhem li kienu konvinti, imma li fl-esperjenza ġarrbu, issudaw iktar lilhom infushom fil-bżonn ta’ bidla radikali fis-soċjetà.  It-tlieta batew, u b’ebda mod ma qatt aċċettaw id-dittatorjati.  Adenauer kien sindku, tneħħa u ġie eżiljat.  De Gasperi deputat kundannat il-ħabs u wara mogħti rifuġju fil-Vatikan.  Schumann ministru arrestat, interrogat u kien ser jintbagħat fil-kampijiet tal-konċentrament.

 

Preparati

 

7.    Iż-żmien tas-sofferenza tagħhom ippreparahom sew.  Qraw, kitbu u għarblu sew il-ħajja u ttempraw il-miżuri li kellhom bżonn jittieħdu.  Varaw liġijiet tajba.  Assiguraw il-progress soċjali u ekonomiku.  Kienu dawk li għax kellhom il-fidi tagħhom f’postha, fasslu u bnew Stati demokratiċi.  Mhux biss.  Kienu huma li daħlu fil-proġett li llum huwa r-realtà tal-Unjoni Ewropea.  U terġa’, dawn il-politiċi ssejħu mill-poplu biex jieħdu r-responsabbiltà tal-poter f’età li llum qed tiġi disprezzata.  Adenauer ta’ 73 sena, De Gasperi ta’ 64 sena u Schumann ta’ 62 sena.  Ilkoll kienu kontestati, imma llum nagħrfu l-għaqal politiku tagħhom.  Wieħed li għandna nagħrfu, u li anzi, meta noftmu l-Unjoni Ewropea minnhom nitilfu mill-melħ u l-ħsieb sħiħ ta’ din il-linja.

 

Il-bniedem mhux perfett

 

8.    Ngħarfu li l-bniedem mhuwiex perfett.  Wisq anqas il-liġijiet tiegħu ma huma.  Ma tistax torbot kompletament ma’ naħa jew oħra.  Anqas ma tista’ tippretendi dan mit-tnejn għax tkun qed tilludi ruħek.  L-impreċiżjoni ser tibqa’.  U l-istorja turi dan.  Turi li kull sistema demokratika trid timxi ‘l quddiem bit-tibdil għaqli fuq ta’ qabel.  Proprju f’dan, id-dibattitu nsibu attivi fih il-filosfi Griegi, li jibqgħu fundaturi importanti taċ-ċiviltà tagħna: Socrate, Platun u Aristotli.  Punti li l-mibki Norberto Bobbio jislet u jagħżel li jiċċita lil Socrate fil-bżonn tal-bidla.  Meta dan jgħid: “Perché la legge non potrà mai prescrivere ciò ch’è il meglio ed il più giusto con precisione per tutti, comprendendovi il più conveniente.”  (Għax il-liġi ma tistax tistabbilixxi bi preċiżjoni dak li huwa l-aħjar, l-iktar ġust għal kull persuna, inkluż dak li huwa l-iktar xieraq).

 

Dawk fil-politika

 

9.    Però, l-esperjenza umana turi li dawk li jservu bħala politiċi huma, fl-aħħar tal-ġurnata, dawk li jistgħu jġibu l-bidliet ulterjuri.  Dawk li għandhom rispett lejn il-liġijiet.  Dawk li jħobbu d-demokrazija, li josservawha f’ħidmiethom.  Dawk li mhux lesti li jitkellmu u jaġixxu b’xi mod anti-demokratiku.  Dawk li huma determinati jaħdmu għall-ġid komuni u jaħirbu n-nassa li japprofittaw ruħhom għall-interess jew poter personali tagħhom.  Anki jekk għaddejna u għandna esperjenzi qarsa reċenti, xorta għad hemm, fil-kamp politiku ta’ pajjiżna, diversi li għandhom dan.  Ma naqbilx ma’ dawk li jippruvaw iċekknu billi jiddenigraw.  Dik l-aġenda hija perikoluża u anti-demokratika proprju għax tattakka s-sistema u tiftaħ il-bieb għal dawk awtoritarji.

 

Il-bidliet

 

10.  Is-sistema politika tagħna ġiet mheżżha, ġiet imqegħda għall-prova.  Però, fortunatament, għadha timmira li tkun demokratika.  Il-Gvern Laburista Muscat spiċċa, u miegħu ġieb wirt xejn tajjeb għalina u għall-partit li għażlu.  Baqa’, anzi, ”ippersegwitat” bid-dnubiet mortali li wettaq jew li ppermetta li jitwettqu.  Il-passat baqa’ jiġri warajh fil-preżent.  Biss, il-bidla ta’ Prim Ministru ma tfissirx li hemm paġna verament ġdida, imma aktar li hemm attentat għaliha.  Wisq inqas li hemm l-abbiltà li l-bidliet li jsiru jkunu kkunsidrati bħala awtentiċi u kredibbli mill-poplu u barra minn xtutna.  Iktar u iktar jekk il-Gvern Laburista Abela jkompli jinsisti li jimxi waħdu għal rasu.

 

It-triq għad-Demokrazija

 

11.  Jekk irridu nassiguraw iktar id-demokrazija tagħna, wieħed irid jifhem li l-bidliet li għandhom isiru jridu jkunu parti minn proċess fejn iż-żewġ partiti jiġu flimkien.  Bħal ma seħħ f’diversi mumenti fil-passat, proprju meta twaqqfet ir-Repubblika, jew meta ġiet assigurata l-maġġoranza tal-vot.  Nistgħu nieħdu ideat, proposti varji, imma fl-aħħar tal-ġurnata, għax inkarigati mill-poplu għandna d-dmir li nwettqu dan.  Nimxu aħna, mhux imexxuna fejn iridu oħrajn.  Proprju f’dan il-mument fl-istorja tagħna rridu nifhmu aktar li l-futur tad-demokrazija tagħna jiddependi minn dan.

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...