26.12.21

Moħħ mill-aqwa, qalb mill-itjeb

Ilni verament naħseb kif għandi nikteb dan l-artiklu.  Ħafna ideat ilhom jiġuni f’daqqa.  U anki jekk għaddew ix-xhur, xorta sibt diffikultà biex inġib dan f’loġika li tirbaħ fuq dak li ħassejt.  Forsi tifhmuni u tagħdruni iktar waqt li taqraw dan il-kontribut.

Sa ftit xhur ilu

Fid-29 ta’ Jannar ta’ din is-sena, ġie msejjaħ għal għand il-Ħallieq, l-Avukat Joseph Micallef Stafrace.  Persuna li l-ħajja tatni x-xorti li nsir naf direttament u personalment, f’diversi mumenti.  Bniedem li għadda minn diversi diffikultajiet u rebaħ ħafna sfidi.  Bniedem li affronta kurrenti xejn faċli, f’ambjent politiku xejn faċli.  Mhux biss, imma li kellu wkoll l-għerf li, lejn dawn l-aħħar snin, kien jikteb kważi f’kull ħarġa tal-Leħen.  Artikli mimlija informazzjoni soċjali: informazzjoni u riflessjonijiet.  Kitba li kienet tiġbed diversi nies, li bħali, tul il-ġimgħa kienet taqra u tipprova tifli u tifhem dak li kien qiegħed jikteb u jfisser.

Ġabra ta’ għerf

Diversi avukati bħali jafuh l-iktar fil-kamp legali.  Biss, dawk l-artikli kienu, u għadhom xiehda li ma kien jaqbiżlu xejn.  Kien jiddefendi lin-nies, imma ma jitlifx is-sens li quddiemu għandu l-bnedmin.  Sija l-klijenti tiegħu, kif ukoll dawk li ma kinux, u li kienu parti f’kawża.  Kien jaf jagħżel u jgħarbel il-karattri.  Ftit kienu dawk li ma kinux japprezzaw il-metodi eleganti tiegħu biex jasal għall-verità.  Kien jindirizza lill-ġudikanti b’rispett, imma mingħajr ma joqgħod lura milli, b’attenzjoni għall-kliem li juża, iwassal il-messaġġ li ried jgħaddilhom.  Kien, fuq kollox, mimli b’għerf tal-umanità, u f’ebda mument ma kien jonqos mill-valur tal-ġustizzja.

Sirt naf bih

Kont sirt naf bih meta smajt lil missieri jgħid lil ommi li kien irtira mill-kariga ta’ Ministru u daħal lura għall-prattika tal-professjoni.  Min ikun fil-politika attiva, u wara jmur lura biex jipprattika, jaf dan xi jfisser.  Kien żmien ieħor, u d-diffikultajiet ma kinux ħfief.  Imma segwejt, u niftakar li fid-dar, iktar tard, ġie wkoll il-ktejjeb tiegħu ‘Fehmti’.  Wieħed li kellu fih ġabra ta’ artikli, fil-biċċa l-kbira ta’ natura politika, li dak iż-żmien kont qrajt ukoll.  Wieħed li kien juri biċ-ċar il-konvinżjoni tiegħu li min huwa mpenjat fil-politika jrid juri u jesprimi b’mod miftuħ, lill-elettorat tiegħu, dak li jaħseb u jrid iwettaq.

Kif sirt nafu

Sirt nafu iktar direttament meta bdejt ngħin lil missieri fl-uffiċċju legali.  Kont nara l-korrispondenza tiegħu u d-diversi rapporti, li bħala perit legali kien jaħlef.  Kien il-bniedem li, fost ftit oħrajn bħalu, kien jaħdem biex jassigura li l-kawżi jimxu u jiġu deċiżi.  Niftakar li, dak iż-żmien, il-pern prinċipali kien marbut mas-seduti li kienu jsiru f’kull rokna tal-Qorti mal-periti legali maħtura mill-Qorti, aktarx tard filgħodu jew wara nofsinhar.  Kien jisma’ x-xhieda, u wara li jifhem kif seħħ l-inċident tat-traffiku li jkun ikkaġuna l-kawża, jirrelata lill-Maġistrat jew lill-Imħallef.  Il-maġġor parti ta’ dawn ir-rapporti tiegħu kienu jsibu l-qbil taż-żewġ naħat.  Miktuba b’għerf legali u għaqal.  Xejn kliem żejjed, iżda xott, dirett u li ma jweġġax.  Għax ir-rapporti tal-periti legali jeħtieġu sengħa u arti legali li mhux kulħadd japprezza biżżejjed.  Arti li, nittama, ma tintilifx.  Kapaċità li nittama li għada pitgħada jkolli l-ħin biex nikteb dwar kif kienet, u kif għadha tispikka fid-diversi periti legali u periti tekniċi li rrelataw maż-żmien fl-awli tal-Qrati.

Kif addottani

Niftakar li kont għadni ma bdejtx nipprattika ta’ avukat, li ġurnata minnhom, fil-kurituri tal-Qorti ltqajna miegħu.  Dar fuq missieri u qalli li kien għadu kif inħatar bħala perit legali f’inkjesta maġisterjali.  Mhux biss, imma ried li mmur miegħu fuq il-post, biex inkun preżenti waqt li kien qiegħed jisma’ x-xhieda, jitkellem mal-Pulizija u jara u jinnota l-post u ċ-ċirkostanzi.  Kienet esperjenza għalija, li sibt ruħi fix-xena tad-delitt.  Kien iktar ta’ eżempju għalija l-mod kif, f’dak il-ħin, għamel il-kalkoli tiegħu, ra d-dinamika u kien diġà wasal biex jista’ jiddeċiedi min għandu t-tort, u min le.  Ħadni fuq il-post u mort lura miegħu l-Qorti.  Kull min kellmu resaq lejh bir-rispett li kien stabilixxa.  Il-membri tal-Pulizija u l-partijiet kienu jħossu li għandhom awtorità quddiemhom.  Ma kien hemm xejn li ma setgħux jindunaw bih l-għajnejn investigattivi u l-għerf għaqli tiegħu.

Iktar tard

Bqajt fit-triq u sirt avukat, u allura dehert quddiemu f’ħafna kawżi ta’ inċidenti tat-traffiku.  Rapporti li kienu jiġu aċċettati mill-Qrati, b’Imħallfin u Maġistrati diversi li, fis-sentenzi tagħhom, kienu jirreferu għall-motivazzjonijiet tar-rapporti tiegħu u jagħmluhom parti mis-sentenza tagħhom.  Kważi kull ġurnata, għal għoxrin sena skorruti, kont narah.  Dejjem kellimni u l-burdati ma kinux jaħkmuh.  Mhux darba jew tnejn tani pariri siewja li ħaddimt.  Dan għax kont naf li għandu esperjenza twila u sħiħa.  U proprju fuq dawn il-pariri li dħalt għal proġett li kien mill-iktar diffiċli, u li għadu jistenna li jitqiegħed fis-seħħ.

Liġi dwar id-Danni

F’esperjenza mill-iktar unika, bħala Segretarju Parlamentari kont ġbart numru ta’ avukati biex jagħmluli suġġerimenti dwar kif kellha tinbidel il-liġi għal-likwidazzjoni tad-danni kaġunati b’delitti jew bi traskuraġni.  Inġbarna f’kappella ‘l bogħod minn kollox, fejn il-mobile ma kienx jista’ jtellef mill-konċentrazzjoni.  U fi tlett ijiem, dawn l-esperti legali u prattikanti, ifformulaw punti ta’ abbozz.  Fuq quddiem fosthom ilkoll, Dr Micallef Stafrace kien, bħas-soltu, jmexxi, u l-esperjenza u l-opinjoni legali tiegħu ma kienu jsibu ebda kuntrast.  Ħadd ma kien imerih, għax kien jaf x’inhuwa jgħid, u ma kienx jitkellem għal xejn.  Awtorità legali u prattika li ma kinux imeruha.  Tgħallimt iktar jien, iżda wkoll, fl-istess ħin, ħassejtni aktar ċert mir-riformi li xtaqt, u li għadni nittama, li jsiru.

Ġejt iktar viċin

F’dan l-eżerċizzju ġejt iktar viċin tiegħu.  Kien jaf li kelli proġett li ridtu jitwettaq.  Anke meta ressaqt, u ġibt fis-seħħ l-emendi fil-liġi sabiex fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ jiġu trattati l-inċidenti tat-traffiku, kelli l-appoġġ, mill-bogħod, tiegħu.  Kien hemm vantaġġi varji li llum, wara tant snin, għandhom l-effett pożittiv tagħhom.  Proprju għalhekk, iktar minn kollox, apprezzajt li kien fost dawk li ħass li għandu jikteb favur tiegħi meta għaddejt mill-eventi ta’ Mejju 2012.  Għamel dan iktar minn darba fil-kolonna tiegħu.  Mhux biss, imma ftit wara, f’Ġunju ta’ dik is-sena, kiteb ittra mill-isbaħ lil missieri.  Mumenti li jibqgħu f’qalbi, jimmarkaw li waqt li kont qiegħed niġi oskurat pubblikament, hu kien urieni solidarjetà.

Bniedem uniku

Kien, f’dan kollu, bniedem uniku.  Elett tlett darbiet fil-Kamra tad-Deputati.  Kien difensur uniku tal-poplu, l-iktar dak li kien fil-bżonn.  Mid-diskorsi parlamentari tiegħu, jidhru ċari ħafna l-kwalitajiet sbieħ tiegħu.  Kien ċar li jinforma ruħu sewwa, iħares ‘il quddiem, u jifhem.  Ma kienx żlejali mal-“avversarji”, imma kemm jista’ jkun bilanċjat fil-kritika.  Mhux biss, imma hemm sfumaturi varji, bħal dawk li ħarġu proprju fl-ewwel diskors tiegħu li l-Kamra ħarġet biex tfakkru.  Tolqtok li f’mument partikolari jitkellem fuq il-Common Market (Is-Suq Komuni li ppreċeda l-Unjoni Ewropea), u jgħid li hemm il-ħtieġa li: “kemm jista’ jkun, timmatura l-opinjoni pubblika għall-eventwalitajiet u l-bżonnijiet kollha biex il-poplu inġenerali, u l-bdiewa b’mod speċjali, ma jiġu meħuda bl-ebda sorpriża.”

Libertà tal-espressjoni

Il-ħidma u l-esperjenzi tiegħu fil-ġurnaliżmu u bħala avukat wassluh biex ikun fost dawk li l-aktar li deher f’kawżi ta’ libelli.  Sija dawk ċivili, kif ukoll kriminali.  Iddefenda l-iktar il-gazzetti tal-Union Press.  Imma, hawn ukoll, kien sar awtorità legali.  Sija jekk għandekx tipproċedi, kif ukoll jekk għandekx tippubblika jew le dak li huwa libelluż.  Ħidmietu, hawn, asseriet iktar u mexxiet biex id-dritt għall-espressjoni libera jiġi affermat u stabbilit.  Nifhem iktar dan illum.  Ċertament hemm aktar li nixtieq nirrakkonta.  Biss, fuq kollox, nifhem iktar illum, minn qabel, kemm kien moħħ mill-aqwa u kemm kellu qalb mill-itjeb.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...