26.12.21

Viċin il-qiegħ jinsabu.

 

1.    L-istatistika, din il-ġimgħa, ikkonfermat.  F’pajjiżna hawn 85,369 persuna li jinsabu f’pożizzjoni ekonomika ħażina.  Fil-qiegħ, jew viċin tiegħu, huma dawn.  Hemm min ħareġ jifraħ għax inżilna b’persentaġġ inqas (0.9%).  Ħa ħsieb jagħti l-impressjoni żbaljata li bdejna l-proċess meta titla’ x-xemx tal-ġustizzja fuq dawn il-gżejjer u ma jkunx hawn iktar faqar.  Mentri lkoll nafu li f’dawn is-snin, meta l-flus ma naqsux, bqajna b’numru kbir ta’ bnedmin jgħixu f’kundizzjonijiet iebsa.  Dik hi l-verità li qed nippruvaw naħarbu.

 

Differenzi

 

2.    L-istatistika tkompli tirreġistra li għad hemm qabżiet kbar bejn dawk li għandhom u dawk li m’għandhomx.  Id-distakk ma naqasx, iżda żdied.  Is-sistema kultivata mill-politika tal-Gvern preżenti hija dik li qed tara u ġġib ir-riżultat li min għandu jkollu iktar, u min m’għandux jibqa’ fejn hu.  Immexxija minn linja dikjarata ta’ liberaliżmu teknokratiku, daħħalna l-mentalità li huwa tort tagħhom dawk li m’għandhomx.  Mhux biss, imma huwa mill-iktar leġittimu li min għandu, iżommu għalih.  Għandhom dritt huma, l-oħrajn, li jfendu għal rashom.

 

Solidarjetà

 

3.    Tlifna l-kunċett tas-solidarjetà fl-Istat. Daħħalna iktar il-ħsieb li huwa tort u responsabbiltà tiegħek jekk m’għandekx biex tgħix.  Daħħalna, f’isem il-politika tas-suq, li jkollok dritt għall-għajnuna soċjali jekk tinqala’ sfortuna li m’għandekx kontroll fuqha.  Anzi, li jirnexxilek tikkonvini lil xi ħadd li m’għandekx “ħtija”.  B’kumdità u konvenjenza morali, l-Istat qiegħed ifittex raġunijiet u skużi biex lil dawk li huma ‘l isfel, ma jgħinhomx.  Jibqgħu jeżistu fil-qiegħ.

 

Bażi żbaljata

 

4.    Mhux kull min qiegħed fi stat ta’ faqar daħal u sab ruħu f’dan minħabba tort tiegħu.  L-art li ngħixu fiha hija ta’ kull persuna.  Mhux biss ta’ dawk li għandhom.  Għax fil-pajjiż għandek dawk li huma għaqlin, dawk li għandhom il-ħbieb tal-ħbieb.  Imma għandek ukoll lil dawk li mhumiex għorrief u li m’għandhomx konnessjonijiet.  Hemm ħafna fil-ħajja li m’għandhomx lil min jaqbeż għalihom.  Ħafna iktar li llum m’għadux moda li ssib min jaqbeż verament għalihom.

 

Għalihom

 

5.    Iktar u iktar għax emarġinati kif inhuma m’għandhomx anqas l-abbiltà li jorganizzaw ruħhom u jsemmgħu leħinhom.  Dawk li huma fil-qiegħ ma jafux, jew ma jistgħux, jew m’għandhomx il-ħsieb għal dan.  Anzi, qishom jiddependu, mingħajr ma jafu, fuq oħrajn li forsi tiġihom ħniena minnhom.  Dawk li m’għandhomx biex isegwu dak li qed jiġri fil-pajjiż.  Dawk li, ċertament, l-istatistika mhux ser jaqrawha, jew b’xi mod, jifhmuha.  Dawk li mistennija jsegwu fuq il-mezzi elettroniċi meta m’għandhomx dawn il-mezzi.  Mistenni li japplikaw u jiddikjaraw dak li ma jistgħux.

 

Ir-realtà

 

6.    Imma tista’ tidħak kemm trid bik innifsek u tgħid: “Kemm mexjin ‘il quddiem”, imma r-realtà hija li għandna numru kbir ta’ bnedmin li għandhom bżonn l-għajnuna.  Sija għax il-ġenituri tagħhom ma kinux imgħallma.  Sija wkoll għax għalkemm ħadu t-taħriġ u stinkaw, xorta baqgħu ma mxewx ‘il quddiem.  Daqqa għal raġuni u daqqa għal oħra, m’avvanzawx.  Imma hu x’inhu l-kaġun, il-fatt jibqa’ li għandna magħna bnedmin li, f’ġieħ is-sewwa, għandna dmir morali li ngħinu.  U dan ċertament independentement mill-kriterju ta’ jekk għandhomx tort huma, jew le.

 

Skużi varji

 

7.    Il-liberaliżmu ispirat mill-ħsieb li s-suq ser isolvi kollox jibbaża lilu nnifsu fuq il-linja li l-effiċjenza ekonomika trid tirbaħ fuq il-kundizzjoni umana.  Anzi, iktar minn hekk, li ma hemmx xi responsabbiltà fuq l-istat jew dak li għandhom, jew dawk li huma “suċċess”, jew dawk li jinvestu flushom fil-poter politiku biex jieħdu fuqhom il-linja li jsolvu verament din il-pożizzjoni.  Il-figuri jistgħu jkunu numri fuq il-paġni tar-rapporti, imma fil-verità huma bnedmin abbandunati.  Huma dawk li nafu li, waħedhom, mhux ser jimxu ‘l quddiem.  Dawk li hemm bżonn li fil-ġustizzja soċjali u fit-tqassim ġust tal-ġid komuni ngħinuhom direttament.

 

Retorika tal-opportunità

 

8.    Bnejna linja ġdida li taħseb li għax xi ħadd iħoss li rnexxa, dan wettqu b’ħiltu u għax għandu dritt.  Daħħalna l-mentalità li jekk ħaddieħor ma rnexxiex, minkejja kemm ipprova, għandu xi ħaġa ħażina hu.  Il-linja li għax taħdem ħafna ser tkun suċċess issudat, mentri nafu li hemm żewġ kategoriji li għadhom ibatu.  Dawk li anke jekk jaħdmu u jistinkaw ħafna, xorta ma jirnexxux u xorta ma jaqilgħux.  Magħhom hemm dawk li jridu jaħdmu, imma ma jistgħux.  Mhux veru li għax hemm l-istess triq, allura kull persuna ser tirnexxi jekk tgħaddi minnha.

 

Is-soċjetà

 

9.    Meta tmiss mas-soċjetà tagħna tifhem iktar kemm huwa faċli tħares u tiltaqa’ mal-affluwenti.  Dawk li għandhom, u anzi moħħhom kif ikollhom aktar.  Dawk li jiktbu fil-gazzetti biex jikkonvinċu lilhom infushom minn dan fil-postijiet li jaħsbu żbaljatament hekk.  U taħrab dawk li m’għandhomx.  Dawk li, għal raġunijiet varji, fil-ħajja tagħhom sabu ruħhom jgħixu fi stat ta’ diffikultajiet soċjali u materjali.  Dawk li ħadu deċiżjonijiet bl-iktar intenzjoni tajba, imma li ma swewlhomx sewwa.  Dwk li tilfu nies fil-familja, dawk li sabu ruħhom għaddejja minn diffikultajiet mentali, dawk li hu x’inhu jinsabu fil-qiegħ.

 

Figuri

 

10.  Dak li l-istatistika tindika mhix gidba, imma hija verità.  Huwa minnu li għandna 85,369 persuna jgħixu b’inqas minn €9,700 fis-sena.  Huwa minnu li għandna ħafna mitluqa fil-kantunieri tas-soċjetà li qatgħu qalbhom li xi ħadd fil-klassi politika jgħinhom.  Min jibni l-politika tiegħu fuq dak li jgħidulu dawk li huma komdi, dan mhux ser jarah.  Il-figura ta’ 17% tas-soċjetà mhix fix-xejn, imma hija ta’ nkwiet.

 

Dmirna

 

11.  Għandna sistema legali ta’ għajnuna soċjali li flok moħħha biex tgħin lil min jinsab ħażin, moħħha biex issib ir-raġuni għala wasal fejn wasal.  Anzi, il-mira hija kif issib ir-raġunijiet, skużi biex ma tgħinx.  Saret, issa iktar minn qatt qabel, missjoni tal-amministrazzjoni li ssib ir-raġunijiet biex ma toħroġx l-għajnuna.  Qisu jinxtegħlu s-suffarelli jekk xi ħadd tinqatagħlu jew nibdew ninvestigawh biex jinbena każ kontra tiegħu biex ma jingħatax.

 

Sistemi strambi

 

12.  Iktar sofistikat minn hekk huwa l-metodu li bih, meta tikkwalifika għal benefiċċju, bħall-pensjoni kontributorja, titlef benefiċċji oħra.  Bħal dak il-logħob li għax tirbaħ pożizzjoni, titlef oħra.  Ma hemmx iktar linja politika li hija favur li l-bnedmin ngħinuhom jitilgħu ‘l fuq.  Hemm iktar dawk li jridu jidħku, konvenjentement, bihom infushom li għax jingħataw il-kuntratti tal-miljuni lill-kbar milljunarji, allura ser jieklu wkoll ta’ taħthom. 

 

Vuċi għalihom

 

13.  F’dan kollu, fortunatament, għax hemm vuċijiet soċjali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.  Għad hemm dawk bħall-Viċi Kap David Agius u d-deputat Ivan Bartolo li, kontra l-kor tal-konvenjenza, isemmgħu leħinhom.  Ifakkru li l-pożizzjoni għadha gravi u li s-sitwazzjoni mhux qed tiġi ndirizzata.  Ifakkru li fil-prinċipji Demokratiċi Nsara, fl-interklassiżmu popolari tagħna, nibqgħu naħdmu u ngħinu lil dawk li jinsabu viċin il-qiegħ. 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...