26.12.21

Dehen u għaqal politiku

 

 

1.    Il-politika kif irriduha, kif, anzi, jeħtieġha l-poplu, għandha tkun minnha nfisha forza ta’ stabilità.  F’dak kollu li pajjiżna għadda, u għadu, hemm punt ċentrali li jrid jafferma ruħu proprju f’dan.  L-elettorat ma jridx vjaġġi f’forom strambi ta’ anarkija, wisq inqas dawk li r-reazzjonarji tal-lemin joħorġu bihom.

 

Paċi interna

 

2.    Iħares li jkollu l-paċi interna fil-gżejjer tagħna sabiex jibni, fil-kalma, il-ħajja u l-futur tiegħu.  Iħares li jkollu politiċi li jifhmu x’għandu bżonn, u fejn għandu jmur.  Wara li jkunu kapaċi jwasslu l-politika nazzjonali biex dawn l-aspirazzjonijiet iseħħu.  Dan bi programm, b’manifest elettorali, bi proċess ta’ bidliet neċessarji u ġustifikati.

 

Prinċipji etiċi

 

3.    Hemm, f’dan, bażi fundamentali fis-soċjetà tagħna.  It-tessut soċjali tgħna, u anki f’ħafna, dak ekonomiku, imiss mad-duttrina soċjali, imiss mal-prinċipji etiċi Nsara.  Il-ġustizzja soċjali, il-libertà, ir-relazzjonijiet interpersonali bejn il-bnedmin huma mwielda minn dan.  Il-liġijiet tagħna, terġa’, fis-sekli preċedenti jirriflettu dan.  Jagħtu direzzjoni lill-poplu kif jaġixxi u jġib ruħu mal-oħrajn.

 

Ċiviltà

 

4.    Għandna livell ta’ Ċiviltà aqwa milli naħsbu.  Għandna sistema politika bażata proprju fuq dan.  Id-demokrazija tagħna tirrifletti din il-volontà popolari li, snin wara snin, trid tafferma ruħha.  Jiżbalja min jimmaġina l-kontra.

 

Strateġija

 

5.    Partit fil-politika demokratika ta’ pajjiżna jrid iżomm dan quddiemu.  Din hija s-sustanza li, fil-proċess għar-rappreżentanza, wieħed irid jikkunsidra.  Min jaqra l-istorja, min jara l-programmi elettorali, min jara l-liġijiet li saru u ġew aċċettati mill-poplu jifhem dan li qiegħed ngħid ferm aktar.

 

Tattika

 

7.    Hemm qafas u forma ċara li tqiegħed il-perspettivi politiċi quddiemna, li ma ġewx varjati.  Mhux għax hemm xi idea ta’ konservattiviżmu tradizzjonalista, imma għax hemm il-ħsieb li l-progress huwa gradwali, fis-sens komun u jsir mingħajr radikaliżmu.  Hemm min jista’ jaħseb li l-poplu tagħna ma jafx, li jifhem ħażin u jagħmel kollox imgħawweġ, jew li ħiereġ minn xi karattru tal-ħrejjef tagħna, imma dan mhuwiex il-każ.

 

Pjan ta’ azzjoni

 

8.    Min iħares li jmiss ma’ dan kollu jifhem ir-realtà li jrid jopera fiha.  Dan jgħodd għal kull politiku u partit.  Hemm ċentru moderat kostanti li daqqa jxaqleb naħa u daqqa oħra.  Ma jħallix ruħu jitkaxkar f’reazzjonijiet tal-mument.  Jitlob biss li jiġi persważ.  Jitlob li jsib awtentiċità, azzjonijiet tajba u strateġija doppja.

 

Doppja

 

9.    Doppja fis-sens li, l-ewwel, jara kif il-partit fil-Gvern li jżomm il-poter, u fuq l-oħra kif l-Oppożizzjoni kapaċi tingħata r-responsabbiltà.  It-tieni, fil-ħidma li trid issir biex fuq naħa tbiddel, u fuq l-oħra tippreserva li għandek.  Dan dejjem għall-ġid tal-poplu: dak komuni, u mhux individwali.  Punt li rridu nagħrfu fl-appuntamenti elettorali li ġejjin.

 

Sustanza, mhux paraventi

 

10.  Jiġi min jiġi jidher fil-faċċata ta’ messaġġ illum, ngħid anzi, ferm u ferm iktar wara l-esperjenza tal-Gvern Laburista Muscat, irid ikun ċert mis-sustanza.  Jinbidlu l-komunikaturi, imma ħafna jinsew li Marshall McLuhan kien qal: “The Medium is the Message”.  Anzi, jaqgħu fin-nassa ta’ dak li ppreveda u, kif qed naraw illum, hemm il-poplu li jinqata’ mill-politika.  Poplu li ma jafdax lil dawk li huma fiha.

 

Fattur kostanti

 

11.  Dan huwa fattur kostanti li qed joħroġ iktar f’dan iż-żmien fejn hemm dawk li jaffermaw li huma deċiżi li ma jivvutawx.  Ngħid li hemm fatturi varji għal dan, imma forsi iktar qawwi huma li ħallejna lilna nfusna mmorru fejn qal McLuhan meta ppreveda li: “Politics will eventually be replaced by imagery.  The politician will be only too happy to abdicate in favour of his image, because the image will be much more powerful thatn he could ever be.

 

Jekk mhux nifhmu dan

 

12.  Ngħid, jekk mhux nifhmu dan il-proċess u naraw dak li għaddej fid-dinja, allura m’aħniex ser inkunu kapaċi nibnu l-istrateġija u t-tattika li l-politika titlob.  Anzi, inkomplu f’pajjiż fejn qisu fin-nuqqas ta’ għarfien jew formazzjoni fil-ħsieb politiku, nibqgħu nafdaw fil-konsegwenzi ta’ anarkija.  Dik li taħseb li għandha tibni fl-assenza ta’ awtorità politika jew diżordni jew aġir mingħajr pjan.

 

Konfużjonarji

 

13.  Tkisser kollox, taħraq li hemm, forsi għada ser tibda taħseb kif ser tibni.  Taġixxi, u wara tara l-konsegwenzi tal-azzjonijiet konfużjonarji.  Mentri l-kurrenti, l-opinjoni tal-elettorat huma proprju rifjut ta’ dan.  L-elettorat qiegħed ifittex iktar stabilità, u hemm l-opinjoni pubblika li tindika l-għażliet tagħha f’dan.

 

Responsabbiltà

 

14.  Il-pajjiż diġà għadda minn perjodu ta’ deċiżjonijiet politiċi żbaljati.  Ħafna meħuda fuq ħeġġa żbaljata u direzzjonijiet li ma kellhomx esperjenza, jew li sempliċement wieħed jaħseb qabel jagħmel.  Hi x’inhi r-raġuni, fuq in-naħa l-oħra, però, wieħed ikun qiegħed jilludi lilu nnifsu meta jiċħad din ir-realtà politika, jew agħar, jipprova jpinġi waħda differenti.

 

Politika awtentika

 

15.  Il-poplu jrid iktar politika vera.  Irid jiġi persważ mill-argumenti, fi proċess fejn il-mażżri politiċi passati jnaqqsu mill-irbit tagħhom.  Ifittex li jiġi persważ mis-sens u s-sustanza ta’ dak li jingħad f’rifjut u avversjoni għall-immaġini waħedha u qoxra esterna għall-intern imħawwad u anarkiku.  Proprju għalhekk li l-pajjiż qiegħed, iktar minn qabel, jitlob li jsib dehen u għaqal politiku minn dawk li ser jafda l-futur tiegħu fihom.

 

 

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...