2.5.14

L-Appuntament.



1.         Il-jiem ta’ l-Għid il-Kbir li jibdew mar-Randan huma mimlijin b’ħafna.  Kull ġurnata hija pass ‘il quddiem lejn formazzjoni interna aqwa.  Il-bniedem għandu fih il-bżonn li jieqaf jaħseb.  Jirrifletti fuq il-ħajja, l-iskop tagħha u sehemu f’dak li jkun għaddej hu minnu.  Hemm dan il-bżonn li kull persuna tħoss mingħajr ma tagħraf dejjem u meta twettaq dan, meta effettivament jirnexxilha tgħarbel, toħroġ iktar iffukata, ippreparata u b’paċi interna.

2.         Ħafna drabi nsibni tajjeb ninqata’ minn kollox f’jumejn ta’ rtir.  Biss, din is-sena kienet impossibbli li nilħaq dan u għalhekk ikkumbattejt nipprova nsib rokna ta’ riflessjoni.  Il-bniedem qisu ma jagħrafx kemm għandu dan il-bżonn li jqis dak li huwa verament importanti f’ħajtu.  Jintilef fil-ħidma attiva ta’ kuljum li tneħħilu mill-ħin għad-disposizzjoni.  Anzi, għal uħud lanqas biss tokkorrilhom li għandhom ifittxu dan l-ispazju.

3.         Il-ħsieb fuq l-iskop tal-ħajja fih ħafna x’wieħed iżomm quddiemu.  Il-bniedem jintilef bejn li jfittex il-verità, li jsibha verament u li jaċċettaha.  Kemm huwa lest jidħol għal dan il-proċess irid jara hu.  Jista’ ma jfittixx il-verità u joħloq waħda għalih innifsu.  Jista’ wkoll jaħrab minnha proprju għax ma jistax jifhimha jew, għalkemm jagħrafha, ma jridx jaċċettaha.  Però jingħad x’jingħad hemm qegħda.  Il-verità ma tidħakx bik imma tiggwidak, l-importanti li ssibha.

4.         Tul dan ir-Randan sibtni diversi mumenti nirrifletti proprju fuq il-verità fil-proċess lejn il-kundanna.  Il-kliem ta’ Pilatu, li jdur jistaqsi “x’inhija l-verità?” quddiem dak li jiddikjara Sidna Ġesù Kristu ħallewni naħseb ħafna iktar mis-soltu.  Il-punt fil-konversazzjoni jew interrogazzjoni jitla’ iktar ‘il fuq, quddiem il-kliem ta’ Kristu li Hu ġie fid-dinja sabiex iġib il-verità kienet milqugħa minn reazzjoni xettika.  Dawn id-domandi li Ponzju Pilatu għamel, ħafna mumenti nsibu lilna nfusna nqegħduhom lilna nfusna jew lill-oħrajn.  Il-bniedem isib ruħu fid-diffikultà li jifhem li hemm verità u li jista’ jidħol fi proċess ta’ analiżi sabiex isibha.

5.         Hemm min isibu iebes f’din it-triq jew li jaqbadha jew, jekk daħal fiha, li jkompliha.  Meta però jieqaf jaħseb u jagħti valur lill-fatt li diversi bnedmin qablu qabdu l-kliem tal-Vanġelu jmexxihom f’ħajjithom, allura jifhem li hija inevitabbli.  Ma jistax joqgħod lura u ma jippruvax almenu jifhem li Kristu, għax kien bniedem, ġieb miegħu messaġġ għalih.  Hekk jinqata’ mit-tentazzjoni faċli li jqis lil dawk il-pariri, dawk l-ideat bħala ġabra dedikata lill-ispirti perfetti, lill-anġli u mhux għalih.

6.         Dan jaqbad iktar art meta ftit ilu sibtni ndur nara mużew b’numru sew ta’ oġġetti li l-età repubblikana u imperjali Rumana ħallitilna.  Il-kitba fuq l-oqbra, f’ġenerazzjonijiet ta’ miljuni ta’ persuni mingħajr ma ridt ġibitni nirrifletti fuq il-ħajja.  Fuq dan iċ-ċiklu tal-ħajja, ta’ dawk li telqu qabilna li ġisimhom spiċċa, li għadamhom intilef u kif hemm oħrajn fil-preżent.  Tieqaf taħseb, tammira ċiviltà, imma fl-istess ħin tifhem iktar l-appuntament mal-ħajja li kull bniedem irid f’mument jew ieħor jiffaċċja.

7.         Bħalma telqu l-miljuni ta’ qabilna, hekk nitilqu aħna wkoll.  Hemm dak l-appuntament bejn il-ħajja u dak li hemm warajha.  U f’dan il-messaġġ nisrani huwa dak li jindika b’mod ċar li hemm il-mument ta’ l-eternità.  Il-prospett ta’ l-eżistenza fl-eternità twaqqaf lil dak li jkun.  Twaqqfu jifhem li hemm din ir-realtà, din il-verità li jrid jgħaddi minnha.  Kemm jaċċettaha jew le huwa determinanti għalih innifsu.  Ħajtu tieħu sens ieħor, anzi aqwa, tieħu l-iskop u l-valur li għalih issawret.  L-Għid il-Kbir huwa dan.  Appuntament ta’ kuraġġ mhux ta’ dlam, wieħed li jeħodna sabiex ngħixu aħjar, ngħixu l-ħajja f’dak li hija, għas-servizz tas-sewwa.  L-appuntament ta’ kuljum marbut mal-preparazzjoni għall-appuntament finali.


Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Mument tal-4 ta April 2010.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...