22.5.14

Il-Gvern qed jagħmel minn kollox biex jaħbi l-kuntratt ta’ Henley & Partners.



Il-Gvern illum kompla jagħmel minn kollox biex jaħbi l-kuntratt ta’ Henley & Partners billi rrifjuta li jattendi laqgħa msejħa miċ-Chairman tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi Tonio Fenech. Din il-laqgħa kellha l-għan li tiddiskuti t-triq ’il quddiem wara r-Ruling li ngħata nhar it-Tnejn mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anglu Farrugia. 

Fir-Ruling li ta nhar it-Tnejn, l-Ispeaker Anglu Farrugia kkonkluda li l-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi għandu l-poter jiddeċiedi hu jekk għandux jiġi prodott u diskuss kuntratt pubbliku jew le, u li l-Prim Ministru u l-Ministru Owen Bonnici ma jistgħux jinħbew wara allegat digriet tal-Qorti, li ma jeżistix, biex iżommu l-kuntratt li għamlu mal-kumpanija Henley & Partners mistur.

Iżda l-Gvern donnu għandu x’jaħbi u qiegħed jagħmel minn kollox biex jevita li jippubblika kuntratt li minnu l-kumpanija Henley & Partners mistennija taqla’ mal-€230 miljun. Minflok attenda l-laqgħa li ssejħet għal-lum, il-Gvern sab skuża u qal li d-39 Deputati tiegħu huma kollha mpenjati u li lanqas Deputat wieħed ma jista’ jattendi għal din il-laqgħa. Dan ovvjament sar biex il-kuntratt li għamel il-Gvern ma’ Henley & Partners ma jiġix diskuss qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-Sibt li ġej. Dan aktar u aktar meta wieħed iqis li wieħed mill-membri tal-Kumitat, l-Onor Karmenu Vella, kien preżenti fil-Parlament għas-Seduta tal-lejla.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li l-Prim Ministru Muscat jippubblika l-kuntratt li għamel ma’ Henley & Partners biex il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi jkun jista’ jagħmel l-iskrutinju meħtieġ. 

Mhuwiex aċċettabbli li l-Gvern ikompli jagħmel minn kollox biex jevita l-pubblikazzjoni tal-kuntratt ma’ Henley & Partners. Jekk m’għandux x’jaħbi, il-Gvern għandu jippubblika l-kuntratt minnufih u mhux jilgħab għall-ħin sa ma tgħaddi l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...