12.5.14

Ser jagħmel dak li diġà sar.



1.         Iktar ma jgħaddu l-jiem, iktar qiegħed isir essenzjali li wieħed iqis bil-preċiż dak li jingħad mill-Prim Ministru.  Daħal fil-burdata li jew jgħid li ser iwettaq dak li diġà qiegħed jiġi mwettaq, inkella li jiddikjara dak li mhuwiex bħala li hu.  Huwa minnu li l-poplu ma tantx għandu ħeġġa lejn il-politika wara li qatta’ ħames snin jisma’ lill-Partit Laburista kemm jgħid kemm kollox kien għaddej ħażin taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.  Il-poplu xeba’ jara li dak kollu li kien suppost tant żbaljat, issa flok mar għall-aħjar sejjer biċċa biċċa għall-agħar.  Dan meta kien il-Prim Ministru stess li wiegħed li kollox ser jibdel, dak li fil-fatt ma kellux bżonn jinbidel imma li jissaħħaħ.  Ir-realtà hija llum li hawn diversi oħra li tilfu kull sens ta’ kredibilità f’parti mit-tmexxija politika ta’ pajjiżna.

2.      Meta l-pajiż ftit ilu sema’ lill-Prim Ministru jagħmel diskors fejn il-punt prinċipali kien li tfal ta’ immigranti irregolari ma jinżammux f’Ċentri ta’ Detenzjoni, ovvjament qabel.  Diversi ta’ rieda tajba ħasbu li dan kien xi pass ġdid ‘il quddiem, il-bgħid mid-diskors differenti li konna smajna fil-bidu tal-leġislatura.  Mentri fil-verità kien qiegħed jiddikjara dak li kien ilu snin li jsir, li però l-propaganda laburista kienet tiċħad, tant li jidher li huwa stess beda jemminha.  Irnexxilu però, politikament ibellagħha lil diversi li fiċ-Ċentri kien hemm tfal miżmuma.  Mentri dejjem, u sakemm il-ministru l-ġdid tal-Intern ma biddilx l-affarijiet wara Marzu 2013, konna ilna snin twal nipprattikaw din il-politika.

3.      Mhux biss imma reċentement smajt oħra tajba.  Għamel diskors sabiex jgid li issa beħsiebu jħares lejn il-liġijiet marbuta biex jikkontrastaw id-droga u qisu ta x’wieħed jifhem li t-teħid tad-droga mhux ser jibqa’ reat.  Ta x’wieħed jifhem li l-proċess “progressiv” li jmiss ser ikun li d-droga tiġi liberalizzata.  Din hija l-impressjoni ġenerali f’paġna tal-politika tal-aljenazzjoni.  Mentri meta tara bil-preċiż dak li qal ma ħareġ xejn ġdid.  Intrabat li jagħmel dak li kien diġà ġie mħabbar b’abboz ta’ liġi diġà miktub u preżentat fil-Parlament li kont ressaqt f’Novembru 2011.  Hemm konna pproponejna li dawk li jinqabdu jużaw id-droga l-ewwel darba jistgħu flok jitressqu l-qorti jintbagħtu quddiem kumitat ta’ professjonisti biex jgħinuhom, inkella jingħataw twissija.  Liġi li sabet l-appoġġ ta’ numru konsiderevoli ta’ nies u organizzazzjonijiet li però ma ġietx fis-seħħ għal raġunijiet magħrufa.

4.      Issa deher hu biex jiddikjara li ser iwettaq dak li hu żamm lill-Gvern Nazzjonalista milli jwettaq.  Kieku din il-liġi diġà ilha tlett snin taħdem u tagħti r-riżultati.  Tippermetti lil nies li ġew ittantati jidħlu fil-vizzju tad-droga u jiġu megħjuna joħorġu minnha u dawk  li għamluha ta’ darba ma tidħolx fil-fedina kriminali tagħhom.  Għax kif sewwa ngħad, ħadd minnhom ma kien jeħel il-ħabs.  Mhux biss, imma hija sistema li tnaqqas parti mix-xogħol tal-qorti li tkun tista’ tikkonċentra fuq każijiet ferm iktar gravi u marbuta mat-traffikanti tad-droga.  Iktar minn dan, għalija kien pass importanti fil-pjan li konna deħlin għaliha li parti mill-bini tal-qorti jkollu Sezzjoni speċjalizzata biss fuq każijiet marbuta ma’ droga.  F’kelma waħda, reġa’ deher u pprova jingħata mertu ta’ xi ħaġa ġdida li kienet diġà hemm.

5.      Dikjarazzjonijiet bħal dawn, li jagħtu x’jifhmu dak li mhuwiex, ma jagħmlux ġid lill-politika Maltija.  Diġà inqas nies qed jemmnu fil-klassi politika Maltija.  Issa jekk il-Prim Ministru ta’ pajjiżna qiegħed tant f’pożizzjoni skoma li jrid juri li għandu xi ħaġa ġdida mentri fil-fatt mhijiex, allura qegħdin verament ħażin.  Il-politika serjetà trid u  mhux dan.  Trid il-fatti u mhux in-nuqqas tagħhom.  Il-poplu tista’ tidħak bih darba, però d-drabi ta’ wara jibda jara jekk dak li qed tgħid huwiex minnu jew le.  Jekk il-linja politika tiegħu tibqa’ din, allura l-klassi politika ser ikollha ferm iktar diffikultajiet biex tirbaħ il-fiduċja.


6.      Id-diskors, hu x’inhu, jista’ jingħad b’mod mill-isbaħ, jista’ jidher li qed isir b’saħħa u b’enerġija, imma l-pajjiż ifittex dejjem is-sens u s-sustanza ta’ dak li jingħad.  Jista’ jkun li l-biża ta’ riżultat elettorali inqas favorevoli għall-Gvern qiegħed iwassal għal dawn il-ħmerijiet.  Hu x’inhu, huwa żbaljat u m’għandux jirrepeti ruħu.  Il-Prim Ministru, bħal kull politiku għandu jgħid il-verità l-ewwel għax hekk jixraqlu l-poplu u hekk għandu d-dmir li jagħmel.  Iktar ma jsir dan, iktar il-politiċi jitwemmnu.  Inqas ma jsir, inqas.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...