5.5.14

L-poter jew tikkontrollah jew jirkbek.



1.            Mhux kull persuna jersaq lejn il-poter bl-istess mod u manjiera.  Hemm min jirnexxilu jżomm il-poter f’idejh u jużah tajjeb għall-oħrajn.  Hemm oħrajn li minflok iħallu lilhom infushom jinħakmu mill-poter.  Tagħrafom fil-ħidma tagħhom, fil-mod ta’ kif iġibu ruħhom mal-oħrajn u magħhom infushom.  Il-poter politiku jitla’ għarżl ras ċerti nies, ma hemmx dubju.  Anqas ma hemm dubju li l-poter ta’ kull forma, f’kull livell, f’kull settur jibdel ‘il-bnedmin.  Ma tiskantax, anqas, kif min jinħakem ikun wara jrid jinħakem.

2.            Kull pajjiż, kull poplu, għandhom l-esperjenzi partikolari tagħhom.  Żgur mhux forsi li diversi għażlu li jkollhom sistema demokratika u għażlu li jkollhom waħda li taħdem u tkun soda proprju sabiex il-poter jiġi kontrollat.  Dittatorjati varji għandhom linja waħda komuni: dik ta’ bnedmin li jinħakmu u jaħkmu bil-velenu li l-poter jagħti.  Il-poter politiku huwa neċessarju sabiex poplu u pajjiż jimxu ‘l quddiem.  Biss dan irid ikun ikkontrollat.  Id-demokrazija hija l-għodda għal dan.  Ħadd ma għandu jkollu l-poter kollu f’idejh imma dan għandu jkun maqsum ma’ oħrajn.

3.            Tul dawn l-aħħar snin li pajjiżna sar indipendenti u repubblikan, il-maġġoranzi parlamentari kienu f’din id-direzzjoni.  Anzi kellna iktar żmien bi gvernijiet fejn il-maġġoranza parlamentari kienet biss ta’ siġġu.  Il-bilanċ hemm kien.  Biss, wara l-aħħar elezzjoni ġenerali dak il-bilanċ, dik is-sistema li kellna inbidlet ta’ taħt fuq.  Wara Marzu 2013 qomna għal parlament fejn il-maġġoranza kibret għal disa’ membri.  Maġġoranza assoluta tal-voti li ġiet rappreżentata b’rappreżentanza akbar minnha fil-Parlament.

4.            Dik kient ir-riżultat tal-espressjoni ta’ ġudizzju elettorali.  Biss ngħid li l-maġġoranza tal-poplu, għalkemm ivvota għal gvern differenti u wieħed iktar stabbli minn ta’ qabel, ma pprevediex ir-riżultat sproporzjonat li kellna.  Kien hemm sens ta’ reazzjoni, kif ukoll ta’ aġir li fih il-pajjiż iddikjara li lest jagħti opportunità lill-partit li kien ilu fl-oppożizzjoni.  Biss ngħid li kieku diversi votanti setgħu jipprevedu x’ser iseħħ kienu joqogħdu iktar lura u attenti.  Illum, wara dan ir-riżultat, inevitabilment il-pajjiż għandu Gvern li tant jaf li huwa b’saħħtu li ma għadux daqshekk lest li jisma’ vuċijiet differenti.

5.            Inevitabbli għax ftit huma dawk ippreparati u lesti minn qabel sabiex il-poter ma jużawhx kif qiegħed jiġi wżat illum.  Hawn sakra fuq naħa u ġustifikazzjoni kontinwa mhux f’x’inhuwa sewwa jew le, imma fil-fatt biss li qegħdin fil-poter.  Il-pajjiż jaf li aktar ma qegħdin immorru, aktar ser naraw żieda fl-użu tal-poter.  Iktar ser naraw aġir arrogranti fejn l-ispazju għall-użu tar-raġuni ser jibqa’ jonqos.  Il-pajjiż jemmen li r-raġuni ma tridx forza imma min ikollu poter kbir u qawwi jispiċċa jaħseb li għax għandu l-poter f’idejh għandu r-raġun f’kollox.

6.         Din is-sena li għaddiet rajna lista twila ta’ deċiżjonijiet li huma marbuta u bbażati fuq ħaġa waħda: il-poter, u ebda forma ta’ raġuni.  Il-Gvern kibritlu rasu waħda u tajjeb.  Qiegħed jaġixxi b’arroganza politika li ftit kienu b’xi mod jimmaġinaw li qatt ser jerġgħu jaraw.  Dan kien u ser jibqa’ perikoluż, mhux biss fih innifsu, imma iktar u iktar għax il-prospett ser ikun li d-doża tikkarga fis-snin li ġejjin.  Il-leġislatura hija twila, ma hemmx dubju, u dak li rajna f’sena min jaf x’ser naraw minnu f’ħames snin.

7.            Dak li nbeda llum ser jikkomplika iktar ruħu jekk kemm-il darba l-Gvern ma jirċevix messaġġ ċar.  Il-poter ser jibqa’ jitla’ għal ras ċerti nies jekk kemm-il darba l-elettorat ma jerġax isib l-ekwilibriju neċessarju biex tinħadem tajjeb id-demokrazija tagħna.  Huwa minnu li l-Partit Nazzjonalista bena l-istituzzjonijiet demokratiċi u dan bl-appoġġ ċar tal-maġġoranza tal-pajjiż, biss il-gvern li juża l-poter assolut b’dan il-mod allura passi lura sejrin naraw.

8.            Il-Gvern għandu jifhem li l-poter li għandu ma jistax jibqa’ jużah kif inhuwa.  Dan jista’ jseħħ f’dan il-mument.  Għax dawn l-elezzjonijiet qed jagħtuna opportunità sabiex il-poter jerġa’ jiġi lura fid-dinja sħiħa tad-demokrazija.  Opportunità sabiex min għandu l-poter jifhem li għandu dan f’isem il-poplu u mhux għax għandu xi privileġġi ġejjin minn setturi oħra.  Il-poter irid jiġi kontrollat, għax mhix il-forza li tagħti r-raġuni iżda hija r-raġuni li m’għandhiex bżonn forza.


No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...