27.5.14

L-effett post Greċja.



1.         Id-diffikultajiet li l-Gvern Grieg iffaċċja sija fuq livell soċjali, kif ukoll fuq dak ekonomiku qiegħed, kif qed naraw, jifrex idejh fuq aspetti differenti tax-xenarju politiku Ewropew.  Il-messaġġ ta’ instabilità ekonomika bagħat effetti xejn faċli sabiex jintrebħu fuq dawk tal-paċi u s-sens ta’ serenità u fiduċja fost l-istati fi ħdan l-Unjoni Ewropea.  Meta wieħed iżomm quddiem għajnejh il-mod ta’ kif l-affarijiet tħallew jakkumulaw, il-mod ta’ kif ikkomplikaw ruħhom inutilment minħabba ċertu titubanzi u l-mod ta’ kif ersaqna sabiex nagħtu s-solidarjetà neċessarja lill-popli li ssoltu huma mdorrija b’ċertu klima u serħan il-moħħ li sabu ruħhom fi żraben differenti, jifhem kif komplew jikkomplikaw ruħhom l-affarijiet.

2.         Dan qiegħed jidher b’mod partikolari fi ħdan il-mappa politika li l-ħin kollu qed tibgħat sinjali tal-bżonn li qegħda tħoss li t-tmexxija politika għandha iktar minn qabel tipproteġi l-interessi tal-pajjiż.  L-effett tal-kriżi Griega qiegħed jibgħat eżempji fi ħdan kampanji u riżultati elettorali.  Qed isir taqbil bejn min huwa għaqli, min huwa kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet iebsa, bżonnjużi u min mhuwiex.  Hemm fir-realtà konfużjoni u tibdil drastiku fil-binarji tal-analiżi li elettorati differenti qegħdin jieħdu minn dak li kienu fil-passat.  Minn dak li qiegħed nara, jidher ċar li l-poplu jrid iħares lejn min hu iebes u fuq ix-xaqliba ta’ forom varji ta’ nazzjonaliżmu f’preferenza kuntrarja lejn min huwa apparentement “ġeneruż”.

3.         Fl-elezzjonijiet li rajna f’dawn il-jiem f’pajjiżi verament viċini, dan huwa għalija element rikorrenti.  Dan joħroġ mir-riżultati elettorali tar-Repubblika Ċeka, tas-Slovakkja fuq naħa u dak tal-Olanda u l-Belġju fuq in-naħa l-oħra.  Għalkemm il-biża’ ta’ partit fuq il-lemin estrem fil-Gvern ma jidhirx li seħħ, però hemm evidenti vot assolutament reazzjonarju għall-aħħar.  Il-ħsieb jidher li miexi fuq il-linja li l-poplu għandu bżonn li ma jagħtix saħħa elettorali lil min qiegħed jidentifika hu bħala li qiegħed inaqqaslu mill-ewro li ssoltu huwa mdorri li jkollu fil-but.  Fir-Repubblika Ċeka tilef il-Gvern li ried iżid fil-pensjonijiet għax rawh li ma għandux iqassam, jarmi flus fi kriżi ekonomika.  Fl-Olanda qisu l-kwistjoni tal-missjoni fl-Afganistan, bil-flus li hemm qed jintefqu kif ukoll fuq dak li jingħataw il-benefiċċji soċjali lir-refuġjati ukoll ġieb dan l-effett interessanti.

4.         Il-kwistjonijiet li qamu wara l-vot fl-Islovakkja, b’pajjiż immexxi minn partit soċjalista li sab ruħu vvutat barra, b’koalizzjoni ta’ partiti fuq il-lemin b’maġġoranza, żviluppa huwa wkoll f’din id-dimensjoni.  Dan għax wiegħed li ma kienux ser jittieħdu miżuri drastiċi bħal ma għamlu l-ġirien l-oħra.  Anki l-Belġju, b’kumplikazzjonijiet interni bejn żewġ diviżjonijiet li waqfu jkunu faċċati kulturali u saru raġuni ta’ qasmiet profondi, politiċi u ekonomiċi b’parti tilmenta li qegħda tbati fid-dinja finanzjarja u tax-xogħol minħabba d-differenzi lingwistiċi.

5.         L-erba’ Stati mhumiex l-ikbar fl-Unjoni Ewropea, però huma indikaturi tal-mewġa interna ta’ bżonn ta’ ċertezza u stabilità.  Hemm perjodu li jaf ikun pjuttost twil li fih dawn l-Istati qed joħorġu minn tmexxijiet li qegħdin jiġu mogħtija tort li fil-fatt m’għandhomx lejn formazzjoni ta’ koalizzjonijiet ġodda oħra.  Ebda gvern ma żamm il-pożizzjoni u ebda partit li ma tax kelma ta’ awsterità ma rnexxielu jirbaħ żieda fil-kunsensi.  Proprju minħabba dan li għall-Presidenza, dik Belġjana li ġejja, ser naraw xhur li fihom id-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi flok ser jittieħdu jistgħu jiġu prokrastinati.  Dan għax l-istess pajjiż ser ikun qiegħed jgħaddi minn baħar imqalleb huwa.

6.         Il-Presidenza Ewropea minn idejn Spanja, li kienet kawta u żammet ir-riedni lejn deċiżjonijiet iktar immirati lejn stabilità, issa ser tgħaddi f’idejn il-Belġju.  Pajjiż li mhux talli mhux ser ikollu l-istess Gvern, li stabbilixxa l-qafas u l-ħidma għal dak li suppost isir fi tmintax-il xahar iżda issa qed jara lilu nnifsu fil-viċin ta’ diviżjoni f’żewġ Stati ġodda.  Il-messaġġ ta’ instabilità ekonomika li l-Greċja hija responsabbli għalih qed jakkumula.  Hemm bżonn li l-elettorati jsibu lura l-kunfidenza li l-għażla tagħhom għandha tkun lura lejn partiti li kapaċi jmexxuhom ‘il quddiem u mhux lejn dawk li jidhru mod u jkunu kompletament inkapaċi jsibu l-linja tal-għaqal u s-sewwa.  Dan għax mingħajr stabilità politika mhuwiex ser ikun hemm dik ekonomika.  Nittama li wara s-summit tal-mexxejja tas-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea li sar din il-ġimgħa, dan ser jirnexxilu jingħata lill-elettur Ewropew.


Dan l-artikolu deher fl-Illum tal-20 ta Gunju 2010.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...