2.5.14

Fil-Linja t-Tajba.



1.         Il-Partit Nazzjonalista m’huwiex wieħed nieqes minn ruħ fil-politika.  Jaf liema huma l-prinċipji tiegħu u m’għandux biża’ li japplikahom fil-ħajja tiegħu. Għandu miktuba b’ittri ċari li jħaddan il-prinċipji demokratiċi nsara u ilu jagħmel dan mingħajr biża’. Drabi niġu kkritikati li tlifna din l-viżjoni. Uħud iressqu ideat bażati fuq il-ħsieb li tlifna r-rotta jew qed niżbaljaw fil-prijoritajiet, però l-eventi tal-ħajja juru li dan m’huwiex minnu. M’huwiex minnu li tlifna r-ruħ soċjali tagħna jew li ma għadniex naraw il-ġustizzja soċjali bħala l-ġebla tax-xewka ta’ ħidmitna.

2.         Ngħid dan għax tul dawn is-sentejn ġejna mqegħda diversi drabi fid-dubju fuq dak li konna u għadna qegħdin inwettqu sabiex il-pajjiż joħroġ mid-diffikultajiet finanzjarji u ekonomiċi li ġew fuqna minħabba l-kriżi tal-Lehman Brothers. Għalkemm mhux kulħadd apprezza, ma morniex lura mill-prinċipju tagħna li l-ekonomija qegħda hemm għas-servizz tal-bniedem u mhux il-kontra. Għażilna wkoll li min jaħdem ma nħarsux li nagħtuh rimedju temporanju fejn l-Istat jagħti iktar benefiċċji li, għalkemm jistgħu jkunu ta’ għajnuna, però m’humiex is-soluzzjoni fit-tul iżda li naraw kif nipproteġulu l-impjieg tiegħu jew nipprovdulu ieħor.

3.         Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li għamlu pajjiżi oħra, tul is-sentejn li għaddew ħadna ħsieb li nissudaw u nagħtu appoġġ lil dawk il-kumpaniji li kellhom diffikultajiet. L-aġir governattiv kien u rnexxilu jkun indirizzat sabiex jinżammu l-postijiet tax-xogħol u jiżdiedu mhux jintilfu. Għalina x-xogħol jagħti l-aqwa dinjità lill-bniedem li mingħajru jħossu diżorjentat u diffiċili sabiex jibqa’ jżomm l-istima fih innifsu.  Ix-xogħol huwa ċ-ċavetta ta’ din is-soċjetà, hekk kien u hekk jibqa’.  Ikun żball strateġiku li nibgħatuh iktar ‘il quddiem jekk kemm-il darba flok ninvestu flusna fejn jista’ jagħtina frott futur narmuh fi proġetti li mhux ser jirnexxu.

4.         F’jum San Ġużepp kien interessanti d-diskors li għamel il-Kardinal Tarcisio Bertone, li waqt li kien qiegħed ikellem lill-membri tal-Konfindustrija Taljana elenka numru ta’ prijoritajiet li jixirqu attenzjoni.  Huwa beda biex qal: “Jobs need to be created and protected, and financial support for employers is part of the recipe.” U kompla: “The problem of employment and its protection certainly arouses much anxiety, the loss of work for so many workers and the lack of employment prospects for so many thousands of young people, though qualified, goes beyond the loss of salary. Persons thrown out of work or without work prospects enter an existential crisis, because work is a constitutive part of a person, who without it ,feels out of place and useless.
 
5.         Għandu raġun il-Kardinal Bertone – l-impiegi jridu jiġu protetti u krejati u hemm bżonn li jkun hemm appoġġ strateġiku determinanti lil min joħloq l-impiegi.  Dan għax kif jgħidu tajjeb ħafna l-enċikliċi tal-Papiet, ix-xoghol ma huwiex biss mezz ta’ kif taqla’ l-flus imma jmur ferm iktar 'il boghod minn daqshekk.  Anki l-aħħar enċiklika “Caritas in Veritate” tagħti gwida importanti għall-politiku li jrid jispira ruħu għal-linja politika li hija demokratika nisranija għal dak li għandu jsir sabiex ikun hemm protezzjoni lill-post tax-xogħol.  Però, iktar minn hekk, l-esperjenza fuq n-naħa l-oħra turi li meta ssegwi dawn il-prinċipji ssib li dawn l-miżuri fir-realtà jaħdmu u jagħtu frott, kif fil-fatt għamlu f’pajjiżna.

6.         Wara sentejn fit-tmexxija tal-pajjiż, kuntrarjament għal dak li jista’ żbaljatament jingħad, bqajna nżommu ruħna marbuta mal-prinċipji li sawru u għadhom isawru l-politika tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.  Dan għax huma verament iħarsu u jagħmlu użu tajjeb tar-raġuni.  Raġuni li titqiegħed għas-servizz tal-bniedem, għas-servizz tal-ġustizzja soċjali li permezz tagħhom irnexxielna nibnu qafas legali u ambjent ekonomiku li qatt ma kien hawn bħalu qabel fil-ħajja ta’ dan il-poplu.  Il-fatti, il-verità hija li b’dawn il-miżuri determinanti, preċiżi u mmirati sabiex jagħmlu l-ġid irnexxielna nsalvaw sija l-impiegi kif ukoll it-tessut ekonomiku.

7.         L-ekonomija ma tbielitx, anzi kompliet tkun art fertili biex tikber iktar u tagħi aktar frott, aktar possibilitajiet ta’ ġidma futura.  Mertu ta’ din il-politika li tħares lejn is-suq minn aspett soċjali, bqajna ċċertifikati minn istituzzjonijiet finanzjarji barranin fil-klassifika t-tajba li kellna. Il-Kardinal Bertone, ġustament, fl-aħħar mill-aħħar iddikjara li din hija kwistjoni marbuta mal-valuri.  Jekk irridu nikkumbattu d-defiċit ta’ valuri morali rridu nħarsu lejn miżuri ekonomiċi li m’humiex bażati fuq prinċipji ta’ egoiżmu u li jmorru kontra d-dinjità tal-bniedem. Dan aħna għamilnieh u qed nagħmluh.  Determinati li, minkejja d-diffikultajiet kollha, ma nċedux għall-pressjonijiet differenti.  Determinati li nibqgħu fuq din il-linja t-tajba.


Dan l-artikolu deher fil-harga tal-Mument tal-20 ta Marzu 2010.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...