12.5.14

Tagħna f’tagħna. Kollox f’idejhom.



1.         Bid-difetti li l-Partit Nazzjonalista seta’ kellu meta kien fil-gvern, kellu politika nazzjonali li l-poter ma jħallihx ikkonċentrat fl-istess idejn.  Hemm żewġ dottrini fundamentali politiċi fuq dan.  Hemm min jemmen fiċ-ċentralizzazzjoni tal-poter u hemm min fid-deċentralizzazzjoni.  Diversi persuni ġejjin mit-tradizzjoni marxista tal-poter huma favur tal-ewwel, id-demokristjani minflok il-kontra.  Aħna nemmnu li l-poter irid jitqassam u iktar persuni jieħdu r-responsabbiltà.

2.         Dik il-politika ta’ deċentralizzazjoni kienet waħda mir-raġunijiet il-għala l-elettorat, għal perjodu, għażel li jkollu Gvern Nazzjonalista.  Fil-kuntrarju, iċ-ċentralizzazzjoni tal-poter imħaddma b’saħħa u purezza ideoloġika mill-gvern ta’ Alfred Sant kienet il-kaġun tat-tmiem malajr tiegħu.  Il-progress f’pajjiż fl-ekonomija u fil-ħajja demokratika jikbru iktar ma jkun hemm il-poter imqassam u bilanċjat bejn forzi li jikkontrollaw lill-xulxin kontra t-tentazzjonijiet tradizzjonali ta’ kull gvern.

3.         Hemm it-tentazzjoni qawwija f’kull amministrazzjoni li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jkollu mhux biss prevalenza imma wkoll kontroll qawwi.  Il-ministeri, id-dipartimenti, l-istituzzjonijiet demokratiċi qegħdin hemm minflok biex jibbilanċjaw u jżommu lura l-eċċessi li politika ta’ ċentralizzazzjoni f’dak l-uffiċċju jagħtu.  Ħadd m’għandu l-formula perfetta.  Anqas ħadd ma jitwieled jaf u ebda persuna ma tista’ tipprevedi l-elementi u l-karattri umani, kif ser jaġixxu u kif ser jaħbtu jew jaħdmu flimkien.  Ngħid dan għax huwa ċar u ovvju li tul din l-amministrazzjoni dan il-bilanċ m’huwiexuwiex jiġi miżmum intenzjonalment.

4.         Il-poter illum qiegħed f’Kastilja b’saħħa u qawwa kbira.  Hemm qiegħed jiġi eżerċitat b’politika għal kollox żbaljata.  Waħda li tħares biss lejn x’suppost jaqbel lill-Partit Laburista, mhux x’attwalment huwa tajjeb għall-poplu kollu u għal dan il-pajjiż.  Ngħid iktar dan għax ma’ kull ġurnata qed joħroġ ċar li l-poter m’huwiex f’idejn l-Eżekuttiv kollu.  M’huwiexuwiex bilanqjat xejn, anqas maqlub lejn naħa waħda biss.  Uħud mill-ministri jagħmlu li jridu u ħadd ma jista’ għalihom.  Oħrajn, mal-inqas żball isibu ċanfira.

5.         Il-ħatriet żbaljati u mhux kalkulati qegħdin jipperpetraw rwieħhom.  Wieħed seta’ jifhem l-entużjażmu tal-bidu fejn diversi ħadu fuq li ħadu.  Li tibqa’ għaddej issa politika żbaljata, però tibqa’.  L-ewwel, fiha nnifisha għax il-mertu jiġi mhux mill-awto-ċertifikazzjoni, imma minn fatturi oħra.  It-tieni, għax f’din il-linja żbaljata sibna wkoll diversi li ġew imposti fuq ministri u ministeri li kien ċar mill-bidu li l-kimika ta’ bejniethom ma taħdimx.  Ir-riżultati m’humiex tajbin wara sena.  L-amministrazzjoni tilfet ir-ritmu tagħha u sejra lura.  Flok tibdel qed tkompli tirranka u tippersisti fl-iżball.


6.         Il-messaġġ wara dawn ix-xhur qiegħed issa sod ħafna f’widnejn u għajnejn diversi.  Hija Kastilja li tiddeċiedi kollox.  Hemm min irid jibgħat lezzjonijiet lil diversi ħaddiema taċ-Ċivil li billi ħadmu u għamlu dmirhom ma’ Gvern Nazzjonalista ser jibqgħu jiġu penalizzati.  Il-kitba hija li trid tkun kommess mhux tant mal-Partit Labursta imma ma’ dawk li jikkunsidrawk leali f-uffiċċju ta’ Kastilja.  Wisq deċiżjonijiet f’ħatriet kienu u għadhom żbaljati.  Iktar ma jgħadd l-ġimgħat, iktar il-pajjiż qiegħed ibati minnhom.  Il-politika ta’ “tagħna f’tagħna” żbaljata kienet u tibqa’.  Illum il-poplu sejjer lura.  Iktar ma naraw minn dan, iktar ser inbatu.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...