12.5.14

Kunsill li se jkompli jsaħħaħna.



1.         Partit, wara l-Elezzjoni Ġenerali, jitlaq fi triqtu sabiex filwaqt li jkompli fil-ħidma normali tiegħu jibda jirranka għall-appuntamenti elettorali li jiġu.  Il-ħatra ta’ Pawlu Borg Olivier bħala Segretarju Ġenerali kienet u tibqa’ waħda tajba.  Qed jagħmel xogħol siewi li permezz tiegħu hemm pedamenti li qegħdin jitqegħdu.  L-ewwel, hemm attenzjoni iktar lejn il-valuri u l-prinċipji tal-partit; it-tieni, hemm impenn dirett lejn proċess ta’ djalogu kostanti; it-tielet, flimkien mal-Assistent Segretarju Ġenerali Jean Pierre Debono hemm l-issudar tal-istrutturi interni tal-partit u r-raba’, ftuħ iktar immirat fil-ħidma ta’ informazzjoni u tixrid tal-messaġġ tagħna.

2.         Fl-aħħar Kunsill Ġenerali ma kienx hemm dubju li kellu id fl-għażla tas-suġġett li ġie trattat: “Bix-xogħol insaħħu s-solidarjetà”.  Fid-diskors ta’ l-introduzzjoni tiegħu huwa qal: “Il-Partit Nazzjonalista huwa l-uniku partit fl-istorja politika reċenti ta’ pajjiżna li wettaq u firex fil-prattika l-politika ta’ solidarjetà li ssib is-saħħa tagħha fil-fehmiet bażiċi tagħna bħala partit.”  Dan kollu huwa minnu proprju għax dan il-partit żamm sod fil-bilanċi neċessarji sabiex il-ġustizzja soċjali tibqa’ tirrenja.  Dan però seta’ jsir għax kull amministrazzjoni tagħna żammet ix-xogħol bħala prijorità.

3.         Ix-xogħol u l-valur tiegħu fis-soċjetà għalina huma l-ġebla tax-xewka.  Biss fhimna li dan jista’ jkun verament tajjeb u kostanti jekk inżidu fil-kontenut tad-demokrazija.  Kien hemm sfortunatament żmien meta kienu jgħidulna min-naħa l-oħra tal-Kamra li d-demokrazija mhix importanti, qisha xi ħaġa elitista, mentri l-klassi tal-ħaddiem trid biss ix-xogħol.  L-argument politiku Laburista kien u għadu għal kollox żbaljat.  Id-demokrazija, aktar ma tkun soda, aktar tiggarantixxi l-ekonomija u x-xogħol.  Il-Partit Nazzjonalista jista’ jidher ma’ wħud li huwa mogħti għall-prinċipji demokratiċi żżejjed, però dawn għad iridu jindunaw li huma ċ-ċwievet ta’ suċċess.

4.         Dak kollu li ġie mfassal u mplimentat f’dawn is-snin serva sabiex jiġbed aktar investiment.  Min għandu l-flus mhuwiex lest jeħodhom f’pajjiż fejn ma hemmx demokrazija, ma hemmx stabilità, għax jaf li jkun qiegħed jarmihom.  Anzi, min huwa serju jifhem li jekk kemm-il darba ma jkunx hemm mekkaniżmu effiċjenti li permezz tiegħu d-drittijiet tal-ħaddiema huma effettivament protetti, ma jistax jaħdem tajjeb.  Ħadd fid-dinja ekonomika ma huwa komdu jaħdem fl-industrija, fl-ekonomija jekk ma hemmx imħaddma l-bażi ta’ dak li jissejjaħ “corporate social responsibility”.  Din mhix aktar ħolma lussuża, imma realtà.

5.         Il-Kunsill qiegħed il-lenti fuq id-dinja tax-xogħol għax hemm bżonn.  Hemm lok li nħarsu lejn is-settur, kif qed jaħdem u xi grad ta’ protezzjoni hemm għall-ħaddiem Malti.  Il-Partit Nazzjonalista kien u jibqa’ dejjem impenjat sabiex jassigura li d-drittijiet li huwa ta lil kull settur, iktar u iktar wara d-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea, jitħaddmu u jseħħu fir-realtà.  Din hija tastiera importanti li mhux bi ħsiebna nittraskuraw għax ix-xogħol huwa determinanti għalina lkoll bħala parti vitali tagħna.

6.         Il-memorja tal-Kunsill Ġenerali ġustament tkompli tul is-sena li ġejja.  Is-Segretarju Ġenerali qabad programm li żgur huwa wieħed impenjattiv, però determinanti.  Dan għax partit irid jibqa’ jbaqbaq bl-ideat, b’inizjattivi ġodda u dan jidher ċar li qegħdin fi triqitna li jsir.  Is-seba’ punti li huwa elenka jidħlu fil-fond u hemm bżonn li jsiru, speċjalment dik li hija l-iktar għal qalbu: il-formazzjoni politika.  Fortunatament għalina bqajna partit demokratiku nisrani li m’abbandunax il-prinċipji tiegħu imma ħaddimhom iktar.  Ix-xogħol, id-demokrazija u l-ġustizzja soċjali għandhom valur u taw riżultati għax huma mibnija fuq dawn il-valuri u mhux fuq dawk materjalisti.



 Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Mument tat-30 ta Mejju 2010.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...