22.5.14

Kampanja li fiha wassalna l-issues li qegħdin jeffettwaw lin-nies



Matul din il-kampanja elettorali, il-Partit Nazzjonalista tkellem dwar l-issues li kienu qed jeffettwaw lin-nies fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Tkellimna dwar ix-xogħol u l-problema tal-qgħad, in-nuqqas ta’ bejgħ fil-ħwienet, u s-saħħa u l-problemi tal-iffullar, il-waiting lists u d-diskriminazzjoni fl-għoti tal-mediċini mill-Gvern. Dan għamilnieh għax il-Partit Nazzjonalista qed jagħti l-enerġija kollha tiegħu għal Malta Aħjar. Iżda dawn l-issues injorahom kompletament il-Gvern Laburista u l-Prim Ministru Joseph Muscat.

Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said f’konferenza tal-aħbarijiet fl-aħħar jum tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista stqarr li din kienet elezzjoni diffiċli biex jaffaċċja l-Partit Nazzjonalista, sena biss wara elezzjoni ġenerali li fiha l-Partit Nazzjonalista tilef b’36,000 vot. F’din is-sena l-Partit Nazzjonalista affronta sfidi kbar u diffiċli ħafna, fosthom sfidi amministrattivi u finanzjarji, il-bini mill-ġdid tal-organi u fora politiċi biex il-Partit Nazzjonalista jsir Partit tan-Nies, u żjarat lill-familji u lin-negozji biex nifhmu l-weġgħat u l-preokkupazzjonijiet tan-nies. Għarafna l-iżbalji li għamilna fil-Gvern u llum qed nippreżentaw lilna nfusna quddiem l-elettorat bħala partit mibdul u li qed jitkellem il-lingwa tan-nies, qal Chris Said. 

Ħaġa waħda ma nbidlitx f’din il-kampanja elettorali, qal Chris Said, u din hija l-imħabba li għandu l-Partit Nazzjonalista għal pajjiżna. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista kellu messaġġ pożittiv matul il-kampanja. Kull ġimgħa ta’ din il-kampanja l-Partit Nazzjonalista ressaq proposti konkreti għal Malta Aħjar. Din kienet id-differenza ewlenija bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista, li l-Partit Nazzjonalista ma tkellimx biss iżda poġġa proposti konkreti fuq il-mejda, fosthom:
a. Emendi Kostituzzjonali sabiex negħlbu d-diskriminazzjoni kontra persuni abbażi tad-diżabilità jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom;
b. Emendi Kostituzzjonali biex jiġu rikonoxxuti erba’ drittijiet diġitali ġodda;
c. Mozzjoni fil-Parlament sabiex persuni li jkunu ilhom fuq il-waiting lists għal interventi kirurġiċi jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-Cross Border Healthcare Directive mhux biss biex jagħmlu dan l-intervent barra minn xtutna, iżda wkoll biex jagħmlu l-intervent f’pajjiżna stess fi sptar privat; u
d. Proposti għal setturi ekonomiċi li fihom il-Gvern jista’ jiżviluppa clusters ekonomiċi innovattivi u friski għal pajjiżna, bħas-settur tal-logħob diġitali.

Min-naħa l-oħra din il-kampanja elettorali rat Prim Ministru li huwa kompletament maqtugħ min-nies u minn dak li qed jitkellmu dwaru n-nies. Joseph Muscat ma riedx jitkellem dwar il-problema li kulma jmur qed tikber tal-qgħad li issa żdiedet sabiex hawn kważi 8,000 persuna mingħajr job. Il-Prim Ministru ma jitkellimx dwarha għax hu u l-1,400 persuna li ngħataw job mal-Gvern mhumiex qegħdin iħossu din il-problema. Joseph Muscat ma riedx jitkellem dwar ix-xogħol prekarju, in-nuqqas ta’ flus fil-bwiet tan-nies u n-nuqqas ta’ bejgħ fil-ħwienet. Ma tkellimx dwarha għax kif jista’ jara kulħadd mill-album tar-ritratti li ppubblikajna lbieraħ, in-nies tal-qalba qegħdin igawdu minn kuntratti kbar b’perkaċċi lussużi. Joseph Muscat ma riedx jitkellem dwar id-diskriminazzjoni fl-għoti tal-mediċini tal-Gvern. Tmur fejn tmur in-nies, speċjalment l-anzjani, kollha l-istess kelma: Gvern Laburista daħħal il-politika fl-għoti tal-mediċini wkoll. Mediċini lill-iktar nies vulnerabbli, qal Chris Said. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal li dan huwa kollu sintomu ta’ Prim Ministru li injora lin-nies fl-ewwel sena ta’ din il-leġiżlatura. Joseph Muscat injora lin-nies meta baqa’ għaddej bil-pjan tiegħu li jankra l-periklu billi jaħżen il-gass fuq tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk, u għadna ma nafux xi ffirma l-Gvern Laburista mal-kumpanija ElectroGas. Joseph Muscat injora lin-nies dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza sakemm daħħal lil Malta f’ħajt u iżola lil pajjiżna, biex xorta fl-aħħar kellu jbaxxi rasu u jbiddel il-liġi tliet darbiet, u sal-lum għadu ma ppubblikax il-kuntratt li għamel mal-kumpanija Henley & Partners. Joseph Muscat injora lin-negozji u lill-industrija meta ma ħadimx biżżejjed biex jinnegozja pakkett tajjeb ta’ state aid mal-Kummissjoni Ewropea. Gvern Nazzjonalista baqa’ jsostni l-pożizzjoni mal-Kummissjoni Ewropea sal-aħħar mument filwaqt li Gvern Laburista ma għamel xejn f’erbatax-il xahar. U Joseph Muscat injora lin-nies li ġustament stennew Gvern li jaħdem għas-sewwa billi ħaddan u għannaq lil min instab ħati ta’ reat kriminali: Cyrus Engerer.

Quddiem dan kollu, Chris Said appella biex is-Sibt li ġej il-poplu Malti u Għawdxi jibgħat messaġġ lill-Prim Ministru li pajjiżna jixraqlu aħjar. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-kandidati kollha li qed jikkontestaw f’isem il-Partit Nazzjonalista, li kienu preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista huwa kburi bit-tim ta’ kandidati tiegħu. Dan huwa tim magħqud, tim li kien kompatt u mimli nies kompetenti u b’enerġija biex jaħdmu għal Malta Aħjar. Chris Said temm il-konferenza tal-aħbarijiet billi appella lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex nhar is-Sibt jivvota għall-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...