25.5.14

Imxejna wara sena skorruta.



1.             Illum tul il-ġurnata jibdew joħorġu r-riżultati tal-elezzjoni għall-parlament Ewropew.  Dan m’huwiex ser ikun xi artikolu ta’ trijonf jew daqq ta’ trombi, iżda wieħed ta’ sempliċi riflessjonijiet.  Ħsibijiet fuq partijiet mill-ħidma li saret u d-direzzjoni politika li ġiet meħuda.  L-ispirtu intern fi ħdan il-partit illum huwa indirizzat lejn staġun ġdid.  Wieħed li jibni lilu nnifsu, l-ewwel fuq ħsieb ċar u bażat fuq prinċipji; u t-tieni, li jindirizza ruħu f’azzjoni politika effettiva.  Staġun li għadu fil-bidu tiegħu, għadu qiegħed jinbena waqt li jħares madwaru fil-passat, fil-preżent u fil-futur.

2.             Dan ma kienx eżerċizzju politiku faċli għall-partit.  Bnedmin ġodda jaffrontaw sitwazzjoni li kient kollox barra feliċi.  Partit mimli b’kumplikazzjonijiet u feriti interni u esterni.  Wieħed li għandu telfa elettorali storika kontra tiegħu li ser jibqa’ jsofri l-effetti tagħha għal-leġislatura li għandna.  Mhux biss, imma l-Kap tal-Partit daħal f’siġġu li kien okkupat minn persuni li kellhom forom differenti ta’ popolarità, li ġarrew magħhom ħafna simpatija u kienu diġà ndraw.  Filwaqt li ħaddieħor sab is-sodda lesta u mifruxa u kollox għad-dritt, Simon Busuttil irid jitla’ l-ħin kollu għat-telgħa.

3.             Fil-verità, dan ma jdejjaqni assolutament xejn.  Nippreferi kap ta’ partit li jrid ibagħti biex jirbaħ ‘l-elettorat u li għandu diversi fatturi kontra tiegħu, milli wieħed li dan kollu ma kellux.  Nafu lkoll li kull min kien ser jokkupa l-kariga ta’ mexxej tal-Partit Laburista wara l-elezzjoni tal-2008, u għalhekk it-tielet telfa elettorali, kien ser jirbaħ.  Kien f’ħafna sens immaterjali għalina min ser jokkupa s-siġġu – l-effett kien ser ikun l-istess.  Is-simpatija u l-prova tal-ġdid rarament falliet.  Kellhom dan Eddie Fenech Adami, Alfred Sant u Lawrence Gonzi u għalhekk il-konsegwenzi kienu ċari.  Biss tagħmel, fl-opinjoni tiegħi, differenza min jitbaskat sew, min ikun sofra d-doloruż.

4.             It-telgħa tagħna bdiet u m’aħniex nilludu lilna nfusna – għad fadlilna x’nimxu ‘l quddiem.  Għad fadlilna nifhmu kompletament dak li għaddejna minnu u dak li rridu nippreparaw.  Żgur mhux forsi, fi triqitna ser niġbru iktar esperjenza u nindirizzaw iktar bil-preċiż ruħna fuq dak li hemm bżonn.  Fil-preżent, però, nistgħu naraw dak li f’sena għaddejna minnu u nqabblu ftit ma’ dak li l-partit sab ruħu fih meta kien fi żminijiet oħra fl-oppożizzjoni.  Ngħid dan għax meta wieħed iħares lura jifhem dejjem iktar kemm dan l-appuntament elettorali fil-fatt kien u jibqa’ wieħed salutari għalina.

5.             M’għandniex bżonn nistennew ħames snin biex nibdlu u nirfinaw iktar lilna nfusna għax dan l-appuntament elettorali diġà jagħtina din l-opportunità.  Ngħid dan għax il-partit irid ikompli jersaq iktar lejn iċ-ċentru tal-pożizzjonijiet politiċi anzi ngħid, ftit iktar minn hekk, lejn dawk ċentru xellug.  Preżentement għadna nġorru magħna marka, dell u impressjoni li aħna qegħdin fuq il-lemin.  Pożizzjoni li manifestament m’għandux ikollna.  Iktar u iktar meta nafu lkoll li l-partit, fl-aħħar tibdiliet li għamel fl-istatut, żamm ruħu bħala wieħed demokratiku nisrani.  Dan m’huwiex partit fejn hemm alleanza bejn dawk li ġejjin minn partit ta’ twemmin konservattiv u dawk li ġejjin minn twemmin liberali.  Anqas ma aħna fil-pożizzjoni li kien fiha l-partit komunista Russu fejn l-uffiċjali tiegħu kienu jiġu identifikati mod jew ieħor.  Aħna politiċi naħdmu u nservu f’partit demokristjan.  Min jidħol fi ħdanu jaf li qiegħed jaċċetta dawn il-prinċipji.

6.             L-esperjenza politika tal-partit turi kemm din il-linja politika kienet u tibqa’ dik it-tajba u rebbieħa.  Il-bidla fundamentali li għamlet it-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami minn dik ta’ Ġorġ Borg Olivieri kienet proprju din.  Dik li l-partit iċċaqilqu minn wieħed wisq fuq il-lemin għal wieħed lejn iċ-ċentru.  Ċaqilqitu u biddlet magħha stili u ħidmiet antiki.  Din hija l-lezzjoni bażika li għandna napprezzaw, iktar u iktar meta parti mill-elettorat nisrani kienet qed issib ruħha disorjentata f’min għandha tagħti l-vot u l-preferenza tagħha.  Tul din il-kampanja ltqajt ma’ diversi votanti passati u preżenti tagħna li riedu jifhmu jekk għandniex nagħtu importanza lill-ideali tagħna u, jekk iva, liema kandidat kien iħaddan verament dawn il-valuri nsara.

7.             Hu x’inhu ċert li, kif jiġri f’kull elezzjoni, jkun hemm min jipprova jikkritika l-mod ta’ kif saret il-kampanja elettorali.  Dan wieħed jifhmu, però l-kritika ma hi ġusta xejn.  Il-partit sab ruħu f’diffikultajiet organizzattivi u s-segreterija għamlet sforzi kbar ħafna biex żammet il-vuċi tal-partit tinstemgħa.  Il-kampanja għalhekk ma setgħetx ma tkunx waħda li timxi fuq il-mudelli preċedenti u bil-problema ta’ magna ta’ tixrid ta’ informazjoni li qegħda toħroġ  mill-fosdqa antika tagħha għall-arja u realtà kompletament differenti.  Fiċ-ċirkostanzi, dak li sar kien verament tajjeb.  Ma hemmx dubju però li fis-snin li ġejjin l-affarijiet ser ikomplu jinbidlu.

8.             Il-partit f’dawn l-aħħar xhur mexa pass tajjeb ‘il quddiem.  Ma marx lura, anzi żamm il-pass u beda jirkupra ruħu mal-elettorat tiegħu.  Ma’ kull jum jibqa’ jinqata’ mill-passat.  Jibqa’ jħalli warajh ir-rabja li numru ta’ persuni ġabru għalih fis-snin minħabba diversi fatturi li akkumulaw fi ħmistax-il sena sħaħ fil-Gvern.  Jifhem iktar kemm irid jagħmel id-differenza bejn dak li kien u dak li hu.  Il-ħidma llum mhix biex tiddefendi l-leġislaturi preċedenti, iżda sabiex wieħed jibni: l-ewwel, Oppożizzjoni b’saħħitha; u t-tieni, programm elettorali għal kampanja oħra.  Hu x’inhu, irridu naċċettaw li mxejna wara sena skorruta, però nafu li għad fadlilna x’nimxu.



No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...