12.5.14

Il-liġi u l-poplu



1.         Kien hemm żmien fiċ-ċiviltà tal-bniedem fejn il-liġijiet kienu ftit, jinġabru fi ftit artikoli li ma jaqbżux diversi paġni.  Ma hemmx dubju li kienet il-ħakma ta’ Ruma, l-ewwel repubblikana u wara imperjali, li bidlet din it-tendenza.  Fil-fatt, tant saru liġijiet f’dak il-perjodu li kellhom diffikultà huma stess sabiex jidentifikaw liema waħda tirbaħ fuq l-oħra.  Anzi, l-lejn is-sena 400 wara Sidna Ġesù Krisu qam ukoll il-punt ta’ x’sewwasew tgħid il-liġi.

2.         L-abbundanza ta’ liġijiet li nħarġu f’elf sena ta’ storja wasslu għal konfużjoni.  Liema hija l-liġi li għandha validità, x’inhuwa l-kontenut tagħha u x’interpretazzjoni korretta għandha tingħata?  Saru diversi attentati sabiex il-pożizzjoni tiġi ċċarata u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tkun iktar faċli, però dan baqa’ ma seħħx jekk mhux fir-renju ta’ l-Imperatur Ġustinjanu fis-sena 500.  Proprju minħabba din il-konfużjoni li ġie kompilat dokument uniku magħruf bħala l-Corpus Juris Civilis fejn ġew miġbura l-liġijiet kollha u għalhekk l-ewwel kodifikazzjoni estensiva.

3.         Dak huwa dokument legali li baqa’ dawl għal diversi ġenerazzjonijiet, però l-verità hija li ftit wara l-mewt tal-Imperatur, billi kienu voluminużi iżżejjed spiċċa biex beda jiġi skartat.  Ġie minflku formulat dokument iqsar u li kien għalihom iktar prattiku.  Fil-fatt, din hija lezzjoni li għandha tiftħilna għajnejna meta qisna niġġustifikaw l-eżistenza legali tagħna b’aktar liġijiet.  Għandna nieqfu naħsbu fuq dan fil-Kamra tar-Rappreżentanti tagħna.

4.         Ninnota li nisbni, f’diversi mumenti nara li altru dak li jkun ġie mgħoddi, diskuss u approvat fil-Parlament, u altru dak li huwa magħruf mal-poplu.  Mhux biss mal-pajjiż in ġenerali, imma wkoll fost min jipprattika fil-professjoni legali.  Sfortunatament hemm nuqqas ta’ informazzjoni lil min għandu jibbenefika prinċipalment mil-liġi.  Min l-iktar li għandu raġuni sabiex ikun jaf isib ruħu l-iktar nieqes mill-informazzjoni.

5.         Huwa però minnu li aħna uniċi għax għall-kuntrarju ta’ oħrajn għandna aċċess faċli għall-informazzjoni minn fuq it-teknoloġija moderna.  Il-liġijiet tagħna kollha jinsabu f’forma elettronika li kulħadd jista’ jara u jaqra.  Biss, dan waħdu ma jfissirx li b’daqshekk is-sitwazzjoni hija riżolta.  Il-liġi daqqa miktuba b’sempliċità u daqqa b’kumplikazzjonijiet kbar li anke min ilu jipprattika jsib diffikultà jifhem.  L-aċċess għal-liġi mhux biżżejjed, trid issir spjegazzjoni sempliċi.

6.         Diversi drabi nħares lura lejn numru ta’ liġijiet li saru u nqis kemm u sa fejn ħadmu.  Għalhekk nara bħala pożittiv li dawn b’xi mod niddiskutuhom sija fil-Parlament, kif ukoll fil-pubbliku.  Hemm tara kemm dak li sar jekk effettivament wasalx għand iċ-ċittadin tagħna.  Hemm dmir li naraw, l-ewwel, li nippruvaw inċekknu fil-volumi tal-liġijiet li għandna; it-tieni li nippruvaw inġibu iktar sempliċità fil-kliem użat, u t-tielet li nispjegaw aktar dak li jkun qiegħed isir u li effettivament sar.  Il-liġi ssir sabiex tagħti aktar drittijiet lil dan il-poplu, biex permezz tagħha tikber iktar il-ġustizzja soċjali u għandna nibqgħu għaddejjin sabiex infissru aħjar dak li ġibna fis-seħħ.


 Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Illum tat-30 ta Mejju 2010.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...