12.5.14

Il-ħidma kostanti.



1.         F’dawn ix-xhur f’din il-leġislatura kien hemm min ħaseb li kien ser ikollu quddiemu Gvern li tilef kull ħeġġa li jaħdem.  Il-fatti jindikaw proprju l-kontra.  Hemm għaddejja ħidma intensiva, kostanti, li permezz tagħha qed inkomplu nibdlu dak li għandna fis-soċjetà.  Iddur madwar kull ministeru u ssib fih kwantità kbira ta’ inizjattivi, proġetti u leġislazzjoni li jindikaw bl-aktar mod ċar li l-programm elettorali qiegħed jitwettaq biċċa biċċa.

2.         Ma hemmx dubju li għamilna miri tajba f’dak id-dokument u hu proprju għal dik ir-raġuni li mexjin 'il quddiem.  Din hija fir-realtà l-ħidma t-tajba – dik li permezz tagħha tagħmel il-ġid lill-poplu ta’ dawn il-gżejjer.  Dan huwa poplu li jagħti każ, li jqis, ma jittraskurax dak li jinkiteb mill-partiti politiċi.  Il-programm elettorali tal-2008 fil-fatt irnexxielu jġib fuqu kunsens ġenerali, u kontra dak li seta’ kien mistenni, huwa mimli b’punti validi ta’ sens u sustanza.

3.         Għalhekk nistgħu f’mumenti ningħataw l-impressjoni li s-soċjetà hija maħkuma mill-perċezzjoni, mill-artifiċjali, mis-superfiċjalità.  Meta tiġi għad-deċiżjonijiet importanti tfittex il-verità.  L-eżempju li jiġi f’moħħna huwa dak li rajna jseħħ fl-aħħar appuntament elettorali.  Hemm kien mill-iktar evidenti li l-votant kien qiegħed jisma’ sew u jifli fir-reqqa l-messaġġi u l-programmi elettorali taż-żewġ naħat.  Il-vantaġġ tal-medja sarraf f’dan, konfront ta’ dak il-ħin bejn proposti ta’ naħa u dawk ta’ l-oħra.  U r-riżultat kien li l-pajjiż ma nħakimx minn kliem fieragħ, imma minn dak li jista’ verament jitwettaq.

4.         F’dan il-proċess kien determinanti dak li l-mexxejja politiċi kienu qegħdin jgħidu.  Ma hemmx dubju li l-kliem, l-aġir u d-deċiżjonijiet politiċi li ttieħdu mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi kienu l-bażi li kkonvinċiet lill-elettorat.  Tkellem fuq kollox – l-abjad u l-iswed.  Kull min jafu sew jew sar jafu jagħraf li baqa’ persuna li trid tisma’ dak li huwa għaddej, baqa’ jżomm lilu nnifsu għad-disposizzjoni u baqa’ persuna umli.  Ma rajtx trasformazzjonijiet żbaljati, anzi tul din il-leġislatura huwa ċar u ovvju li kompla jirfina.  Il-pożizzjoni ta’ Prim Ministru ħadd ma jitwieled lest għaliha.  Tikber biċċa biċċa fuqu, mhux biss il-voti imma dejjem jekk għandu t-talenti tajba għall-post.  Hekk ġara lill-President Emeritu Eddie Fenech Adami u hekk lill-Prim Ministru attwali.

5.         L-aħħar diskorsi waqt il-Kunsill Ġenerali wera li dan kollu qiegħed iseħħ fih.  Elenka numru ta’ inizjattivi li qiegħed jaħdem u jwettaq il-Gvern u ta viżjoni ċara ta’ dak li qed nipprospettaw għal dan il-pajjiż.  Kliem li kompla jsostni u jelabora fuqhom nhar il-Ħadd li għadda u li juru li diġà qegħdin naħdmu għal dak li għandna nippreżentaw lill-pajjiż bħala miri li jridu jintlaħqu wara din il-leġislatura.  L-għaqal ta’ mexxej joħroġ mill-fatt li huwa kapaċi jħares 'il quddiem, li jagħmel pjan minn qabel għal dak li ser ikollu jaffronta l-poplu.

6.         Prim Ministru jiġi fdat mill-poplu sabiex imexxih, però żgur mhux forsi, min jiġi magħżul irid ukoll jagħti affidament lil dawk li sejrin jinvestu magħna.  Ħadd ma huwa ser jafda flusu, jibni n-negozju fi Stat fejn min imexxi ma jagħtix affidament, ma jurix li huwa kapaċi jmexxi fil-mewġ qawwi tax-xenarju internazzjonali.  L-istabilità ekonomika, l-paċi fil-pajjiż jiġu għax hemm esperjenza u maturità f’min għandu f’idejh it-tmexxija tal-poplu.  F’min kien kapaċi jifhem li hawn bżonn nidħlu fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona monetarja tal-Ewro.


7.         Mexxej tajjeb jagħraf kif jibdel dak li jidher bħala ikrah f’ġid għall-poplu.  Jiftaħlu għajnejh mingħajr ma jdaħħlu fi kmamar mimlija dlam. Dan jista’ jsir meta jkun hemm ħidma kostanti minn persuni preparati jaffrontaw u mhux jiżgiċċaw jew jippruvaw isolvu l-problemi bil-paroli.  Ta’ dan, f’din il-leġislatura l-Prim Ministru qiegħed juri bil-fatti u bil-provi li rnexxielu jżommna għaddejjin fuq it-triq it-tajba.  Minkejja dak li għaddej minnu ħaddieħor, aħna xorta qed nimxu 'l quddiem.  Ħaddieħor, sfortunatament ma rnexxilux jieħu d-deċiżjonijiet li aħna ħadna taħt id-direzzjoni tiegħu. Direzzjoni bbażata u mmarkata fuq il-ħidma kostanti.

Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Mument tat-3 ta Gunju 2010.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...