2.5.14

L-Għid il-Kbir dejjem speċjali.



1.         It-tradizzjonijiet u l-kultura tagħna huma magħġuna parti sħiħa mar-reliġjon nisranija.  Illum il-Ħadd niċċelebraw l-iktar festa importanti fost dawk li aħna nħaddnu.  Ma hemmx sena meta ma nħossux dan il-messaġġ ta’ sewwa, ta’ verità li l-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu jwasslilna.  Hemm arloġġ intern tagħna li, anzi, qisu ma jħallix il-ġisem, il-moħħ u r-ruħ jaħdmu tajjeb jekk ma tiġix ċelebrata kif għandha.

2.         Ftit huma l-Istati li tarahom preparati bil-purċissjonijiet iduru fit-toroq akkumpanjati mill-ferħ u l-briju tal-baned u tan-nies.  Filgħodu, għall-kuntrarju tal-maġġoranzi ta’ oħrajn, tara l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt fuq l-idejn, il-bogħod mis-solennità, formalità u serjetà qawwija.  Il-vara anzi jiġru biha, persuni li jilbsu komdi preparati għall-attività libera, fost tbissim ġenerali.  Figolli u bajd anqas jonqsu, bl-arċiprieti u l-kappillani varji jbierku huma u jduru man-nies.

3.         Anke jekk hemm min f’dawn il-jiem qiegħed jipprova jattakka lill-Papa Benedittu XVI, xorta l-appoġġ tagħna għas-sewwa hemm jibqa’.  Ma hemmx dubju li hemm min qiegħed jipprova jċekken, iġarrab u joskura l-Knisja Kattolika.  Dan mhux l-ewwel darba u wisq u wisq inqas sejjer ikun, però kif l-esperjenza turi, l-verità tirbaħ.  Tirbaħ għax tifred dak li huwa ħażen minn dak li huwa t-tajjeb, il-verità mill-gidba.  L-imrar imrar jibqa’, però għalhekk qegħdin fid-dinja.

4.         Il-Papa Josef Ratzinger ilu jara minn dan l-imrar kemm ilu li ġie elett.  Ma hemm xejn barra mis-soltu għalih, għalkemm żgur mhux forsi ħadd ma jieħu proprju pjaċir bil-malafama u l-kalunji, però ż-żmien juri li din anzi tagħti iktar saħħa lil min ġie inġustament attakkat.  Il-mument jista’, għal dawk li jiġġudikawh jarawh bħala delikat, biss naħseb li fir-realtà huwa opportun.  Proprju għax ġieh fil-mument tal-Passjoni. 

5.         Sidna Ġesù Kristu għadda minn dan ukoll.  Ħafna qalu ħafna diskors żejjed, gidbu dwaru u mmalafamawh b’kull mezz għad-disposizzjoni tagħhom.  Ir-riżultat kien il-proċess, mewt u qawmien tiegĦu.  Kristu rebaħ, ħareġ rebbieħ fuq dawk li ddeċidew li jattakkawh b’kull mod sabiex jeliminawh.  Illum niċċelebraw dan kollu.  Nifirħu għax rebħet il-verità, rebħet is-sewwa.

6.         Ftit jiem oħra, l-Papa Benedittu XVI ser ikun magħna.  Viżta storika, waħda li għandha tibgħat messaġġ ċar lill-poplu tagħna u minnu lid-dinja.  M’għandix dubju li ser nilqugħ kif ħaqqu u jixraqlu, proprju għax insostnuh fil-ħidma xejn faċli tiegħu.  Id-dinja titlef lilha nfisha tfittex dak li ma jinstabx u minflok tikkundanna dak li għandha f’idejha.  L-Għid il-Kbir nibqgħu niċċelebrawh fil-ferħ u anzi, din is-sena b’iktar, għax daqt ikollna magħna bniedem twajjeb, intelliġenti u qaddis.


Dan l-artikolu deher fil-harga tal-Mument fl-1 ta April 2010.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...