12.5.14

Beda l-ikbar spettaklu.



1.         Fl-istorja taċ-ċiviltà hemm diversi fenomeni li jimmeritaw attenzjoni dettaljata mis-soċjologi, mill-antropologi, mill-psikoloġi u minn dawk kollha li josservaw tajjeb il-bniedem u kif jirreaġixxi.  Għax huwa verament barra mis-soltu li tara kif tnejn u għoxrin persuna, maqsuma f’żewġ naħat ta’ ħdax, jiġru min-naħa għall-oħra ta’ medda art wara ballun.  Kollox jorbot f’kemm naħa jirnexxilha tixħet il-ballun fil-kaxxa tal-lasta tal-ġabra avversarja.  Huwa dan ta’ interess kbir meta tikkonsidra kemm din l-attività sportiva l-ħin kollu qegħda tiġbor persuni warajha, jsegwuha b’passjoni li diffiċli tiddeskrivi.

2.         Nibqa’ meraviljat kif kważi kollox jieqaf fil-pajjiżi diversi.  Kif tul il-logħob li jkun għaddej, il-pajjiż qisu jsib ġustifikazzjoni mill-iktar leġittima sabiex jitlaq minn idejh dak li soltu jagħmel u jinxeħet jara dawn il-partiti għaddejjin.  Tant hemm sens ta’ sewwa u anzi kultura li l-komportament uman għandu jkun dak li, meta jfeġġ xi ħadd li jiddikjara lilu nnifsu estranju għal-logħob, jiġi identifikat bħala stramb u anti-soċjali.  Nara l-ħin kollu bnedmin jirrankaw, jippreparaw ruħhom sabiex għall-ġimgħat li ġejjin jitilqu minn kollox, jabbandunaw lilhom infushom sabiex iqattgħu ħin twil josservaw il-famużi partiti.

3.         Iva, hemm sew x’tistudja sabiex tifhem għala u kif tant bnedmin organizzaw irwieħhom b’mod u manjiera li jġibu l-attenzjoni ta’ kulħadd fuqhom.  'L hekk imsejħa “Tazza tad-Dinja” hija proprju xhieda ta’ dan.  Mument li fih id-dinja tieqaf sabiex tħares lejn din l-attività umana.  Waħda li tiġbed iktar bnedmin sabiex jaraw mhux minn sempliċi viżjoni passiva, iżda waħda li tinvolvihom.  Bnedmin li tarahom jassistu għal dak li jkun għaddej, jeċitaw ruħhom, jidħlu fil-partita daqqa billi jgħaddu kumment mod u daqqa ieħor.  Oħrajn iqumu minn posthom, b’mod eċitat għall-aħħar, apparti dawk li jew jintilfu fid-dwejjaq inkella fil-ferħ ta’ rebħa.

4.         Nifraħ żgur meta nara tant Maltin u Għawdxin jintilfu huma wkoll.  Veru li l-pjaċir li naraw lil pajjiżna jieħu sehem f’dawn l-eventi m’huwiex faċli, imma xorta waħda m’għandux ikun hemm passività, iżda parteċipazzjoni.  Forsi għal uħud din jistgħu jarawha bħala esaġerata u kważi anti-nazzjonali, imma fl-ambjent tagħna hija mill-iktar salutari u tgħin lill-poplu.  Diġà qed jidhru barra d-djar ta’ diversi persuni bnadar ta’ pajjiżi barranin.  Diġà qed jiġru fit-toroq tagħna tfal u żgħażagħ libsin il-kuluri nazzjonali ta’ dawk li qed jipparteċipaw.  Dan kollu huwa tajjeb u anzi nammetti li avolja f’qalbi dejjem inħares lejn li nara lil din l-art ħelwa tipparteċipa, xorta nirrikonoxxi li hemm vantaġġi soċjali x’jittieħdu.

5.         Il-proċess huwa ġenerali.  Forsi proprju għax illum għandna l-possibilità li naraw kull partita u nsegwu dak kollu li huwa għaddej li l-interess kompla jikber, però għandna nammettu wkoll li min imexxi l-pajjiż, il-klassi politika hija wkoll mitlufa f’dan.  Tul dawn l-aħħar ġimgħat sibtni  nisma’ kummenti mill-President tar-Repubblika, mill-Prim Ministru, mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u diversi membri parlamentari oħra fuq dan is-suġġett.  Kollha jiddikjaraw ruħhom li ser isegwu dak li ġej u anzi li qalbhom hemm qegħda, min ma’ naħa u min ma’ oħra.


6.         Il-ballun, iktar ma tqis iktar tara kemm irnexxielu tul dawn l-aħħar snin jevolvi u jinbidel.  Il-logħob sar iktar sofistikat, minn jilgħab sar jiddedika ħajtu f’attività fiżika immirata biss biex jilħaq l-aħjar li ġismu jista’ jagħti.  Hemm iktar interessi finanzjarji u dan, fl-aħħar tal-ġurnata, ser itellef mill-aspett sportiv.  Ser inaqqas mill-valuri sportivi li għandna lkol naħdmu u nżommu.  It-tama tiegħi hija li f’dawn il-jiem ma nitilfux rasna zzejjed u filwaqt li ngawdu l-logħob ma nitilfux minn quddiem għajnejna li dan huwa sport mhux arena tal-gladjaturi.

Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Illum tal-11 ta Gunju 2010.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...