27.5.14

Ħidma barra minn xtutna.



1.         Hemm min jipprova jqis il-piż tal-politika ta’ dan il-pajjiż mid-dimensjoni fiżika tagħna.  Hemm min ma jifhimx li aħna għandna sehem importanti f’dak li huwa għaddej fix-xenarju internazzjonali, Ewropew u Mediterranju.  Hemm minn dawn in-nies li jċekknuna jew għax jarawna hekk, inkella għax għandhom il-ħsieb li jmaqdruna.  L-agħar però huma dawk li qegħdin f’pajjiżna.  Dawk li sfortunatament ma jaħsbux b’mentalità repubblikana u indipendenti u dawk l-oħrajn li jagħżlu li jċekknuna aktar fix-xejn.

2.         L-esperjenza fil-ħajja tagħna fl-Unjoni Ewropea bħala membri sħaħ il-ħin kollu tagħti xhieda ċara li kritika li tista’ ssirilna m’għandha bażi ta’ xejn.  Ma’ kull sitwazzjoni li tqum ġewwa dawk l-istituzzjonijiet demokratiċi ssib lil ministri u rappreżentanti varji ta’ dawn il-Gżejjer jagħtu sehemhom.  Dan billi jagħtu kontribut pożittiv u proattiv biex il-politika Ewropea ma tkunx determinata minn ftit Stati, imma minn kulħadd.  Ir-realtà hija li fix-xenarju sħiħ allura, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dawn il-Gżejjer, qed ninfluwenzaw il-politika Ewropea u mhux sempliċement niġu nfluwenzati jew milquta kif ma rridux, bħala suġġetti passivi.

3.         Fil-jiem li għaddew anzi kien hemm prova mill-iktar ċara li l-inflluwenza Maltija, bid-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea, żdiedet fix-xenarju Mediterranju.  Għal min isegwi, l-kwistjoni bejn l-Istat ġar tagħna l-Libja u l-pajjiż mhux tant imbiegħed l-Isvizzera, kienet qegħda tikkomplika ruħha sew.  Minn pożizzjoni li għall-bidu dehret li setgħet tiġi magħluqa mingħajr ħafna diffikultà, din ittrasformat ruħha f’waħda mill-iktar problemi komplikati li d-diplomazija internazzjonali qatt rat.  Il-pajjiżi dehru li flok kienu qed jaqbdu triq ta’ ftehim kienu qegħdin f’konfront direttissimu, bl-Isvizzera tqiegħed fuq il-lista negattiva tas-sistema Schengen numru ta’ persuni li jiġu mill-Kurunell Muammar Ghaddafi u membri prominenti ta’ l-Istat.

4.         Pajjiżna sab ruħu f’din il-kwistjoni huwa wkoll, b’numru ta’ Maltin jiġu rifjutati l-permess li jidħlu fil-Libja.  Għaddejna minn ġimgħat xejn faċli, però b’xogħol diplomatiku li sar prinċipalment mill-Viċi Prim Ministru u Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin, il-kwisjtoni ġiet solvuta.  F’dawk il-jiem irnexxielna ninvolvu ruħna sabiex dawn il-pajjiżi għalqu pendenza li kienet ilha għaddejja.  Dan għas-sodisfazzjon taż-żewġ naħat, u naturalment tagħna, u għalhekk kollox reġa’ ġie lura għan-normal.

5.         Fil-fatt, l-Isvizzeru Max Goeldi qiegħed issa lura f’pajjiżu wara li għamel dawn l-aħħar sentejn il-ħabs.  Fuq proprju dan ġie ssiġillat ftehim nhar il-Ħadd 13 ta’ Ġunju, li għalih il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien preżenti ġewwa Tripli għal-laqgħa speċjali flimkien mal-Kap tal-Gvern Taljan Silvio Berlusconi u l-Kurunell Muammar Ghaddafi.  Il-ħidma tagħna ħarġet iktar fil-beraħ f’dan il-mument importanti għad-diplomazija Maltija u Ewropea.  Il-marka tal-abbiltà tagħna li niċċaqilqu u nwasslu għall-paċi lil dawk li kienu nqabdu f’wieħed mill-iktar kuntrasti kbar li rajna f’dawn is-snin fuq livell Ewro-Għarbi jidher evidenti.

6.         Kuntrarjament għal dak li ngħad minn dawk li ma fehmux, din il-ħidma setgħet issir b’mod dirett u effettiv għax aħna membri ġewwa l-Unjoni Ewropea.  Dik il-pożizzjoni f’din il-kobba mħabbla sarrafnieha sabiex nuru lil dawk li huma mal-partit tal-kuntrarju li sija aħna ħadna benefiċċju kif ukoll il-ġirien tagħna, b’mod partikolari l-Libja.  Ma’ dan il-pajjiż importanti fil-politika Mediterranja u Afrikana komplejna ssudajna r-rabtiet diplomatiċi tagħna ferm u ferm aqwa minn qabel, proprju għax għandna f’idejna dan il-vantaġġ li huwa favur u mhux kontra l-Mediterran.  U dan mingħajr ma ksira xi linja ta’ ħbiberija mal-Isvizzera li, mhux talli rrikonoxxew ħidmitna, imma terġa’ rajna kontribuzzjoni ta’ miljun u nofs ewro fond minnhom imħallas studji diplomatiċi.  Fl-aħħar tal-ġurnata l-poplu qiegħed jerġa’ jara li bl-għaqal, il-maturità, il-kontinwità u l-attenzjoni tat-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi erġajna, flok ħriġna b’riżultat negattiv, ħadna tnejn pożittivi.


Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Mument tas-27 ta Gunju 2010.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...