10.2.21

WIED IL-GĦAJN – BAJJA TA’ SAN TUMAS – XOGĦOL

18317. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’tip ta’ xogħol qiegħed isir fil-Bajja ta’ San Tumas Wied il-Għajn kemm ilu għaddej u meta huwa previst li jispiċċa?

 19/01/2021

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma l-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid tnejn mit-tliet mollijiet twal tal-Bajja ta’ San Tumas, f’Wied il-Għajn, wara li partijiet minnhom inqerdu bit-tgħawwir tal-baħar u l-maltemp matul is-snin. L-aġenzija qed tibnihom mill-ġdid permezz ta’ proġett ta’ €3 miljun bħala parti mill-impenn tagħha biex ittejjeb il-kwalità tal-infrastruttura fil-portijiet u f’żoni oħrajn mal-kosta f’Malta u Għawdex.

 

Iż-żewġ mollijiet twal mal-50 metru ‘l wieħed tant kienu fi stat imwiegħer li kienu qed jipperikolaw saħħet l-għawwiema, d-dilettanti tas-sajd u tad-dgħajjes u persuni oħrajn li jżuru din il-bajja popolari. Il-periti ta’ Infrastructure Malta ddisinjaw il-mollijiet il-ġodda b’mod li jkunu aktar siguri, b’materjali ta’ kwalità ogħla biex iservu aktar fit-tul.

 

Ix-xogħlijiet bdew f’nofs Awwissu u l-kuntratturi tal-aġenzija bħalissa qegħdin jibnu dawn il-mollijiet bi blokki tal-konkos maħduma minn qabel u strutturi oħra tal-konkos imsaħħaħ bl-azzar li jiffurmaw fuq il-post stess. Bħalma huwa l-każ ta’ kull proġett marittimu ieħor dawn ix-xogħlijiet jiddependu ħafna mit-temp u jkun hemm ġranet fejn il-kundizzjonijiet tat-temp u tal-baħar ma jippermettux li x-xogħol ikompli. F’dawn is-sitwazzjonijiet ix-xogħol ikollu jitwaqqaf sabiex tiġi mħarsa saħħet il-ħaddiema u l-ambjent marittimu tal-inħawi. Kemm-il darba t-temp jippermetti, x-xogħlijiet kollha huma skedati li jitlestew sas-sajf. Aktar tard din is-sena, wara li jitlesta x-xogħol attwali, Infrastructur Malta ser ittejjeb ukoll it-tielet moll li tħalla miftuħ għall-użu tas-sajjieda u nies oħrajn Ii jagħmlu użu miż-żona kif ukoll strutturi oħrajn fl-istess bajja, fosthom il-mollijiet u l-iskali li hemm biswit il-mollijiet il-ġodda, li wkoll jeħtieġu tiswijiet kbar.

 

Infrastructure Malta bħalissa qed tlesti wkoll proġett ieħor ta’ €840,000 biex tibni mill-ġdid żewġ mollijiet fiż-żona taż-Żonqor fil-Bajja ta’ Wied il-Għajn, fl-istess lokalità. Partijiet minn dawn il-mollijiet u l-mogħdijiet għall-aċċess tagħhom kienu ċedew wara li ttieklu mill-elementi u tħallew mitluqin għal żmien twil.

 

It-taqsima marittima ta’ Infrastructure Malta għadha kemm lestiet il-bini ta’ breakwater ġdid fil-Ponta tal-Qrejten, investiment ta’ €4 miljun biex ikennen il-Port ta’ Marsaxlokk u x-xtajtiet tal-madwar. Bħalissa qed twettaq investimenti oħrajn kbar madwar il-kosta f’Malta u Għawdex. Fuq ix-xaqliba l-oħra tal-Port ta’ Marsaxlokk, l-aġenzija qed ittejjeb il-puntuni fl-inħawi tal-Magħluq. Qed tagħmel ukoll studji preliminari biex tagħraf l-aħjar post u t-tip ta’ struttura li tista’ ssir fl-inħawi taħt Delimara, biex tkennen din in naħa tax-xatt ta’ Marsaxlokk ukoll.

 

Fil-ġimgħat li ġejjin ser ikun lest ukoll il-proġett ta’ €6 miljun għall-bini mill-ġdid tal-mollijiet, l-iskali u l-puntuni li jużaw is-sajjieda fil-Menqa tal-Port tal-Imġarr, Għawdex. Proġett ieħor li għaddej bħalissa huwa l-faċilitajiet ġodda għall-passiġġieri tat-trasport bil-lanċa f’Tas-Sliema u f’Bormla. Infrastructure Malta qed tagħmel ukoll tiswijiet u tibni mill-ġdid ta’ mollijiet oħrajn f’Delimara u ċ-Ċirkewwa.

 

Lejn l-aħħar tal-2020, l-aġenzija bdiet ukoll il-Grand Harbour Clean Air Project, investiment ta’ €49.9 miljun li jinkludi l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa biex twassal is-servizz tal-elettriku lill-vapuri tal-passiġġieri (cruise liners) u dawk li jġorru merkanzija (Ro-Ro vessels) waqt li jkunu ankrati fil-port.  Dan l-investiment se jnaqqas b’aktar minn 90% t-tniġġis tal-arja li jikkaġunaw dawn il-bastimenti f’Malta.

 

Proġetti marittimi oħrajn jinkludu l-bini mill-ġdid tal-mollijiet fl-inħawi tat-Toqba (Sally Port), il-Birgu, kif ukoll l-introduzzjoni t’aktar faċilitajiet ġodda għall-passiġġieri tat-trasport bil-lanċa biex testendi dan il-mezz alternattiv ta’ vjaġġar lejn lokalitajiet oħrajn mal-kosta f’Malta.

 

Seduta  424

03/02/2021

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...