10.2.21

Il-każ favur il-ktieb


 

 

1.    Nammetti li għandi nteress.  Kif inhuwa ċar għalikom, nikkunsidra l-ktieb bħala ħabib.  Tul ħajti, sa issa, żammejt lili nnifsi nixtri, nissellef biex naqra.  Nemmen li l-qari huwa neċessarju għal kull persuna.  Huwa parti mill-proċess li kull bniedem għandu bżonn sabiex jifhem iktar.  Proċess ta’ żvilupp, riċerka, tagħlim u ta’ demokratizzazzjoni.  Proċess ta’ progress u ġustizzja soċjali.  Nemmen li, anzi, l-Istat għandu dmir mhux li jimponi, imma anzi, b’miżuri intelliġenti, li jħajjar li jkun hemm iktar li jaqraw.  Li jkun hemm iktar inċentivi biex persuni ta’ etajiet varji jixtru, kif ukoll jissellfu kotba mil-libreriji pubbliċi varji tagħna.  Hemm sfidi ġodda li qed joħorġu, u li għandna nżommu quddiemna tul din is-sena.  Uħud huma qawwija.

 Il-ktieb huwa l-ġebla tax-xewka

 2.     Il-kotba, jingħad x’jingħad, u bit-teknoloġija moderna magħna, xorta jibqgħu strumenti ta’ bidla li ma jistgħux jiġu sostituti.  Jibqgħu l-ġebla tax-xewka ta’ kull soċjetà avvanzata jew li trid tavvanza ruħha.  Mexxejja varji fil-pasat kienu jaraw li l-ġabra ta’ kotba f’libreriji, biblijoteki hija parti essenzjali minn ħidmithom.  Ħafna kienu jaraw danm bħala protezzjoni tal-għerf, u fl-istess ħin assigurazzjoni li wieħed qed jippriserva patrimonju.  Għad għandna, fortunatament, patrimonju nazzjonali li huwa miftuħ għall-poplu.  Hemm wirt ta’ kotba li wħud jafu bihom u mhux ħafna jmorru jisfoljawhom. 

 

Għaqal passat

 3.     F’dan, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar nidentifika din l-imħabba għall-kotba u l-qari bħala kwalità neċessarja għall-persuna fis-soċjetà u fis-servizz politiku.  Minn dak li qrajt f’ħajjet mexxejja li wettqu l-ġid lill-poplu bnejt l-opinjoni li kull min imexxi pajjiż għandu jkollu fih l-imħabba għall-qari u għall-kotba.  Għandu jkun huwa stess promotur qawwi tat-tixrid tal-kelma miktuba.  Promotur ta’ politika li tagħraf bħala bżonn speċjali li dan jiġi assigurat.  Li, f’linja inter-ġenerazzjonali, dan iseħħ.  Speċjalment fost dawk li għadhom fil-bankijiet tal-iskola.  Ir-rabta tal-ktieb bħala ċavetta, għodda fil-ħajja, trid tiġi ndirizzata bħala prijorità nazzjonali.  Waħda li ssib ruħha dibattuta u fiċ-ċentru tal-attenzjoni ta’ diversi.  Irid jikber l-għarfien li ma naqrawx biżżejjed u li għandna bżonn naqraw ferm iktar.

 

Pandemija

 

4.     Ċertament, fil-perjodu li għaddejjin minnu, wieħed irid jara kif, u b’liema mod, jista’ jwettaq dan kollu.  Mid-domandi parlamentari li saru jidher ċar li, f’kull lokalità ta’ pajjiżna, dawk li jissellfu l-kotba naqsu.  Naqsu wkoll dawk li ħassew il-bżonn li jixtru.  Żdiedu però dawk li jaqraw ‘l hekk imsejħa ‘e-books’.  Pass importanti fih innifsu, imma li ma ġiebx sostituzzjoni jew bilanċ, fis-sens li dak li ntilef minn naħa ma nġabarx f’oħra.  Hemm żgur l-aspett pożittiv li dan il-mezz ser jaqbad iktar.  Biss, anki hawn, nitkellmu fuq livell ta’ Unjoni Ewropea dwar il-bini ta’ Soċjetà Diġitali u nħarsu iktar lejn l-ekonomija mingħajr ma nħarsu lejn il-kotba.

 

Brexit

 

5.     Proprju fuq dan qed nara li vittma innoċenti tal-ħruġ tal-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ser ikun ix-xiri ‘online’ ta’ kotba minn siti li jiġu wżati sew minn dawk li jħobbu l-kotba.  Għadni ma qrajtx id-dokument sħiħ tal-ftehim li sar bejn iż-żewġ naħat.  Biss, ma nistax nifhem kif proprju fuq il-ktieb għandu jidħol lura mill-ġdid il-ħlas tad-dazju u taxxi oħra varji.  Jekk dan huwa korrett, jindika nuqqas fil-prijoritajiet Ewropej.  Il-kotba għandu jkollhom tixrid liberu u mingħajr ħlas ta’ spejjeż u taxxi inutili.  Pajjiżna, fortunatament, mexa fuq dik id-direzzjoni taħt gvernijiet passati u m’għandniex immorru lura minnha.  Anzi, għandna naraw li nżommu dan il-mezz ta’ kif il-bnedmin jixtru l-kotba f’dawn il-gżejjer tagħna.

 

Oliver Friggieri

 

6.     Iktar u iktar meta l-pajjiż waqaf u, bi qbil ġenerali, ftakar fil-memorja ta’ persuna li xerred din il-linja fil-ħajja tiegħu.  Waqafna biex nikkommemorawh.  Għamilna dan għax huwa rikonoxxut nazzjonalment li t-timbru tal-influwenza tiegħu fuqna ġejja mill-ideat li huwa ħa ħsieb jikteb f’kotba varji.  Bniedem ta’ ġentilezza, intelliġenza u għerf li ħalla biċċa minnu nnifsu f’oħrajn.  M’għandniex, għalhekk, immorru kontra-sens, u flok nissudaw din id-direzzjoni mmorru lura minnha.  Pajjiżna għandu juri b’iktar saħħa li japprezza l-bniedem li jaqra w jikteb, li jqisu bħala marka determinanti ta’ soċjetà ċivilizzata.

 

Inizjattivi

 

7.     F’dan kollu ngħid li kull Gvern f’dan il-pajjiż tagħna għandu jinvesti aktar f’din il-linja.  Għandu jħajjar lejn iktar xiri, jew tislif u qari tal-kotba.  F’dan m’għandniex nitilfu l-appuntament preżenti.  M’għandniex noqogħdu lura milli mmexxu politika li fiha l-pajjiż, bħal ma bagħat ‘vouchers’ biex wieħed jonfoq fuq ħwejjeġ varji, ikollu waħda speċjali fuq il-kotba.  Hemm bżonn li, f’dan il-mument, ninvestu fuq il-ktieb f’idejn il-bniedem.  Huwa, għalija, parti sħiħa minn dritt ċivili u fundamentali.  Proċess li fih nassiguraw li ngħinu lil diversi Maltin li baqgħu, fis-sagrifiċċju u l-kuraġġ tagħhom, jippubblikaw u jistampaw il-kotba.  Nassiguraw li nżommu l-ħwienet tal-kotba miftuħa u għaddejja.  Proprju għalhekk li nressaq għall-ġudizzju tagħkom il-każ tiegħi favur il-ktieb.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...