14.2.21

BORMLA – TRIQ L-ORATORJU – XOGĦLIJIET

 


18180. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’xogħlijiet qed isiru fi Triq l-Oratorju f’Bormla, meta ser ikunu konklużi u kemm ser jintefaq?

 

13/01/2021

 

  ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.

 

Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.

 

Fil-ftit zmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn. Fil-lokalità ta’ Bormla diġà bniet mill-ġdid Triq Alessandra, Triq San Ġorġ, Triq il-Pellegrinaġġ u Triq l-Iljun. Waqt li bħalissa qed issir Triq l-Oratorju, diġà hemm ippjanati biex fix-xhur li ġejjin jinbdew ukoll Triq San Franġisk, Triq Santa Margerita, Triq Ċetta Mintoff u Triq Wiġi Rosato.

 

L-istima preliminari tax-xogħlijiet fit-triq indikata hija ta’ €403,888 bla VAT u dawn jikkonsistu fi bdil tas-servizzi taħt l-art partikolarment dak tal-ilma, bini mill-ġdid ta’ partijiet mill-bankini, tisħiħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid lit-triq b’diversi kisjiet t’asfalt.

 

Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

 

Seduta  421

27/01/2021

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...