24.2.21

Emerġenza u riforma

1.    L-emerġenzi li l-pandemija ġiebet magħha ser iwasslu wkoll, neċessarjament, għal numru ta’ riformi.  Bidliet li jistgħu jitwieldu biss, u fit-triq tal-proċess ta’ neċessità, u jistgħu jkunu aqwa jekk ippjanati tajjeb.  Kemm dan qiegħed isir f’pajjiżna, għad irridu naraw.  Il-politika preżenti tal-Gvern tindika esternament li hija iktar indirizzata lejn li nkunu lura għal dak li konna.  Imma r-realtà ser tkun waħda differenti, u nafu.  Nagħrfu li hemm żewġ passi ta’ identifikazzjoni: l-ewwel ta’ fejn iridu jsiru l-bidliet; u t-tieni, ta’ x’għandhom ikunu fil-kontenut dawk li jagħtu direzzjonijiet ġodda.  Hemm forzi ta’ konservazzjoni li qed iżommu lura progress li ser jitlob minna ferm iktar li jsir.

 

Influwenzi

 

2.    Għandu raġun il-politiku Demokristjan Taljan Bruno Tabacci, li riċentement kiteb li Mario Draghi għandu ħafna sens politiku.  Il-persuna li tul dawn l-aħħar ġimgħat ifforma gvern ġdid fl-Italja, u li ġieb ukoll l-approvazzjoni tas-Senat u l-Parlament, huwa veteran.  Ta’ erbgħa u sebgħin sena ntagħżel biex f’mument ta’ emerġenza jċaqlaq il-pajjiż lejn proċess ta’ riformi.  Dak li ser isir f’dak il-poplu tul is-snin li ġejjin jimmerita attenzjoni għax ser ikun ta’ influwenza fuqna.  Tajjeb li naraw dak li beda għaddej.  Tajjeb iktar li nifhmu lejn fejn ser jinvestu u fejn ser jagħtu l-impenn tagħhom.  Ma’ dan, ċertament aktar fejn ser ikun hemm bidliet wara l-emerġenza.

 

Valuri

 

3.    Draghi jirrappreżenta ideat ċari.  Valuri li mhumiex bażati fuq il-kunċett li l-bniedem huwa biss għodda ekonomika.  Viżjoni li ma tħarisx lejn il-persuna umana bħala individwu li huwa suġġett għall-poter tal-flus jew tal-iżvilupp industrijali.  Meta tisma’ dak li jgħid u taqra dak li jikteb tinduna li fil-kunċetti tiegħu huwa iktar personalista milli f’ ‘l hekk imsejjaħ ‘ekonomiżmu’.  Huwa iktar bażat fuq il-prekonċett li wieħed irid jirrispetta l-oriġinalità ta’ kull bniedem.  Il-kreattività tiegħu, l-ideat partikolari tiegħu.  L-għarfien li kull persuna twieldet bi skop u għandu jkollha soċjetà li tassiguralha l-libertà li twettaq dan.  Mhux waħda formali, imma direttament parteċipattiva.  Mhux waħda li twassal għall-egoiżmu, diviżjoni, iżolament lejn forma ta’ kompetizzjoni ta’ kull persuna kontra l-oħra.  Imma, aqwa minn hekk, hemm viżjoni li tħares li tipproteġi u tassigura żvilupp.  Li tipproteġi, fil-miżuri li jittieħdu, valuri sodi u fundamentali li servewna fis-sekli.

 

Diskors

 

4.    Dan għalina għandu jkollu iktar rilevanza.  Għax huwa persuna ffurmata u mbaskta f’esperjenza umana u ekonomika twila.  Il-pariri tiegħu ntalbu minn diversi mexxejja, kif inhuwa magħruf.  U jrid jingħad li f’dawn l-aħħar snin, kien fattur determinanti ta’ stabilità fl-Unjoni Ewropea.  Dan huwa iktar rilevanti għalina llum.  Dan iktar fil-kuntest li ż-żewġ pajjiżi għandhom l-istrateġija medika tagħhom.  Hemm, bażikament, l-istess direzzjoni.  Il-bżonn li kull ċittadin jingħata t-tilqima neċessarja, u malajr.  Din issa hija prijorità nazzjonali komuni.  Imma, wara, hemm iktar.  Dan għax il-proċessi li jwasslu lejn it-tkattir tal-ġid komuni u tal-iżvilupp soċjali u kulturali futur jiddependi minn kemm dan kollu ser isir tajjeb.  Jiddependi mill-pjan li għandu jsir issa.  Jiddependi fuq il-linji ta’ strateġija li jridu jiġu meħuda.  U dawk li setgħu jisimgħu lil Mario Draghi tul il-ġimgħa jindirizza liż-żewġ Kmamar fehmu li għandu ideat ċari fuq dan.  Mhux biss, imma li beda l-proċess sabiex il-maġġoranza qawwija tal-forzi politiċi jingħaqdu biex iqegħdu l-pedamenti tal-bidla maqbula.

 

Next Generation EU

 

5.    Mertu tal-esperjenza li ġabar tul dawn is-snin jaf aħjar fejn wieħed għandu jinvesti mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.  Li jsir dak kollu possibbli mingħajr ma wieħed jitlef iktar ħin sabiex il-ġenerazzjonijiet li ġejjin ikollhom opportunitajiet iktar aħjar.  Fl-għarfien li l-pajjiż għandu ħafna potenzjal, kif iddikjara: “Siamo una grande potenza economica e culturale”, jista’ jħares ‘il quddiem.  Iħares lejn demokrazija iktar soda u li hija rappreżentattiva tal-poplu.  Waħda li tifhem iktar il-problemi soċjali li l-pajjiż qiegħed imiss magħhom illum u dawk li ser ikun hemm fis-snin li ġejjin.  Pajjiżna għandu wkoll jappreza li jiddependi indirettament fuq kemm dan ser isir tajjeb minnhom.  Jifhem ukoll fejn ser jonfqu “flus l-Ewropa”, biex jara jekk jistax jieħu iktar valur fl-infiq tiegħu, ta’ dak li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu.

 

Konverġenza

 

6.    Hemm f’dan ukoll lezzjoni politika fil-bżonn ta’ konverġenza.  Dak li tressaq bħala forma ta’ ‘falliment politiku’ qiegħed jirriżulta f’linja kompletament opposta.  Il-ħsieb li l-pajjiż qiegħed f’tant diffikultà, “emerġenza”, wassal sabiex jerġa’ jkun hemm il-proċess li l-Italja rat wara l-aħħar Gwerra Dinjija.  Wieħed li iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar wieħed jirrealizza li l-ħsara saret min-Nażi-Faxxiżmu għadha żżomm lura diversi soċjetajiet.  Dak li ntefaq fi proċess ta’ distruzzjoni huwa rriversibbli.  Biss, il-bniedem irid, fil-kreattività tiegħu, jipprova jibni mill-ġdid.  Proprju għalhekk li qed naraw mill-ġdid partiti b’ideat li huma irrikonċiljabbli jaslu biex jiftehmu fuq programm ta’ ħidma futura.

 

Pajjiżna

 

7.    Fil-programm Draghi, fost id-diversi oħrajn ninnutaw li t-Turiżmu qiegħed jingħata mill-ġdid prijorità nazzjonali.  Pass li jitlob riflessjoni ikbar mingħandna.  Għax jekk pajjiż sinjur fl-arti u l-kultura qiegħed jara l-bżonn li jaħseb mill-ġdid fuq kif ser jaħdem is-settur turistiku, aktar u aktar għandna aħna nwettqu dan.  Proprju għalhekk li għandna nifhmu iktar kemm fit-tkabbir futur, fid-dimensjonijiet tiegħu ser jiddependi ħafna minna f’daqqa.  L-Gvern qiegħed jagħddi bil-ħsieb li m’għandux bżonn jikkonsulta, jew jaqbel mal-Oppożizzjoni.  Hemm l-iżvilupp kontinwu u konservattiv, fejn kull parti qegħda tindika dak li taħseb, bil-konsegwenza li dak li jgħid il-partit fil-poter irid jiġi mplimentat mingħajr djalogu.  Dan jista’ jkollu xi forma ta’ vantaġġ politiku partiġġjan preżenti, imma ċertament mhux wieħed nazzjonali.  Pajjiżna għandu bżonn miżuri ta’ riforma.

 

Opportunità

 

8.    Għandu bżonn iktar li l-prinċipji li jiggwidawh, fihom ikunu marbuta mal-affermazzjoni tal-bniedem.  Minflok qiegħed jitmexxa iktar lejn ideat strambi ta’ ‘kapitaliżmu’.  Dan huwa żbaljat.  Pajjiżna għandu bżonn li jaffronta l-emerġenza li għandu quddiemu billi jibni programm ta’ riformi li fihom ikun hemm qbil politiku parlamentari.  Li jkunu miftuħa fi proċess ta’ diskussjoni nazzjonali.  Jekk dan jibqa’ ma jsirx, din tkun okkażjoni mitlufa, u jista’ jkun ukoll li jkun diffiċli ħafna li tirkupraha lura iktar ‘il quddiem.  Ir-realtà soċjali ekonomika u politika hemm hija.  Kemm aħna kapaċi nifhmuha hija ħaġa oħra.  Ċertament, però, għandna bżonn numru ta’ riformi li jridu jsiru.

 

 

 

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...