9.2.21

Il-passi fil-progress soċjali

 1.    Daqt ser inkunu għalaqna sena.  Daqt sena ser tkun għaddiet b’din is-soċjetà tgħix u tikkumbatti lura l-kefrija tal-pandemija.  Rajna ħafna quddiemna.  Kien hemm reazzjonijiet varji.  Drabi ngħalaqna.  Oħrajn ippruvajna nimxu b’kawtela li ma ġietx osservata minn xi wħud.  Drabi wkoll ippruvajna nsolvu l-isfidi tal-ħlasijiet varji lill-kategoriji differenti fid-dinja tax-xogħol.  Kemm qed jirnexxielna nżommu l-affarijiet f’pożizzjoni li nistgħu nibdew lura hija ħaġa oħra.  Ċertament, kunsiderazzjoni li rridu nieħdu iktar ‘il quddiem.  Naraw, fil-fatt, jekk utilizzajniex sewwa dan il-perjodu differenti.

 Normalità

 2.    Nisimgħu ħafna dwar il-bżonn ta’ forma ta’ normalità.  Inkitbu artikli varji dwar dan.  Diversi qegħdin, ġustament, iwissu li dak li kien hemm qabel Frar tal-2020 ma jistax jinġieb lura.  Iż-żminijiet inbidlu sew.  Diversi fatturi qegħdin, biċċa biċċa, jimpustaw ruħhom b’mod differenti.  Min kellu vantaġġ jew forma ta’ dominanza fis-settur tiegħu, illum ser jibda, jekk ikollu l-ispazju neċessarju, lura mill-ġdid.  Oħrajn li kienu lura, sabu ruħhom quddiem.  Is-soċjetà qed tinbidel.  Mhux il-valuri tagħha.  Dawk jidher li ġew misjuba mill-ġdid.  Forsi, iktar preċiż, qed isibu min ifittixhom biex jiskoprihom.

 Soċjetà differenti

 3.    L-opportunità hija, f’ħafna, unika għalina.  Però, kemm qegħdin neħduha, għandi dubju.  Dan jista’ jkun mument ta’ konsolidament.  Jista’ jkun li jkun iktar mument ta’ progress soċjali u kulturali.  Għarfien sewwa tas-soċjetà li għexna fiha u direzzjoni lejn waħda li hija iktar umana u inqas, ferm inqas, materjalista.  Inbiddlu iktar li l-Istat huwa biss l-ekonomija.  Inneħħu l-ideat żbaljati li l-bniedem huwa biss strument temporanju għall-materjaliżmu ta’ l-agħar forom ta’ kapitaliżmu.  Il-mument, illum, huwa ta’ riflessjoni u preparazzjoni.  Sejħa sabiex dawk li, huma fejn huma fis-soċjetà, jikkontribwixxu għalih.  Għandna bżonn soċjetà differenti, li tħares li tipproteġi iktar lilha nfisha u ‘l-valuri li sawwruha.

 Ġustizzja soċjali

 4.    Parti essenzjali mis-suċċess veru, u mhux apparenti tagħna bħala soċjetà, ġej proprju mill-għarfien u l-konverġenza ta’ punti vitali fuq il-bżonn ta’ stat soċjali.  Jekk inħarsu lura tul dawn l-aħħar għoxrin sena, jista’ jkun li tajna iktar importanza lil pożizzjonijiet oħra.  Naqqasna l-messaġġ politiku, soċjali u kulturali, li huma l-ideat u mhux il-mekkaniżmi tas-suq li jsarrfu f’suċċess. Il-kunċetti li soċjetà trid timxi magħhom ma jistgħux jibqgħu determinati mill-manwali tal-‘management’.  Hemm ferm iktar li diversi bnedmin li għamlu isem fid-dinja ekonomika wrew u rrikonoxxew.  Il-fattur uman jibqa’ l-ġebla tax-xewka tagħna.  Il-bżonnijiet tiegħu jibqgħu dawk li għandhom jiddeterminaw dak li l-linja varja u mħallta ta’ produzzjoni titlob.

 Programm politiku

 5.    Din hija okkażjoni ġdida li qed tippreżenta ruħha għalina.  Għalina bħala soċjetà fit-tastieri sħaħ tagħha.  Għalina li nisimgħu l-vuċijiet varji fis-soċjetà.  Għalina li ngħaddu mill-eżami elettorali, li minnu l-elettorat jagħżel biex nirrappreżentawh.  Għalina iktar fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.  Il-bażi, il-pedamenti tal-partit hemm min qiegħed jipprova jibdilhom.  Dan huwa, u sa issa baqa’ partit Demokratiku Kristjan.  Min jidħol fih, min jipparteċipa fih għandu jagħraf dak li aħna, dak li daħal fih.  Il-partit mhuwiex, kif żbaljatament qed jingħad, wieħed li m’għandux ideat jew pedament omoġenju.  Hemm kwalitajiet essenzjali li, isir xi jsir, hemm jibqg

u.  Anki min jipprova jibdel il-bażi tal-partit, jerġa’ jġibu lura għall-ordni oriġinali tiegħu.

 Faċċati jew tastieri

 6.    Il-persuni li jirrappreżentaw ‘l-elettorat tal-partit għandhom il-kwalitajiet tagħhom.  Għandhom it-talenti u l-prijoritajiet tagħhom.  Dan huwa parti minn proċess ta’ kull żmien fl-istorja tiegħu.  Huma faċċati u tastieri individwali.  Imma dan ma jfissirx li l-partit ma baqax wieħed li jifhem l-importanza tal-patrijottiżmu u li jibbaża l-programm ta’ ħidmietu fi ħdan id-duttrina soċjali.  Il-partit, minnu nnifsu, huwa wieħed taċ-ċentru.  Wieħed li huwa moderat, u jrid jibdel biex jassigura iktar progress soċjali.  Mhuwiex wieħed tal-liberaliżmu tax-xellug, jew tal-lemin.  Anqas huwa wieħed konservattiv.  Mhuwiex partit tal-lemin, imma kif turi l-istorja fis-suċċess, partit taċ-ċentru li jimxi lejn ix-xellug.

 

Għarfu dan

 7.    Jekk wieħed imur lura, jara li l-Partit Laburista dan li rnexxielu jwettaq fl-aħħar żewġ appuntamenti elettorali.  Segwa dak li l-partit tagħna kien mexa fih.  Segwa wkoll dak li persuni bħall-ex Prim Ministru Ngliż Tony Blair wettaq.  Fis-sens li kien eżempju ta’ suċċess li seta’ jiġi segwit u aċċettat.  Kien hemm abbandun tax-xellug, l-iktar xellug li miegħu l-ex Prim Ministru Alfred Sant kien assoċjat sabiex daħal fiċ-ċentru.  Pożizzjoni li okkupa, u għadu, f’dan il-mument partikolari.  Kemm ser jibqa’ f’dan hija ħaġa oħra.  Iktar u iktar illum li qiegħed jaqbad it-triq żbaljata li jaħseb li t-teknokrazija politika hija superjuri, jew soluzzjoni, għall-politika tal-poplu.

 

Kultura politika

 8.    L-ideat jiffurmaw ruħhom fil-bniedem u bid-diskussjoni.  Iktar u iktar meta għandhom il-vantaġġ li jistgħu jaraw u jifhmu l-lezzjonijiet tal-passat.  Poplu li jinsa l-passat tiegħu jkun qiegħed jaġixxi kontra t-tessut demokratiku tiegħu.  Meta ninsew l-istorja, inevitabilment jerġgħu jsiru l-iżbalji li saru qabel.  Kienu x’kienu l-ideat politiċi ta’ oħrajn hemm, għall-vantaġġ tagħna, żewġ fatturi.  L-ewwel: ir-riżultat tagħhom, jiġifieri ta’ suċċess jew diżastri.  It-tieni: l-għarbiel u l-analiżi tagħhom minn bnedmin varji li kitbu dwarhom.  Il-politika t-tajba tiddependi minn dan l-għarbiel.  Tiddependi mill-paċenzja u sabar li wieħed jifhem sewwa.  Min jaħseb li huwa tant mimli ideat li għandu s-‘soluzzjonijiet ġodda’ u m’għandux bżonn lezzjonijiet, jiżbalja.

 

Suppervji varji

 9.    Hemm kultura politika li trid tiġi kultivata, mhux abbandunata, jekk irridu nħarsu li jkollna progress ġdid għas-soċjetà tagħna.  Ninnota wisq protagoniżmu reazzjonarju.  Wisq persuni li jaħsbu li jgħaddu mingħajr ma jippreparaw ruħhom.  Jew li jrid juri li min jipprepara ruħu huwa fil-passat, mentri huwa qiegħed fil-preżent għax m’għandux bżonn ‘lezzjonijiet’.  Jaf kollox diġà, u għalhekk m’għandux bżonn jisma’ jew jaqra.  Hawn forom varji ta’ suppervji li qed jieħdu f’idejhom il-mazz.  Is-suppervja qegħda, imma m’għadhiex postha fil-politika.  L-umiltà hija l-element essenzjali li jwassal verament għas-suċċess.  Proprju għalhekk li fiż-żmien li aħna fl-Oppożizzjoni, irridu nagħrfu iktar dawn il-lezzjonijiet.  Irridu nagħtuhom iktar importanza fil-kuntrast li qed jiżviluppa jum wara jum.  Dan għax għandna dmir naħdmu f’passi fil-progress soċjali tagħna.

 

 

 

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...