24.10.18

Beda jsir l-argument



1.    Drajna llum il-passi li l-Gvern jieħu biex iressaq l-ideat tiegħu.  Drajna nsegwu l-metodu u t-toroq li jieħu qabel ma jressaq ħsieb jew linja politika.  Drajna naqraw il-kitba ta’ ġurnalist jew ieħor f’gazzetti partikolari li jmexxu l-aġenda tal-amministrazzjoni.  L-aħbarijiet tista’ tfittixihom, tista’ tarahom iseħħu quddiemek, inkella tista’ tkun int li tibdihom.  L-“aħbar’ tkun dak li ħaddieħor irid iressaqlek biex tibda tħares u taħseb.  Nafu li, ħafna drabi, dan il-Gvern immexxi minn dan il-Kabinett jixħet il-ħsieb biex l-ewwel jara kif ser tintlaqa’, u wara jipprova jaċċerta billi jkollu lil dak jew lill-ieħor iċempel biex jara l-opinion polls.

Għal dawk li jifilħu jħallsu

2.    Din il-ġimgħa, proprju f’nofsha, gazzetta minnhom ħarġet bl-argument li għalkemm qed inżidu fl-ispiża fl-edukazzjoni, skont l-istess ma hemmx riżultati tajbin.  Nifhem il-ħsieb li dan il-Partit Nazzjonalista ilu snin jikkumbatti.  Ħsieb elitista, liberali, li jibbaża ruħu fuq il-linja li aċċess għall-edukazzjoni m’għandux ikun għal kulħadd.  Ikun aċċessibbli biss għal dawk li jifilħu jħallsu.  Dan fuq il-premessa li l-Istat m’għandux iħallas għal kull student.  Għax għal dawn il-persuni wieħed ikun qiegħed jaħli l-flus.  Dan, bħala partit dejjem ikkunsidrajnih bħala argument mill-iktar żbaljat.  U sewwa għamilna u sewwa nibqgħu nagħmlu.

Iktar mhux inqas studenti

3.    Minn dan l-artikolu, l-editur jislet sentenza partikolari biex jibda l-linja li tkellimt fuqha, u jgħdi: “The performance of Maltese students in international assessments remains poor”.  Niddubita kemm dan huwa minnu.  Niddubita għax tul dawn l-aħħar snin żdiedu konsiderevolment l-istudenti li speċjalizzaw, iggradwaw u jinsabu jaħdmu mhux biss f’pajjiżna, imma f’diversi partijiet tad-dinja.  Anzi, kif nafu, l-industrija qegħda titlob li jkollha iktar persuni li jistudjaw.  L-ekonomija tagħna trid iktar studenti milli għandna.  U min jaf id-dinja ta’ dawn il-gżejjer jagħraf li jekk ma taħsibx qabel, sew qabel, ma ssibx lil min lest li jiġi jaħdem miegħek.

Niftħu iktar

4.    L-istorja tal-edukazzjoni hija waħda ta’ suċċess.  Sewwa għamilna li, minkejja dak kollu li kellna ma’ wiċċna, ma waqafniex “ninvestu” fiha.  Ħadna ħsieb li naraw li nżidu l-għodda, anke jekk dawn jiswew iktar.  Ħadna ħsieb li ma nixxaħħux u nagħtu kull opportunità lil kull persuna li tistudja.  Miftuħa fiż-żmien u fl-istituzzjonijiet.  Anzi, ngħid li hemm lok għal iktar ftuħ.  Dak li nfaqna u li qed nonfqu għandna nberkuh fit-triq li twassal sabiex tħajjar bnedmin jistudjaw.  M’għandux ikun hemm ħitan li jżommu lil dak u lill-ieħor milli jistudja.  Għandu jkun hemm bibien miftuħin u l-flus m’għandhomx ikunu pre-rekwiżiti għad-dħul.

Jibni u jipprepara

5.    Wieħed irid ukoll jgħid li l-Istat Malti ħa ħsieb jinvesti sew, mhux biss fl-iskejjel tiegħu, imma f’dawk li nsejħu ‘privati’.  Fit-tnejn immoru tfal ta’ Maltin u Għawdxin.  Fit-tnejn irridu nassiguraw li jkun hemm aktar opportunitajiet, iktar preparazzjoni u formazzjoni.  Ebda settur ma jista’ jgħid li ma jippreparaw tajjeb lill-istudent.  Anqas li m’għandux l-għodda tajba biex isawwar u jbaskat.  Għandna, iva, preġudizzji.  Imma l-esperjenza turi l-kontra.  L-esperjenza turi li l-pajjiż qiegħed fi proċess kontinwu.  Qiegħed il-ħin kollu jibni u jipprepara.  U m’għandniex naċċettaw it-teorija li l-istudenti fi skejjem mhux tal-Istat huma aħjar minn dawk li jmorru fihom.

Storja ta’ suċċess

6.    L-edukazzjoni f’pajjiżna hija storja ta’ suċċess.  Hija hekk għax hija miftuħa għal kull persuna, ġejja minn fejn ġejja, u għandha liema età jew sess.  Id-deċiżjonijiet li ttieħdu fil-passat kien hemm min ried iżarmahom għar-raġunijiet żbaljati tiegħu.  Bħal min ried ineħħi l-istipendju jew jibdlu f’xi forma oħra.  Nifhem li hemm min jaraha diffiċli li jaċċetta li din irnexxiet.  Nifhem li hemm min jiddejjaq li anke min m’għandux il-flus jirnexxi.  Imma l-avvanz u l-progress soċjali tagħna m’għandniex nieħdu d-deċiżjoni żbaljata li nnaqqsuh fi triqtu.  Ma hemmx xi storja ta’ progress li tirrepeti ruħha fis-soċjetajiet kollha.  Bħal ma hemmx anqas xi mudell edukattiv li kull poplu jrid bilfors isegwi.

Nixba nisma’

7.    Nixba nisma’ kemm suppost l-affarijeit sejrin aħjar f’xi pajjiż ieħor, meta mill-qari tagħna, l-esperjenza hija kompletament il-kontra.  Bħalma xbajt nisma’ wkoll kemm ser jiġu “għorrief” minn barra biex jgħallmuna kif għandna ngħallmu.  F’dawn il-gżejjer bdejna pedamenti sodi fl-edukazzjoni.  Bnejna strutturi li jistgħu jiġu rfinati minna, imma li bażikament huma tajbin ħafna.  Għamilna ħafna sew.  Aħna għażilna li ninvestu fil-bnedmin.  Għażilna li nkomplu ninvestu f’uliedna, u sewwa għamilna, u hekk għandna nibqgħu nagħmlu.  It-talenti għandhom jiġu żviluppati u l-Istat għandu d-dmir li jassigura li dan isir.  Ikun definittivament żball kbir jekk l-Istat issa jiddeċiedi l-kontra.  Jekk xi ħadd qed jitħajjar li jġib skuża fuq is-‘suppost’ nuqqas ta’ suċċess tagħna sabiex inaqqas l-investiment, ser isibna nikkumbattuh il-kontra.  Pajjiżna mexa ‘l quddiem bl-edukazzjoni u jibqa’ jimxi jekk jibqa’ f’din il-linja.  Il-kontra jkun biss rigress u mhux progress.



No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...