7.10.18

Kaos u diżordni




1.     Minkejja kull raġuni jew argument, il-fatt jibqa’ li dan huwa s-sitt staġun minn meta hawn bidla fl-amministrazzjoni, li fih it-traffiku baqa’ prijorità.  Baqa’ prijorità nazzjonali u personali.  Smajna fil-medja kemm dam wieħed jew l-ieħor, imma l-iktar li konna interessati huwa dwar kemm domna aħna.  Gvern li niftakruh dieħel bl-għajta li huwa għandu “road map” għall-kumplikazzjoni tat-traffiku qed isib ruħu fi stat ta’ diżordni u kaos.  Kif jgħidu: bla kap u bla kuda.  Toroq inqalgħu, oħrajn infetħu tul is-sajf, imma l-pożizzjoni baqgħet l-istess. Mhux tort tax-xita.  Dan huwa l-istaġun li jġibha miegħu.  It-tort huwa ta’ ebda pjanar u ebda forma ta’ viżjoni.

Fit-toroq tagħna

2.     Minn dak li qiegħed nara, il-politika nazzjonali hawn baqgħet l-istess f’dawn is-snin.  Ħadd ma ġie b’ebda ideat ġodda u wettaqhom.  Il-konsegwenza hija sigħat twal mitlufa għas-soċjetà mill-ħajja, mill-ekonomija, mill-bniedem.  Nistgħu nwaħħlu fil-kwantità ta’ vetturi li hawn fit-toroq, imma x’qed nagħmlu hawn?  Tul il-ġimgħa, għal tweġiba parlamentari ġejt infurmat li fl-2017 ġew skrappjati 7,963 vettura u tul din is-sena, sa Awissu, ġew skrappjati 6,136.  Figuri li juru l-kuntrast bejn il-fatt li fuq naħa qed jonqsu madwar 22-25 vettura kuljum, u dik li għandna mal-50 vettura li qed tiġi liċenzjata kuljum.  Flok qed innaqqsu b’intelliġenza u b’inċentivi, qed inżidu bid-doppju l-problema.

Fil-parti t’isfel

3.     L-inċentiva li kien hemm żmien twil qabel, li jekk tixtri karozza ġdida tieħu l-għajnuna baqgħet hemm, imma ġiet użata biss għal 2,467, jiġifieri 7 vetturi kuljum, skont l-istess interpellanza parlamentari.  Wasal iż-żmien ta’ ħidma u inizjattivi ġodda, iktar u iktar meta rridu naċċettaw li s-suq prinċipali qiegħed f’vetturi diġà użati barra li jinġiebu hawn.  Anki t-toroq.  Jidher evidenti li għaddej ħafna taqlib u xogħol mhux b’direzzjoni.  Però, anki hawn, ma hemmx strateġija ċara.  Bdejna t-triq li tieħu minn Ħaż-Żabbar għaż-Żejtun, triq vitali għall-parti ta’ isfel ta’ Malta.  Għadda s-sajf u għadna biha għaddejja.  Mimlija toqob, u evidentement qed turi li għandha ħafna kumplikazzjonijiet.  Inbdiet, u hemm bżonn li titlesta.  Li wieħed ma jirrealizzax hu li dan huwa sinjal ta’ konfużjoni u diżordni fil-prijoritajiet tagħna.

Rifużjoni tat-taxxa 1

4.     L-argument jgħodd mhux biss għat-traffiku li laqatna sew tul din il-ġimgħa, imma wkoll għal setturi oħra.  Għax, bħala osservazzjoni ġenerali hawn b’mod ċar il-linja politika li l-Gvern mhuwiex interessat li jamministra sewwa u jmexxi kif għandu lil dan il-pajjiż.  Dan f’kollox joħroġ, f’kull tikka tal-metodi u s-sistemi li qed jiġu użati.  Tul il-ġimgħa wkoll, kelli tweġiba parlamentari mingħand il-Ministru tal-Finanzi dwar ir-rifużjoni tat-taxxa li diversi rċevew tul ix-xahrejn li għaddew.  F’din l-età teknoloġika, fejn l-internet banking huwa fortunatament b’saħħtu, iktar faċli, dirett u rħis, il-Ministru nforma lill-pajjiż li kien bagħat €11,403,066 lil 202,512 persuna bil-posta.

Rifużjoni tat-Taxxa 2

5.     Il-propaganda politika u l-linja xejn kumplimentari li l-bnedmin f’dawn il-gżejjer ikunu “grati” politikament jekk jirċievu ċekk rebħet bi spejjeż ikbar.  Kull ittra, skont il-Ministru, swiet 50 ċenteżmu li, anke jekk wieħed jaċċettaha, ġiet tiswa €102,256 li ntremew għall-vanaglorja tal-Gvern.  Mhux biss, imma ċertament daħlet ukoll lil diversi biex jieħu l-ħin u l-ispejjeż biex jiddepożitawhom jew isarrfuhom.  Kont napprezza, ċertament, li parti żgħira kellha tintbagħat bil-posta, imma mhux il-ħlasijiet kollha.  Sinjal ieħor xejn tajjeb għall-mod ordnat ta’ kif Stat għandu jitmexxa bl-inqas ħela u b’infieq għaqli.

Immigranti irregolari

6.     L-argument tan-nuqqas ta’ ordni u ta’ konfużjoni jirbaħ ukoll fis-settur tal-immigrazzjoni irregolari.  Tul dawn l-aħħar xhur kellna l-aħbar li f’binja abbandunata kien hemm mija u ħamsin persuna, immigrant, jgħix.  L-attenzjoni tal-medja kienet fuq kemm kienu qed iħallsu.  Dak, għal uħud, kien l-iskandlu.  Imma fir-realtà hemm ferm iktar minn dan.  Għax nistgħu ngħidu li għandna kontroll tal-pajjiż u tat-territorju nazzjonali tagħna, jekk m’aħniex nindunaw li f’post xejn dinjituż hemm daqshekk bnedmin jgħixu?  Hemm daqshekk persuni li ġew minn stati oħra Ewropej, daħlu u qed jaħdmu, u ħadd ma jinduna?  Inkredibbli, però sinjal ċar ta’ dak li qiegħed jiġri.

Vjaġġi Sqallin

7.     Dan mhux biżżejjed.  Jista’ xi ħadd jaċċetta li l-Istat Malti huwa mmexxi b’attenzjoni u rettitudni ekonomika, meta toħroġ l-aħbar li membru ta’ Awtorità nġiebet minn Sqallija b’ajruplan privat u ntefqet is-somma ta’ €8,000 u qisu ma ġara xejn?  Huwa, l-ewwel, żbaljat fih innifsu.  Huwa, ċertament, skandlu nazzjonali.  Però huwa indikattiv li hemm messaġġ lil min qiegħed taħt il-Ministri li dan jista’ jsir.  Li, jekk tippermettuli, huwa aċċettabbli, kif ukoll li ser ikun hemm min “ikopri”.  Protezzjoni politika lil min aġixxa b’dan il-mod, li jixhed sew għal dak li hu għaddej.  Naraw u nqisu dak li suppost ma jsirx, kif ukoll dak li suppost jiġi kundannat, u ma jiġix.  Dak li hu tajjeb sar ħażin u, kif qed naraw, dak li huwa żbaljat sar imġieba korretta.

Riformi

8.     Il-pajjiż qiegħed jitlef, ċertament, mill-valuri tiegħu.  Qiegħed jitlef mir-rettitudni morali li għandu jkun hemm f’kull pass li jieħu l-Gvern.  Hemm nuqqas ta’ attenzjoni.  Hemm traskuraġni, li qegħda takkumula f’kollox.  Il-pajjiż għandu bżonn l-ordni.  Għandu bżonn li ma jibqax fil-konfużjoni li għandu.  Kif nafu sew, it-taħwid iġib miegħu taħwid ikbar.  Nifhmu li min qiegħed imexxi l-pajjiż għażel li jaħrab u ma jitkellimx fuq dan.  Biss, dan, fih innifsu ma jfissirx li ma jeżistix.  Qiegħed magħna.  Kull ġurnata jikber u joħroġ fil-beraħ.  Qegħdin fi stat li qed ikabbar id-diżordni u l-konfużjoni, li jitlob minnu nnifsu tibdil lejn is-sewwa u l-ordni.  Jitlob riformi li dan il-Partit huwa kapaċi jwettaq.


No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...