7.10.18

Kelmet ix-xufier u ċertifikati oħra




1.    Bejn tbissima u bejn skantament il-pajjiż, tul din il-ġimgħa sema’ lill-Ministru tal-Finanzi jiddikjara li, imur fejn imur, diversi jsemmgħulu l-korruzzjoni.  Nifhmu.  Mhix aħbar pjaċevoli li trid tmur fl-Amerika Latina biex tifhem dak li qed iseħħ f’pajjiżna.  Għax ċertament hija waħda li l-kaġun jistrieħ kompletament fuq ħidmet dan il-Gvern.  Anke jekk ikun hemm mumenti meta esponenti tal-poter jippruvaw iwaħħlu f’ħaddieħor, ir-realtà hija li din ir-reputazzjoni xejn tajba ġiebha fuqna hu.  Nifhmuh iktar lill-Ministru, li huwa stess nafu kemm ma jridx ikun assoċjat ma’ dan.  Biss, hemm konsegwenzi politiċi li ilhom jakkumulaw tul dawn is-snin.  Ma’ min spiss tkun jibdew jitfixkluh miegħek.

Ħaddieħor irid inaddaf

2.    Il-Gvern preżenti bena ċertifikat għalih innifsu.  Kien hu li fil-mument li kellu jieħu deċiżjonijiet li jwarrab u juri li ma jittollerax il-korruzzjoni, baqa’ kompletament lura.  Kien hu li ma wettaqx dak li huwa mistenni minn kull demokrazija.  Proprju għalhekk li fl-irkejjen tad-dinja hemm issa r-reputazzjoni li ġiet fuqna.  Faċli titħammeġ b’egħmilek, però nafu li diffiċli ħafna biex titnaddaf lura.  Egħmil li l-esperjenza turi li jista’ jitwieled minn dak li twettaq inti stess, jew dak li ma tagħmilx meta tkun iffaċċat b’sitwazzjonijiet li fihom ikun hemm il-ħmieġ politiku.  Imma l-passat juri li jrid jiġi ħaddieħor biex inaddaf kompletament.

Waslu l-elezzjonijiet

3.    Għalxejn tidher f’postijiet varji u tieħu ritratti ma’ mexxejja politiċi oħra – il-pożizzjoni tibqa’ l-istess.  Jista’ l-elettorat iqum jaħseb li kollox sew, jew li għaddej il-kontra ta’ dak li qed jingħad.  Imma, f’mument jew ieħor, il-fatti jridu jiġu ffaċċati.  Nifhmu proprju f’dan aħna u sejrin lejn l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kemm huma importanti li jsiru ċerti passi għal min għandu l-poter.  Fuq naħa sabiex ikun hemm ċapċip mis-segwaċi tal-lemin varju li jittieħdu ritratti ma’ mexxejja bħall-President tal-Istati Uniti tal-Amerika, Donald Trump.  Ritratti mingħajr laqgħat.  Jew li nintervjenu max-xellug billi nidħlu għas-sejħa tal-President Franċiż Emanuel Macron fil-kwistjoni tal-vapur Aquarius.

Aġendi u ambizzjonijiet

4.    Hemm, ċertament, aġenda u ambizzjonijiet politiċi u personali.  Biss, iċ-ċertifikati li tagħti lilek innifsek jintrebħu minn dawk li jingħatawlek mill-oħrajn, anke jekk ikunu xufiera fl-Amerika Latina.  Dak li għaddej nifhmuh.  Se jkun hemm kumulu ta’ ħidma li trid issir.  Anki tul din il-ġimgħa, il-famużi Standard and Poor’s, li jħobb ħafna jsemmi l-Ministru tal-Finanzi, fi stqarrijiet u fil-Parlament tkellmu ċar ħafna.  Fir-rapport tagħhom qalulna: “In our opinion, the transparency and accountability of institutions bear directly on sovereign creditworthiness.  Moreover, transparent and accountable institutions enhance the reliability and accuracy of information and help make known in a timely manner any significant shifts in a country’s policymaking or the occurrence of risks relevant to sovereign credit risk.”

Standard and Poor’s

5.      Ix-xufier, żgur mhux forsi, dak li qalu Standard and Poor’s ma kienx qrah.  Biss, xorta l-Gvern ftaħar li ngħata ċertifikat fir-rating, imma fuq in-naħa l-oħra ħeba li fih hemm messaġġi varji li jimmeritaw attenzjoni.  Mhux biss il-kwistjoni tal-korruzzjoni, li ma tantx smajna mill-Ministru dwarha, imma wkoll il-kwistjoni tal-pagi tal-ħaddiema.  Din l-organizzazzjoni tfaħħar lill-Gvern li b’ħidmietu ser jassigura li fis-snin li ġejjim mhux ser ikun hemm żieda fil-pagi. B’aħbar, li ċertament tinteressa iktar lil min huwa minn taħt, insibu dan: Malta has also been successful in attracting labor from abroad across a wide range of industries and skill levels. As a result, the country's population increased by 2% on average between 2013 and 2017 (up from 0.6% between 2008 and 2012). These factors have prevented wage pressures from forming thus far, despite the tight labor market.”

Il-ħaddiem

6.      Jekk il-Ministru tal-Finanzi huwa inkwetat fuq x’qallu xufier, ngħidlu li għandu aktar xi jżid miegħu.  Niftakru li qabel l-2013 kien fost dawk li kien jibgħat il-messaġġ li kif jinqaleb il-gvern, il-ħaddiem kien ser ikollu l-istess pagi ta’ ħaddiema oħra fl-Unjoni Ewropea.  Kien hemm magna qawwija ta’ propaganda.  Dan wara, fit-tieni leġislatura, ma seħħx.  Is-sitwazzjoni kompliet ikkumplikat ruħha.  Il-persuni li jfittxu x-xogħol naqsu, imma l-pagi ma żdidux.  Din hija verament problema serja li titlob attenzjoni.  Titlob li jkun hemm miżuri sabiex min qiegħed f’pożizzjoni ekonomika żvantaġġjata jiġi mogħti l-għajnuna sabiex jitla’ ‘l fuq.  Waħda li tiċċertifika li dan il-Gvern mhuwiex favur il-ħaddiem, imma favur ħwejjeġ oħra.

NetFm

7.      F’kuntrast ma’ dan kollu, tul il-ġimgħa kellna l-aħbar tajba li l-istazzjon NetFM għamel qabża tajba tul dawn l-aħħar xahrejn.  Sinjal ċar u wieħed li juri li l-passi t-tajba nafu kif neħduhom, u li qed jagħtu riżultat.  Għad fadlilna fit-triq twila quddiemna.  Imma bdejna telgħin ‘il fuq.  Bdejna naraw differenza.  Nirringrazzjaw lid-diversi li jingħaqdu magħna ta’ kuljum.  Nirringrazzjaw lil dawk li qed jagħtu sehemhom.  Hemm riħ ta’ bidla, hemm metodu, triq differenti li qed tmexxina ‘l quddiem.  Ċertament, dan huwa ċertifikat li intom qed tagħtuna.  Wieħed li jagħmel ġieħ u jagħti tama qawwija f’dak li aħna naraw u l-Ministru tal-Finanzi jisma’.





No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...