9.10.18

ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT MILL-UNJONI EWROPEA – DISKUSSJONIJIET U ANALIŻI





6904. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi, x’diskussjonijiet u x’analiżi qegħdin isiru fi ħdan il-Ministeru dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea?

20/09/2018

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interepellant li hekk kif tħabbar ir-riżultat tal-referendum f’Ġunju 2016, li r-Renju Unit mhux se jibqa Stat Membru fl-Unjoni Ewropea, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ nieda inizjattivi sabiex jagħraf x’inhuma l-effetti, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, tal-Brexit fuq pajjiżna. Kumitat fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ġie stabbilit sabiex iħares aktar mill-qrib lejn l-iżviluppi tal-Brexit. Ir-rapport li ħareġ minn dan il-Kumitat kien parti minn eżerċizzju li mexxa il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza ma’ kull Ministeru sabiex jinftiehem iktar l-impatt ħolistiku tal-Brexit.

Eżerċizzju biex jiġu elenkati il-ftehim  bilaterali kollha li ġew iffirmati bejn Malta u r-Renju Unit sar fl-2016.  Dan l-eżerċizzju qed jiġi rivedut bħalissa, sabiex eventwalment mal-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ jistħarreġ kif jistaw jiġu żviluppati iktar ‘il quddiem ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.

F’dan l-isfond aktar kmieni din is-sena fit-3 ta’ Frar 2018, u fl-20 ta’ April 2018, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ iltaqa’ mal-Ministru għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, Lord Callanan, u mal-Ministru ta' l-Istat tar-Renju Unit għall-Ewropa u l-Amerika Latina, Sir Alan Duncan, rispettivament.  Magħhom iddiskuta l-impatt mistenni tal-Brexit fuq ir-relazzjonijiet bilaterali ekonomici, soċjali, kummerċjali u politici bejn Malta u r-Renju Unit, kif ukoll l-impatt li dan mistenni jkollu fuq Maltin li jgħixu, jaħdmu, jistudjaw, jew jirċievu kura fl-Ingilterra.

Fit-8 ta’ Ġunju 2018 saret ukoll laqgħa bilaterali bejn id-Direttur Generali għall-Affarijiet Politiċi fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ u il-Viċi Kap tad-Direttorat għall-Punent u n-Nofsinhar tal-Ewropa fi ħdan il-Foreign and Commonwealth Office Ingliż.  It-tnejn iddiskutew mezzi dwar kif ir-relazzjonijiet bilaterali bejn ir-Renju Unit u Malta jistgħu jimxu 'l quddiem.

Aktar ricenti, fit-30 ta’ Awissu 2018, il-Ministru Abela kellu laqgħa bilaterali man-Negozjatur Ewlieni tal-Unjoni Ewropea għall-Brexit, Michel Barnier, f’Dubrovnik, fejn ġie diskuss l-aħħar żvilluppi fit-taħdidiet mar-Renju Unit, u l-impatt tal-Brexit fuq ftehim bilaterali bejn Malta u r-Renju Unit.

Waħda mill-prioritajiet ewlenin ta’ Malta fit-taħdidiet fuq Brexit fuq livell Ewropew kienet li tħares id-drittijiet taċ-ċittadini Maltin li qed jgħxu fir-Renju Unit. Hija prijorità tal-Ministeru li jwassal bl-iktar mod wiesa’ lill-Maltin fl-Ingilterra, tagħrif dwar id-drittijiet tagħhom in vista tal-Brexit u kif jistgħu jiksbu s-“Settled Status Scheme”.  Dan sabiex ikunu jistgħu jibqgħu residenti fir-Renju Unit wara l-Brexit għal raġunijiet varji.

F’dan ir-rigward il-Ministeru flimkien mal-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Londra, f'Ġunju 2018, nieda kampanja ta’ informazzjoni li tinkludi dawn li ġejjin:

·              Avviżi u laqgħat sabiex iżżomm id-dijaspora Maltija fir-Renju Unit infurmata dwar l-iżviluppi relatati ma' Brexit fir-rigward id-drittijiet taċ-ċittadini u l-iSkema tas-“Settled Status”.

·              Il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Londra organizzat laqgħa għall-Maltin li jgħixu fl-Ingilterra nhar id-19 ta’ Ġunju 2018 u li għaliha attendew ukoll il-Ministru għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, Lord Callanan, kif ukoll uffiċjali mill-Home Office tar-Renju Unit sabiex jindirrizzaw il-mistoqsijiet imressqa mill-Maltin fl-Ingilterra.

·              Nhar il-Ħadd, 15 ta’ Settembru 2018, il-Ministeru ppublika avviżi fil-gazzetti lokali kollha f’Malta sabiex iżomm il-familjari f’Malta aġġornati biex ikunu jistgħu jinfurmaw lill-qraba tagħhom fl-Ingilterra.

·              Nhar it-Tlieta 18 ta’ Settembru u s-Sibt 22 ta’ Settembru 2018, il-Ministeru nieda wkoll avvizi simili fuq il-medja televiżiva permezz tax-xandir tal-aħbarijiet.

·              Inizzjattivi oħra qegħdin jiġu mfassla għas-sena 2019.

Il-Maltin fl-Ingilterra ser ikollhom ċans sa sentejn wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea sabiex jirregolarizzaw rwieħhom permezz tas-“Settled Status Scheme”.

Seduta  142
09/10/2018


No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...