2.10.18

AMBAXXATA MALTIJA GĦAĊ-ĊINA - ĦIDMA U INIZJATTIVI




6636. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizjattivi ttieħdu mill-ambaxxata tagħna għaċ-Ċina tul dawn l-aħħar tletin xahar?

25/06/2018

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ambaxxata ta’ Malta f’Beijing taħdem bla waqfien sabiex ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u ċ-Ċina jitjiebu fuq kull livell u f’oqsma vari. 

Il-volum, intensità, u kwalità ta’ attività mill-Ambaxxata ta’ Malta fiċ-Ċina tul dawn l-aħħar 30 xahar qabżet kull rekord.  Sar ħafna xogħol fir-relazzjonijiet bilaterali, kummerċjali, kif ukoll konsulari.  Kien hemm ukoll attività netta fil-qasam tal-kultura u l-edukazzjoni. 

Relazzjonijiet Bilaterali u kummerċjali

Mill-aspett politiku, iċ-Ċina tibqa’ priorità għall-pajjiżna u l-Ambaxxata firxet iktar il-kuntatti tagħha mal-awtoritajiet Ċiniżi.  B’mod partikolari, fl-2017, il-profil ta' Malta ġie elevat permezz tal-organizzazzjoni ta' diversi attivitajiet taħt il-kappa tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

F’dawn l-aħħar snin, kien hemm numru ta’ żjarat uffiċjali, fosthom iż-żjara tal-Onor. Prim Ministru f’Beijing u Guiyuang f’Lulju 2014, iż-żjara tal-Prim Ministru f’Hong Kong f’Mejju 2015, iż-żjara uffiċjali tal-eks Ministru tal-Affarjiet Barranin f’Lulju 2015, żjara tal-Ministru tal-Finanzi f’Jannar 2016 u tal-Ministru tal-Ġustizzja f’Marzu 2016. 

Bejn il-11 u l-15 ta’ Settembru 2018, l-Onor. Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, żar iċ-Ċina flimkien ma’ delegazzjoni ta’ għaxar esperti Maltin minn bosta ministeri u entitajiet speċjalizzati sabiex ħadu sehem fl-ewwel laqgħa tal-Medium Term Cooperation Plan 2014-2019. Qabel il-laqgħa, id-delegazzjoni Maltija kellha laqgħa għolja mal-Kunsillier tal-Istat u Ministru tal-Affarijiet Barranin taċ-Ċina, l-E.T. Wang Yi, fejn ġew diskussi r-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi fuq kull qasam: politiku, kummerċjali, kulturali u kuntatti bejn il-popli; kif ukoll it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-Ministru Wang  Yi  esprima wkoll ix-xewqa li jżur Malta fil-futur qarib u l-Ministru Abela laqa’ pożittivament. Dan jawgura tajjeb għar-relazzjonijiet futuri bejn Malta u ċ-Ċina. Id-diskussjonijiet matul din il-laqgħa seħħew fl-isfond tal-inizzjattivi taċ-Ċina hekk imsejjħa “One Belt, One Road” li fuqha qed jiġu msejsa l-politika internazzjonali taċ-Ċina kif ukoll ir-relazzjonijiet bilaterali taċ-Ċina ma’ diversi pajjiżi.

Apparti n-numru kbir ta' Delegazzjonijiet Ministerjali, żaru ċ-Ċina wkoll il-Malta-China Friendship Association, il-Malta Stock Exchange, il-Malta Council of Science and Technology, il-Malta Film Commission, eċċetra. Kien hemm ukoll diversi aġenziji tat-turiżmu li attendew bosta fieri u promozzjoni, kif ukoll promozzjonijiet minn skejjel tal-lingwa Ingliża u anke akkademiċi li marru biex jagħtu lectures f'diversi universitajiet madwar ċ-Ċina.

Ta’ min ifakkar il-45 Anniversarju mit-Twaqqif ta' Relazzjonijiet Diplomatiċi bejn Malta u ċ-Ċina fl-31 ta’ Jannar 2017, fejn kien hemm skambju ta’ ittri bejn il-Kapijiet ta’ Stat u Gvern u l-Ministri tal-Affarjiet Barranin taż-żewġ pajjiżi, jifirħu lil xulxin u lill-popli taż-żewġ pajjiżi f’din l-okkażjoni. L-Ambaxxata ħadmet ukoll sabiex jinżammu kuntatti tal-livelli għolja bejn Malta u ċ-Ċina, fosthom laqgħa li kelli mal-Ministru tal-Affarjiet Barranin, Wang Yi, fl-20 ta’ Novembru 2017 fil-marġini tal-ASEM Foreign Minister’ Meeting fil-Myanmar.

F’dawn l-aħħar tletin xahar, ġew iffirmati numru ta’ ftehim bilaterali:

-               Memorandum ta’ Ftehim dwar Kooperazjoni fl-Isport (19 ta’ Marzu 2015)
-               Ftehim ta’ Film Co-Production (27 ta’ Lulju 2015)
-               Memorandum ta’ Ftehim dwar Joint Research Centre (26 ta’ Awwissu 2015)
-               Memorandum ta’ Ftehim dwar Intercultural Exchange and the East Asia City of Culture (30 ta’ Mejju 2016)
-               Ftehim dwar is-Servizzi bl-Ajru bejn Malta u l-Hong Kong (5 ta’ Ottubru 2016)
-               Protokol ta’ Kooperazzjoni fil-qasam ta’ Mediċina Tradizzjonali Ċiniża (20 ta’ Jannar 2017)

Nixtieq insemmi wkoll li f’diversi okkażjonijiet l-Ambaxxata ta’ Malta f’Beijing irrappreżentat lil Malta f’diversi konferenzi li saru fiċ-Ċina kif wkoll madwar l-Asja. Tul dawn l-aħħar 30 xahar, l-Ambaxxata rrappreżentat lil Malta tlett darbiet fil-Korea t'Isfel, tlett darbiet fil-Mongolia, darbtejn f'Myanmar u darba fit-Tajlandja, il-Filippini u Hong Kong. 

F' Beijing, l-Ambaxxatur irrapreżenta lil Malta fiċ-China-EU Education Ministers' Conference, fl-Interpol Annual General Meeting (AGM), u l-Qingdao ASEM Connectivity Forum u l-BOAO Forum li sar fil-Provinċja ta' Hainan.

L-Ambaxxata rrappreżentat ukoll lil-Malta fil-Quarterly Meetings of the Asia Infrastructure Investment Bank (AIIB), peress li Malta tifforma parti minn din l-għaqda.

L-Ambaxxata tieħu sehem attiv ukoll f’dak li għandu x’jaqsam promozzjoni ta' kummerċ. Ħafna delegazzjonijiet magħmula minn investituri potenzjali qegħdin jiġu lejn Malta biex iżuru organizzazzjonijiet bħal Malta Enterprise, li issa għandha uffiċċjal permanenti jaħdem fil-Konsulat-Ġenerali f'Shanghai. Kull ġimgħa, il-kumpanija Shanghai Electric qed tibgħat gruppi ta' persuni li jikkonsistu f'inġiniera u amministraturi lejn Malta.

F'Beijing u Shanghai, kien hemm assistenza u organizzazzjoni estensiva għal numru kbir ta' delegazzjonijiet kemm minn Malta għaċ-Ċina u kemm miċ-Ċina għal Malta.

Konsolari

In-numri bla preċedent f’applikazzjonijiet għal VISA pproċessati mill-Ambaxxata f’Beijing ingħataw spinta mill-ipproċessar t’applikazzjonijiet għal VISA mill-Konsulat Ġenerali f'Shanghai.

Kuntratt ġdid ġie nnegozjat mal-VISA Facilitation Services (VFS) fejn maż-żewġ VISA Application Centres (VAC) li hemm f'Beijing u Shanghai, ġew miżjuda tlettax-il ċentru (VAC) imqassmin madwar iċ-Ċina u dawn jinkludu:  Xian, Wuhan, Shenyang, Jinan, Hangzhou, Nanjing, Guangzhou, Shenzhen, Changsha, Fuzhou, Chongqing, Chengdu u Kunming.  Ix-xogħol li sar ħalla l-frott mixtieq għaliex issa dawn iċ-ċentri ġodda jipprovdu aċċess iktar wiesa' lil ċittadini Ċiniżi biex jissottomettu applikazzjonijiet għal VISA madwar iċ-Ċina, mingħajr il-bżonn ta’ vjaġġar lejn Beijing jew Shangai.

Dawn l-inizzjattivi raw in-numru ta' applikazzjonijiet għal VISA minn ċittadini Ċiniżi jirdoppja bejn l-2015 (4,435 applikazzjoni) u l-2017 (9,019 applikazzjoni).

Ta’ min isemmi ukoll li t-twaqqif tal-Uffiċċju fiċ-Ċina mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-ħatra ta’ manager full-time taw spinta 'l quddiem fil-qasam tal-promozzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika.

Fl-2016, ġie komplut ukoll il-kuntratt ma’ VISA Facilitation Services għal applikazzjonjiet għal VISA f’Manila minn ċittadini Filippini, u konsegwentament saret emenda fil-kuntratt biex jinfetaħ Malta VISA Application Centre f’Cebu. Bħalissa, dan il-kuntratt qiegħed fil-proċess li jiġi mġedded. Applikazzjonijiet għal VISA mill-Filippini qegħdin jiġu pproċessati mill-Ambaxxata f’Beijing kuljum.

Simili għan-numri ta’ applikazzjonijiet minn ċittadini Ċiniżi, in-numru ta' applikazzjonijiet minn ċittadini Filippini ukoll irdoppja bejn l-2015 u l-2017 (1,350 għal 2,770).

Aktar minn 80% tal-applikazzjonijiet minn ċittadini Filippini huma għal 'Long Stay', akkompanjati minn Permessi għax-Xogħol. Dawn jirrikjedu ħafna xogħol biex il-Permessi għax-Xogħol jiġu ċċekkjati flimkien ma’ dokumentazzjoni oħra.

Għaddejin ukoll negozjati ta’ kuntratt simili ma’ VISA Facilitation Services rigward proċessar ta' applikazzjonijiet għal VISA minn ċittadini Vjetnamiżi billi jiġu mwaqqfa VISA Application Centres f'Hanoi u f’Ho Chi Minh City, simili għall-kuntratt nnegozjat fil-Filippini.

L-Ambaxxata f’Beijing rat ukoll żieda ta’ applikazzjonijiet għal VISA minn ċittadini ta’ pajjiżi oħra mill-Asja, speċjalment mit-Tajlandja u l-Mongolja.

L-iktar żvilupp sinifikanti f'dawn l-aħħar 30 xahar huwa x-xogħol involut fl-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għall-Malta Individual Investor Programme (MIIP) u l-Malta Residence and VISA Programme (MRVP).

Dawn l-applikazzjonijiet kollha jridu jgħaddu mill-proċess ta’ awtentikazzjoni tal-firem. Barra minn hekk, kull applikazzjoni tiġi akkumpanjata minn dokumentazzjoni estensiva li jkollha bżonn awtentikazzjoni ta' kopji vera ta’ oriġinali kif ukoll legalizzazzjoni ta’ dokumenti.

L-Ambaxxata stmat li iktar minn 800 applikazzjonji għal MRVP għaddew mill-Ambaxxata f’Beijing u l-Konsulat-Ġenerali f’Shanghai, fejn hemm xogħol relatat ma’ awtentikazzjoni and legalizzazzjoni ta' eluf ta’ dokumenti.

Jumejn fil-gimgħa huma ddedikati għall-applikazzjonijiet, appuntamenti u intervisti ma’ applikanti u familjari tagħhom kif ukoll l-ipproċessar ta’ dokumenti. Kull applikant hu obbligat li jippreżenta ruħu in persona fl-Ambaxxata jew fil-Konsulat Ġenerali bid-dokumenti tiegħu.

Tul dawn l-aħħar 30 xahar, l-Ambaxxatur indirizza 35 MRVP Promotion Forums. Għal kull avveniment kien hemm udjenzi ta’ bejn 300 u 1,000 persuna. Fora oħrajn ġew indirizzati mid-Deputat Ambaxxatur, is-Segretarju Ewlienu u l-Konslu Ġenerali f’Shanghai. Dawn il-Fora ttellgħu ukoll f'ċentri reġjonali barra minn Beijing u Shanghai, bħal Zhengzhou, Dalian, Shenyang, Hohhot, Qingdao u Jinan. Dawn iż-żewġ programmi wasslu għal żieda sinjifikanti ta’ investiment f'Malta, partikolarment bl-investiment ta’ kapital fis-suq tal-proprjetà u tal-bini.

Kultura u Edukazzjoni

F'Jannar ta' l-2016, l-Ambaxxata assisstiet lill-Ministru għall-Edukazzjoni, lir-Rettur tal-Università ta' Malta u diversi akkademiċi Maltin matul iż-żjara tagħhom fl-Università ta' Xiamen sabiex iġeddu l-Memorandum ta' Ftehim għall-kontinwazzjoni tal-Istitut ta' Konfuċju fl-Università ta' Malta.

Ir-Relazzjoni bejn l-Università ta' Shanghai tal-Mediċina Tradizzjonali u l-Università ta' Malta ġiet imsaħħa permezz ta' skambju ta' akkademiċi, filwaqt li l-Protokolli għall-prattika ta' Mediċina Tradizzjonali Ċiniża f'Malta ġew imtejba u mġedda.

Minbarra l-fieri għat-turiżmu u l-edukazzjoni, ttellgħu diversi avvenimenti varji, fosthom dawk li jfakkru Jum l-Indipendenza ta' Malta, li attendew minn bosta uffiċjali għolja tal-Ministeru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin, kif ukoll negozjanti Ċiniżi, promoturi tat-turiżmu, ambaxxaturi u kollegi diplomatiċi oħra. 

Waqt il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ġie organizzat avveniment biex issir spjega tal-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija għal Ambaxxati tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea bbażati f'Beijing. Mal-għeluq tal-Presidenza ta' Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sar avveniment li attendew għalih madwar 420 persuna, inkluż il-Viċi Ministru tal-Affarijiet Barranin taċ-Ċina. Il-preżenza ta’ uffiċjali tant għolja fi ħdan l-istruttura tal-gvern tixhed l-istima li Malta tgawdi mal-Gvern taċ-Ċina.

Saru wkoll diversi wirjiet, fosthom wirja fotografika li fiha xeni ta' anzjani mill-Birgu kienet miftuħa uffiċjalment f'Mejju minn fotografu famuż Malti, is-Sur Joseph P. Smith. Dan sar fil-foyer ta' waħda mill-libreriji l-aktar prominenti ta' Beijing, Xicheng Library No. 1. Il-wirja żaruha minn aktar minn 5,000 persuna.

L-Assoċjazzjoni tal-Poplu Ċiniż għall-Ħbiberija ma' Pajjiżi Barranin ġentilment organizzat li għaliha attendew aktar minn 200 mistiedna uffiċjalment.

Barra minn hekk, mill-2016, Malta bdiet tieħu sehem fiċ-Ċelebrazzjonijiet ta' Jum l-Ewropa li ssir kull sena f'Beijing fid-9 ta’Mejju fejn tiġi armata kabina b’ikel tipiku Malti kif ukoll diversi fuljetti ipprovduti mill-Awtorità tat-Turiżmu ta 'Malta. Mejda Maltija ġiet ukoll organizzata wkoll għall-Europe Street Day, avveniment li sar fit-23 ta' Settembru 2017 f'wieħed miċ-Ċentri Kummerċjali l-aktar prominenti f'Beijing.

Seduta  139
02/10/2018


No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...